Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika liema pajjiżi bbenefikaw minn għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta matul is-sena 2025 u kemm ġew mgħoddija fondi lil kull pajjiż?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Hon. Interpellant illi l-ammonti li jkopru kontribuzzjonijiet u interventi umanitarji diretti, kif ukoll dawk imwettqa permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li saru fl-2025 jinsabu fit-tabella hawn taħt annessa. Pajjiż jew kategorija benefiċjarja Ammont preliminari Varji – Allokazzjonijiet ta’ nefqa umanitarja bhala s-sehem ta’ Malta fl-UE €3,090,000.00 Varji – Kontribuzzjonijiet lin-Nazzjonijiet Maqghuda ghall-azzjonijiet mirati f’pajjizi fi bzonn ta’ ghajnuna umanitarja €279,676.00 Ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża €368,684.89 Jemen €40,000.00 Kongo €50,000.00 Ukrajna €75,042.00 Ħaiti €75,000.00 Sudan €75,000.00 Pakistan €20,000.00 Ġamajka €35,000.00 Kuba €35,000.00 Libja €12,728.00

Għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tat fondi Malta f’għajnuna umanitarja lil pajjiżi oħra matul is-sena 2025?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli  Interpellant illi, skont id-data preliminari disponibbli, matul is-sena 2025 Malta rrapportat ammont totali ta’ €4,156,131 f’assistenza u nefqa ta’ natura umanitarja taħt il-klassifikazzjonijiet rilevanti tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u tal-Appoġġ Uffiċjali Totali għall-Iżvilupp Sostenibbli (TOSSD). Id-data għadha proviżorja u hija soġġetta għal diskussjoni u validazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Barra minn hekk, għandu jissemma s-sehem ta' Malta fil- Ukraine Facility , li jifforma parti mill-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) permezz tal-Baġit Ġenerali tal-UE. Fl-2025, il-kontribuzzjoni ta' Malta lejn il- Ukraine Facility kienet tammonta għal €5,159,221.11. Parti minn dawn il-fondi huma allokati għal miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-impatt umanitarju tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni fis-soċjetà Ukrena.

Paceville u n-Naxxar - Problemi strutturali fil-binjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu n-nuqqasijiet li setgħu ġew evitati u li rriżultaw fi problemi strutturali li seħħew fil-binjiet f’Paceville, Triq Paceville (fil-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) u fin-Naxxar (Triq il-Milizzja / l-area ta’ Triq is-Seneskalk)? Jista’ jassigura li dawn il-problemi strutturali jiġu evitati fil-futur? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tal-investigazzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) f’dawn iż-żewġ istanzi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevol Interprellant, illi fiż-żewġ każijiet, l-Awtorità ingaġġat esperti tekniċi indipendenti sabiex jippreparaw rapporti dwar iċ-ċirkostanzi rispettivi, liema rapporti qed jiġu analizzati mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Nirrimarka li l-Awtorità aġixxiet b'mod tempestiv u responsabbli sabiex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku, filwaqt li żgurat li r-residenti affettwati jibqgħu jingħataw l-assistenza u s-sostenn meħtieġa matul il-proċess kollu. Il-Ministeru, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Awtorità, jibqa' impenjat biex ikompli jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv u regolatorju ta' dan is-settur.

DTU - Persuni rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati persuni mad-Day Therapy Unit (DTU) matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l- Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja mhux responsabli mid-Day Therapy Unit (DTU). Il-Unit imsemmi (DTU) jitmexxa minn entita mhux governattiva.

Panic alarms attivati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie attivat panic alarm minn meta ġie introdott sal-aktar data riċenti u kemm minn dawn l-attivazzjonijiet wasslu għal intervent tal-Pulizija jew għal arrest?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ksur ta’ Protection Orders/Temporary Protection Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew akkużati u kemm ġew ikkundannati persuni fuq ksur ta’ Protection Order jew Temporary Protection Order mill-2015 sal-aktar data riċenti, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat l-ewwel parti tal-mistoqsija, filwaqt li ninforma lill-Onor Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżomx statistika dwar it-tieni parti tal-mistoqsija.

Sena skolastika 2025-2026 – Livell SEC – Pass wieħed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti kisbu mill-inqas pass wieħed fil-livell SEC (O Level) fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kandidati li kisbu mill-anqas ‘pass’ wieħed fis-sena skolastika 2025-2026 huwa 4822.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF – Istituzzjonijiet post-sekondarji u korsijiet vokazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026 qed ikomplu jistudjaw f’istituzzjonijiet post-sekondarji jew f’korsijiet vokazzjonali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ studenti full-time ġewwa l-MCAST li waqfu mill-istudji tagħhom matul is-sena akkademika 2025–2026 (sa nofs Ġunju 2026), u li sa nofs Settembru 2026 applikaw għal kors full-time għas-sena akkademika 2026–2027, huwa ta’ 132.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026, ma jispiċċawx barra mis-sistema edukattiva jew mis-suq tax-xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull student ikollu l-opportunità jilħaq il-potenzjal tiegħu u jkompli javvanza fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport qed jadotta approċċ ibbażat fuq il-prevenzjoni, l-intervent u l-kumpens biex inaqqas l-Early Leaving from Education and Training (ELET), iżid il-kisba ta' kwalifiki u jsaħħaħ it-tranżizzjoni lejn edukazzjoni ulterjuri u l-impjieg. Fost il-miżuri ta' kumpens hemm l-Alternative Learning Programme (ALP), il-klassijiet ta' reviżjoni mingħajr ħlas, il-programm GEM16+, il-korsijiet tad-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja, il-foundation programmes u l-vocational pathways tal-MCAST, kif ukoll l-Istitut għat-Trades li joffri taħriġ f'snajja' u professjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, in-National Skills Strategy 2026–2035 qed issaħħaħ il-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tal-futur u r-rabta bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol, filwaqt li Working Group dwar il-Post-Compulsory Education qed jevalwa u jsaħħaħ il-provvista ta' second chance education. Madankollu, il-prijorità ewlenija tibqa' l-prevenzjoni u l-intervent bikri permezz ta' investiment fil-kwalità tat-tagħlim, l-appoġġ lill-edukaturi u lill-istudenti, is-servizzi ta' gwida, il-kollaborazzjoni mal-familji u sistemi ta' monitoraġġ bikri. Dan l-approċċ qed jgħin biex aktar studenti jibqgħu fl-edukazzjoni, jiksbu kwalifiki ogħla u jidħlu fid-dinja tax-xogħol b'ħiliet adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026, maqsuma skont is-sess, il-lokalità u t-tip ta’ skola li attendew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni qeda kif tidher hawn taħt. 2025-2026 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 Ebda Livell 3264 367 7 743

Sena skolastika 2025-2026 – Edukazzjoni obbligatorja – Studenti li ma kisbux livell MQF

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Level 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn 4,381 student, in-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Livell 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026 fil‑Kwalifika ta’ Tmiem l‑Edukazzjoni Sekondarja (SSQ&P) jammonta għal 743. B’hekk nistgħu ninnutaw li l-ammont ta’ studenti li ma kisbux MQF Livell 1 jew ogħla naqas mis-snin preċedenti.

Livelli MQF – Metodoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-metodoloġija użata biex jiġi assenjat il-livell MQF lill-istudenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 607.01, ir-Regolamenti dwar il-Qafas Malti tal-Kwalifiki għal Tagħlim Tul il-Ħajja, tistabbilixxi l-qafas regolatorju li abbażi tiegħu jiġu klassifikati l-kwalifiki u r-rikonoxximenti li jistgħu jingħataw permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali. Dan il-qafas regolatorju huwa bbażat fuq id-deskritturi tal-livelli fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, magħruf bħala l-MQF. Ninsab infurmat li l-livelli fi ħdan l-MQF huma marbuta ma’ deskritturi li jirriflettu l-livell ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi tal-individwu. Għaldaqstant, ninsab infurmat li il-klassifikazzjoni fi ħdan l-MQF ma għandhiex titqies bħala sempliċi numru jew livell assenjat lill-istudent, iżda għandha tinftiehem fil-kuntest tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent li jkun inkiseb u tal-livell ta’ tagħlim li dik il-kwalifika tirrappreżenta. Infurmat li Ir-regolamenti jiddefinixxu wkoll l-“eżitu tat-tagħlim” bħala dikjarazzjoni li tiddefinixxi dak li persuna li tkun qed titgħallem tkun taf, tifhem u tkun kapaċi tagħmel meta ttemm il-proċess ta’ tagħlim. Għalhekk, l-eżiti tat-tagħlim huma element importanti biex wieħed jifhem kif kwalifika jew rikonoxximent jiġi relatat ma’ livell partikolari fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kapitolu 607, l-Att dwar l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, jiddefinixxi wkoll l-akkreditament bħala l-approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti li, fost affarijiet oħra, programm edukattiv marbut ma’ livelli fi ħdan l-MQF jilħaq l-istandards ta’ kwalità. Dan ifisser li l-livell tal-MQF għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-programm edukattiv, tal-kwalifika u tal-istandards ta’ kwalità applikabbli. Għalhekk, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-livell tal-istudent u l-livell tal-kwalifika. Fil-prattika tal-qafas regolatorju, dak li jkun klassifikat jew marbut ma’ livell tal-MQF huwa l-programm, il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rilevanti. L-istudent, min-naħa tiegħu, jikseb dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent wara li jkun temm il-perkors edukattiv rispettiv. Dan huwa konsistenti mal-mod kif il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-qafas bħala wieħed għall-klassifikazzjoni tal-“kwalifiki u r-rikonoxximenti”. Barra minn hekk, il-Kapitolu 607 jagħmel distinzjoni bejn edukazzjoni avvanzata u edukazzjoni ogħla b’riferiment dirett għal-livelli tal-MQF. L-edukazzjoni avvanzata hija definita bħala tagħlim formali mhux obbligatorju li jwassal għal kwalifika nazzjonali klassifikata sa u inkluż il-livell 4 tal-MQF, filwaqt li l-edukazzjoni ogħla tirreferi għal tagħlim formali mhux obbligatorju jew riċerka li twassal għal kwalifika nazzjonali fil-livell 5 tal-MQF jew ogħla, jew kwalifika barranija f’livell komparabbli. Għaldaqstant, meta student itemm b’suċċess programm ta’ studju u jikseb il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rispettiv, il-livell MQF assoċjat miegħu jirrifletti l-livell li fih tkun ġiet klassifikata dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju applikabbli. Dan il-qafas għandu l-għan li jipprovdi struttura għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki u r-rikonoxximenti, inkluż dawk miksuba permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, fuq il-bażi tad-deskritturi tal-livelli stabbiliti fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Għaldaqstant, il-metodoloġija ma tikkonsistix f’assenjazzjoni arbitrarja ta’ livell lil student individwali, iżda fil-klassifikazzjoni tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju u d-deskritturi tal-MQF, filwaqt li jitqiesu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim marbuta magħhom. L-aspett regolatorju għandu rwol important anki meta nikkunsidraw programmi akkreditati mhux formali li jingħataw Kwalifika ta’ MQF. Dawn il-programmi iridu isegwu struttura stabbilita ta’ skrutinju u evalwazzjoni regolatorja. B’hekk, infurmat li student jikseb kwalifika jew rikonoxximent fil-livell MQF rispettiv skont il-perkors edukattiv li jkun segwa u temm, u skont ir-rekwiżiti tal-programm u tal-kwalifika rispettiva.

Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Tagħlim lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tagħlim qed jingħata lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali rigward is-sesswalità u s-saħħa sesswali tal-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll meta beda jingħata dan it-tagħlim?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bis-sehem ta’ professjonisti u anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra ikunu organizzati programmi u tingħata gwida dwar aspetti differenti tas-sesswalità.

Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Programmi edukattivi għall-persuni b’diżabilità intellettwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi għall-persuni b’diżabilità intellettwali rigward is-sesswalità tagħhom u s-saħħa sesswali qegħdin fis-seħħ? Jista’ jgħid ukoll meta daħlu fis-seħħ dawn il-programmi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-programmi dwar relazzjonijiet u saħħa sesswali ilhom isiru mill-1992, meta daħal is-suġġett tal PSCD, li dak iż-żmien kien jismu PSE. Kull minn hu preżenti fil-klassi jiehu dan it-tagħlim. Ta’ min jgħid li flimkien mal-Aġenzija Sapport, waqt it-taħriġ tal-COPE li se jsir fit- tletin ta' April 2027 li ser isir lil madwar 250 għalliem tal-PSCD, it-tema se tkun it-taghlim dwar relazzjonijiet u sesswalità lil studenti bi bżonnijiet differenti li jinstabu fil-klassijiet mainstream, kemm primarji, medji u sekondarji.

Kulleġġi – Resource centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema kulleġġi hemm resource centre (għal persuni b'diżabilità)? Jista’ jgħid ukoll kemm ilu jopera kull resource centre?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-terminu resource centre m'għadiex tintuża għaliex dawn qed jigu kkunsidrati bħala skejjel li preżentament huma dawn li ġejjin: San Miguel Primary School Guardian Angel Secondary School Hellen Keller School Skola Dun Manwel Attard, Wardija Skola Primarja Sannat

Postijiet tax-xogħol – Aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità – Spiża massima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża massima li jiffinanzja l-Gvern lil min jimpjega, sabiex il-postijiet tax-xogħol isiru aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kif jista’ wieħed jibbenefika minn dan il-finanzjament?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.