Legislature:
Category:
Reset
Active:

Charging points pubbliċi li ma jaħdmux

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1896 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u tgħid kemm hemm charging points pubbliċi li ma jaħdmux u kemm ilhom barra mis-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn total ta’ 578 charging point pubbliku hemm sebgħa li mhux jiffunzjonaw minħabba li għadhom ma waslux il-parts elettroniċi minn barra.

L.S. 379.08 - Notifiki ta’ konċentrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru notifiki ta’ konċentrazzjoni a tenur tal-L.S. 379.08 - Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet mill-bidu tal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f’kull każ jgħid: i.    meta saret in-notifika; ii.   x’inhu l-istatus attwali ta’ kull notifika li saret; iii.  fir-rigward ta’ liema settur saret in-notifika; u iv.  min kienu l-entitajiet konċernati?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li din l-informazzjoni tinstab diġa disponibbli għall-konsum pubbliku fuq is-sit uffiċċjali tal-awtorita MCCAA permezz tal-link https://mccaa.org.mt/concentrations/

CfT: Framework Agreement to supply, install, commission and maintain pre-fabricated, automatic, self-cleaning public conveniences in touristic areas - Ministry for Tourism (CT2030/2022)

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1827, jista’ l-Ministru jgħid kif u għaliex tender li ħareġ taħt il-Ministeru għat-Turiżmu biex jaqdi żoni turistiċi m’għadux jaqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu? Jista’ jgħid ukoll liema Ministeru issa hu responsabbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tender ħareġ minn Dipartiment li llum m’għadux jagħmel parti mid-dekasteru tal-Ministeru tat-Turiżmu.  Għaldaqstant nirreferih biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Infrastruttura tal-elettriku – Distribution centres, substations ġodda u tqegħid ta’ cables

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12119 tal-14-il Leġiżlatura, tista' l-Ministru tgħid kemm saru distribution centres u substations ġodda, u kemm tqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, matul is-snin 2023, 2024, 2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont is-sena? Tista' wkoll tipprovdi tabella li turi l-istess tagħrif dwar il-kilometri ta' cables u substations kummissjonati matul l-istess perjodu, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar erba’ snin l-Enemalta kompliet twettaq programm estensiv ta’ investiment u tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Fir-rigward ta’ substations ġodda, fl-2023 ġew kummissjonati 41 substation ġdida, fl-2024 ġew kummissjonati 58, fl-2025 ġew kummissjonati 56, filwaqt li fl-2026 ġew kummissjonati 57. B’hekk, matul il-perjodu 2023-2026 ġew kummissjonati total ta’ 212-il substation ġdida. Matul l-istess perjodu saru kemm xogħlijiet ta’ tisħiħ permezz ta’ low-voltage feeders ġodda, kif ukoll feeders ġodda marbuta mal-kummissjonar ta’ substations ġodda. Fl-2023 ġew kummissjonati 86 low-voltage feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network, flimkien ma’ 57 feeder minn substations ġodda, għal total ta’ 143 feeder. Fl-2024 ġew kummissjonati 166 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 157 feeder minn substations ġodda, għal total ta’ 323 feeder. Fl-2025 ġew kummissjonati 153 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 110 minn substations ġodda, għal total ta’ 263 feeder. Fl-2026 ġew kummissjonati 127 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 121 minn substations ġodda, għal total ta’ 248 feeder. B’hekk, bejn l-2023 u l-2026 ġew kummissjonati 977 low-voltage feeder ġdid. Fir-rigward tal-infrastruttura tal-cables, sar investiment estensiv fin-network ta’ vultaġġ medju, b’madwar 275 kilometru ta’ cables ta’ medium voltage bħala parti mill-programm ta’ investiment fin-network tad-distribuzzjoni. Matul din is-sena infetħu tliet Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar, is-Siġġiewi u l-Imsida. Dak tas-Siġġiewi kien jinkludi tqegħid ta’ madwar 39 kilometru ta’ cables ta’ 33kV u 32 kilometru ta’ cables ta’ 11kV.  Filwaqt li l-konnessjoni taċ-ċentru l-ġdid fin-Naxxar man-network saret miċ-Ċentru ta’ Diostribuzzjoni tal-Mosta u kienet tinkludi madwar 15-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ 33kV. ll-pjan ta’ disa’ snin li għandha l-Enemalta għat-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tan-network tal-elettriku, fost oħrajn jipprevedi investiment fi 12-il Ċentru ta’ Distribuzzjoni ieħor ġdid li se jsiru fis-snin li ġejjin. Matul l-aħħar erba’ snin saru wkoll upgrades f’Ċentri ta’ Distrubuzzjoni eżistenti, fosthom fil-Freeport, Buġibba, St Andrew’s u Kirkop, b’interventi fuq transformers, switchgear u infrastruttura ta’ 33kV u 11kV. Dan il-programm ta’ investiment u tisħiħ tan-network se jissokta fis-snin li ġejjin, b’numru ta’ proġetti infrastrutturali li diġà jinsabu fi stadji differenti ta’ pjanar u kummissjonar. Dawn jinkludu investiment sostanzjali fl-infrastruttura tal-elettriku f’Għawdex. L-Enemalta nediet il-proċess ta’ xiri għal żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, b’kull cable ippjanat li jkun twil madwar tmien kilometri. Dawn il-links ġodda huma maħsuba biex ikomplu jżidu l-kapaċità u r-redundancy fil-provvista tal-elettriku lejn Għawdex. B’mod parallel, inħarġu wkoll żewġ sejħiet għall-offerti b’valur stmat kumplessiv ta’ kważi €11-il miljun għat-tisħiħ tan-network intern ta’ 33kV f’Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-provvista u t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ 33kV li ser jgħaqqdu l-infrastruttura l-ġdida ta’ 132kV maċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u l-Qala, kif ukoll maċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni l-ġdid fiż-żona tar-Rabat/Kerċem. Ix-xogħlijiet huma pjanati fuq tliet fażijiet li jkopru Għajnsielem, ix-Xewkija u ż-żona bejn ix-Xewkija u r-Rabat. Qed ikompli wkoll ix-xogħol preparatorju fuq konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex. Dan il-proġett jinkludi l-istudji u l-marine surveys meħtieġa għar-rotta u l-landing points, l-infrastruttura relatata, il-cables ta’ 132kV fuq l-art f’Malta u Għawdex, kif ukoll id-disinn, l-installazzjoni u l-kummissjonar tal-konnessjoni ta’ 132kV taħt il-baħar. Il-programm ippjanat f’Għawdex jinkludi wkoll żewġ Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda u aktar tisħiħ tal-konnettività interna tan-network ta’ 33kV f’Għawdex. Dawn l-investimenti jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li diġà twettaq mill-2023 ’l hawn u jiffurmaw parti mill-programm kontinwu tal-Enemalta sabiex tkompli żżid il-kapaċità, ir-redundancy u r-reżiljenza tan-network tal-elettriku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammonti ta’ substations u feeders ġodda li ġew kummissjonati bejn l-2023 u l-2026, maqsumin sena b’sena u lokalità b’lokalità.

Enemed - PA/07103/25 - Irtirar tal-applikazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għaliha l-Enemed irtirat l-applikazzjoni PA/07103/25, u x'inhi l-alternattiva ppjanata għat-tkabbir li kien maħsub f'dik l-applikazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-applikazzjoni ġiet irtirata biex ikunu protetti s-siġar taż-żebbuġ li hemm fiż-żona u allura jsir tentattiv biex jinstab post alternattiv.

ARMS – Promozzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fl-ARMS, minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Tista' tgħid ukoll, f'kull każ, minn liema grad għal liema grad ingħataw il-promozzjonijiet, u meta nħarġet is-sejħa għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli lokali – Ġbir ta’ skart – Ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sistema tal-ilmenti dwar il-ġbir tal-iskart naqqsitx is-saħħa lill-kunsilli lokali biex jagħmlu kuntatt dirett mal-kuntrattur tal-ġbir tal-iskart?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kuntratti tal-Kunsilli Reġjonali ma jneħħux id-dritt li l-Kunsilli Lokali jkollhom kuntatt dirett mal-kuntrattur tal-ġbir tal-iskart sabiex jirrapurtaw xi ilment dwar ġbir tal-iskart fil-lokalità tagħhom. Dan huwa konfermat ukoll mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2998.

Kunsilli lokali – Ġbir ta’ skart – Ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ilmenti dwar il-ġbir tal-iskart li jsiru lill-kunsilli lokali jintbagħtux lill-kunsilli reġjonali biex jagħmlu kuntatt mal-kuntrattur tal-ġbir tal-iskart?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsilli Lokali li hemm Kunsilli Lokali li jieħdu ħsieb l-ilmenti huma, oħrajn jieħdu ħsieb l-ilment u jżommu lir-Reġjun infurmat u oħrajn jgħaddu l-ilmenti direttament lir-Reġjun.

POYC – Tqassim tal-mediċini – Informazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema sit elettroniku persuna tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar is-servizz tat-tqassim tal-mediċini tal-POYC?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit elettroniku tal-POYC huwa poyc.gov.mt.

POYC – Tqassim tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex minnu li t-tqassim tal-mediċini tal-POYC jiddependi biss mid-diskrezzjoni assoluta tal-ispiżjar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi għandha informazzjoni ħażina. Il-mediċini tal-POYC ma jitqassmux skont id-diskrezzjoni tal-ispiżjar, iżda skont il-liġi: jingħataw lil min huwa intitolat għalihom taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318), fuq preskrizzjoni medika, kif spjegat ukoll fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 2995.

POYC – Tqassim tal-mediċini – Lokalitajiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema lokalitajiet l-iskema tat-tqassim tal-mediċini tal-POYC qiegħda titħaddem, u kif taħdem eżatt?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC) titħaddem permezz tal-ispiżeriji tal-komunità parteċipanti kollha f’Malta u Għawdex u ċioe' 234 spiżerija. Il-pazjenti intitolati għal mediċini b’xejn jirreġistraw ma’ spiżerija tal-għażla tagħhom, minn fejn jiġbru l-mediċini tagħhom, filwaqt li l-POYC tqassam il-mediċini lil dawn l-ispiżeriji.

POYC – Tqassim tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex minnu li l-wegħda dwar it-tqassim tal-mediċini tal-POYC saret fil-manifest elettorali tal-2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-wegħda dwar it-tqassim tal-mediċini ilha implimentata, kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2993.

Servizz tas-saħħa pubblika – Tqassim ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il unità minn kull tip ta’ borża għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika tqassmet matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Tipi ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka t-tipi kollha ta’ boroż għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika u, għal kull prodott, jagħti l-kodiċi tal-prodott, id-deskrizzjoni, il-marka u l-manifattur? Jista’ jagħti tagħrif dwar it-tip, il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull prodott, inklużi l-varjanti u d-daqsijiet disponibbli? Jista’ jagħti n-numru ta’ pazjenti li bħalissa qed jingħataw kull prodott?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika skont il-faxex tal-età?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont jekk il-pazjent għandux colostomy, ileostomy jew urostomy, skont is-sess, u bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Terapija tat-tfal – Nuqqas ta’ kunsens mill-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ terapija għal tfal f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika li ma tkomplewx minħabba nuqqas ta' kunsens minn wieħed mill-ġenituri f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.