Heritage Malta - Reġistru tal-interventi ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta żżommx reġistru tal-interventi ta’ restawr li jistgħu jaffettwaw l-użu futur ta’ siti storiċi bħala locations għall-films? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan ir-reġistru jinkludix valutazzjoni tal-effett fuq il-potenzjal tal-filming?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta żżomm dokumentazzjoni dettaljata ta’ kull proġett ta’ restawr, li tinkludi l-istat tas-sit qabel, matul u wara l-interventi mwettqa, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tax-xogħlijiet kollha.
Din id-dokumentazzjoni tinżamm skont il-prinċipji u l-etika tal-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali, u mhux bil-għan li jiġi evalwat il-potenzjal tas-siti għal użi speċifiċi, inkluż għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet awdjoviżivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta jew il-Kummissjoni Maltija għall-Films ġabrux informazzjoni dwar spejjeż addizzjonali li produzzjonijiet tal-films kellhom jagħmlu sabiex jaħbu jew ineħħu viżwalment elementi moderni f’siti storiċi? Jekk iva, jista’ jagħti ċ-ċifri disponibbli għall-aħħar ħames snin?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispeċifikazzjonijiet tat-tenders għal proġetti ta’ restawr ikkummissjonati minn Heritage Malta jinkludux kundizzjonijiet dwar l-integrazzjoni sensittiva ta’ servizzi moderni u l-preservazzjoni tal-karatteristiċi viżivi u arkitettoniċi tas-sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta tibbaża l-proġetti ta’ restawr tagħha fuq prinċipji internazzjonali ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-ICOMOS, fosthom il-
Venice Charter
tal-1964.
Dawn il-prinċipji, li jinkludu r-riversibbiltà, l-intervent minimu u d-distinzjoni bejn elementi oriġinali u interventi moderni, jiġu integrati mill-periti responsabbli mill-konservazzjoni fl-ippjanar, fit-tmexxija u fl-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ restawr.
Għalkemm dawn il-prinċipji mhux neċessarjament ikunu elenkati bħala kundizzjonijiet individwali fl-ispeċifikazzjonijiet tat-tenders, xorta waħda jiffurmaw parti integrali mill-implimentazzjoni tal-proġetti.
Barra minn hekk, dawn ix-xogħlijiet ikunu suġġetti għall-monitoraġġ tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, sabiex jiġi żgurat li jiġu osservati l-istandards rilevanti tal-konservazzjoni u titħares l-integrità storika, arkitettonika u viżiva tas-siti.
L-Imġarr, Għawdex – Fast Ferry Terminal – Nefqa fuq iż-żona ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa t-tisqifa fiż-żona ta’ stennija għall-passiġġieri fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, li jservi l-vjaġġi lejn il-Belt Valletta, inklużi l-ispejjeż tad-disinn, ix-xiri u l-installazzjoni tagħha, u jagħti rendikont separat ta’ kull nefqa?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għat-tisqifa fiż-żona ta’ stennija tat-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, kienet ta’ €181,773.80, (eskluż l-VAT).
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett f'Ħad-Dingli li se joffri servizzi ta' respite għal tfal u żgħazagħ b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta u jibda jopera? Tista' tgħid ukoll x'servizzi ser ikunu qegħdin jingħataw minn dan iċ-ċentru?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett f'Ħad-Dingli hija kważi kompluta, u matul il-ġimgħat li ġejjin ser jibdew ix-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll xogħlijiet oħra ta’ tlestija.
Huwa mistenni li l-proprjetà tkun lesta biex tiġi operata fi żmien sena.
Nixtieq nenfasizza li x-xogħlijiet fil-bini jeħtieġu metodu speċifiku sabiex jiġi ppreservat il-valur storiku tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti.
Min-naħa ta’ servizzi, il-proġett f’Ħad-Dingli hu mmirat li jipprovdi servizz ta’ respite għall-minuri. Filwaqt li bħalissa qed titlesta l-infrastruttura, bdew ukoll il-preparamenti biex jitfassal PSP agreement li permezz tiegħu se jopera dan il-proġett ġaladarba l-infrastruttura tkun lesta.
Vittmi tal-pillola Thalidomide – It-tieni sejħa għall-kumpens
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għat-tieni sejħa għal kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu eliġibbli, kemm hu l-valur ta' kumpens għal kull persuna u meta hemm ħsieb li jsiru dawn il-ħlasijiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onoervoli Interpellanta li għat-tieni sejħa għall-kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide applikaw 8 persuni. Wara l-istadju ta’ screening tar-records mediċi, 3 applikanti kkwalifikaw għall-eżami mediku.
A bażi tal-eżami mediku, żewġ applikanti kkwalifikaw għall-kumpens li ser jitħallas fuq medda ta’ tliet snin bħalma sar fl-ewwel sejħa.
Tfal bl-awtiżmu – Taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tifel u tifla bl-awtiżmu attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma u fejn ingħata dan it-taħriġ? Tista' tgħid ukoll jekk dan il-proġett kienx biss proġett pilota jew inkella hux ser jibqa' jsir? Jekk ser jibqa' jsir, tista’ tgħid kull kemm żmien (sena, sentejn, eċċ.) ser jibda jsir dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li 80 tifel u tifla bl-awtiżmu bejn l-etajiet tat-tlieta u ħames snin attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma li sar fil-pixxina tal-Inspire u fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq.
Bħalissa l-Ministeru qed jevalwa l-eżitu ta’ dan il-programm u kif jista’ jissaħħaħ biex jilħaq b’mod aktar effettiv ukoll lill-ġenituri u/jew kustodji tat-tfal.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti (persuni li għadhom ma ngħatawx tweġiba jekk jikkwalifikawx) għal assistent personali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, l-applikazzjonijiet ikunu fi stadji differenti tal-proċess u għaldaqstant, sakemm l-applikazzjoni tkun għaddiet mill-proċess ta’ assessjar u tal-allokazzjoni tal-fondi mill-Bord rispettiv, l-applikanti jkunu qegħdin jistennew deċiżjoni finali dwar l-eliġibilità għal dan is-sussidju. Ninsab infurmata li fil-preżent hemm 83 applikazzjoni li qed jiġu assessjati u jinsabu fi stadji differenti. Infurmata wkoll li 214-il applikazzjoni oħra qed tiġi proċessata sabiex tibda l-proċess ta’ assessjar.
Jista’ l-Ministru jgħid, għall-perjodu mill-2020 sal-2026, maqsuma sena b’sena:
i. kemm kien in-numru ta’ trabi li twieldu fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, separatament għal kull sptar; u
ii. kemm mit-trabi li twieldu fl-Isptar Mater Dei kienu tfal ta’ ommijiet residenti f’Għawdex fil-mument tat-twelid?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ trabi li twieldu fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bejn l-2020 u l-2025 jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt:
Sptar
2020
2021
2022
2023
2024
2025
Mater Dei
4153
4121
4025
4205
4090
4060
Gozo General
330
303
302
292
289
329
Infurmat ukoll li t-trabi li twieldu fl-Isptar Mater Dei u li kienu tfal ta’ ommijiet irrapportati bħala residenti f’Għawdex bejn l-2020 u l-2025 huma kif jidhru hawn taħt:
Reported Locality of Maternal
Residence for babies born at MDH
2020
2021
2022
2023
2024
2025
Malta
4122
4092
3980
4172
4058
4022
Gozo
30
25
40
33
32
38
Unknown locality
1
4
5
0
0
0
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-binja l-ġdida tal-Qorti f’Għawdex hijiex se tinkludi parkeġġ apposta għall-ġudikatura, l-avukati, il-ħaddiema u l-pubbliku, u kemm se jkun hemm spazji għal dan il-għan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-binja l-ġdida tal-Qorti f’Għawdex hija ppjanata li tinkludi faċilitajiet ta’ parkeġġ. Madankollu, f’dan l-istadju tal-proġett, għadu prematur li tingħata informazzjoni aktar dettaljata dwar it-tqassim tal-ispazji ta’ parkeġġ u l-allokazzjoni tagħhom. Aktar dettalji dwar dan l-aspett ikunu jistgħu jingħataw iktar il-quddiem fl-implementazzjoni tal-proġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2243 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u f’Għawdex bejn l-2016 u l-2026, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika r-rank tal-uffiċjali stazzjonati f’din l-Iskwadra għal kull waħda minn dawn is-snin, b’taqsima separata għal Malta u għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll, għal kull sena msemmija, kemm minn dawn l-uffiċjali kienu assenjati xogħol amministrattiv (fl-uffiċċju) u kemm kienu assenjati xogħol operattiv fuq barra, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija f’domanda parlamentari Nru 3504, infakkru wkoll li, kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 456, il-Korp tal-Pulizija għandu skwadra waħda ta’ kontra d-droga li tkopri l-pajjiż kollu, inkluż Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-membri kienu assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju u kemm minn dawn il-membri kienu assenjati dmirijiet operattivi fuq barra?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. Fost dawn hemm uffiċjali li jesegwixxu xogħol amministrattiv.
Sena
2022
2023
2024
2025
2026
Ammont Totali
39
38
54
77
75
Forzi Armati ta’ Malta – Membri stazzjonati f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-membri kienu assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju u kemm minn dawn il-membri kienu assenjati dmirijiet operattivi fuq barra?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ membri tal-FAM stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. Fost dawn hemm uffiċjali li jesegwixxu xogħol amministrattiv.
Sena
2021
2022
2023
2024
2025
2026
Ammont Totali
65
82
81
81
96
94
Linji tal-ajru - Inċentivi finanzjarji/garanziji/appoġġ ta’ marketing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew xi entità pubblika oħra li taqa’ taħt il-Ministeru tat-Turiżmu jipprovdux inċentivi finanzjarji, garanziji jew appoġġ ta’ marketing lil-linji tal-ajru li joperaw rotot lejn Malta, u jagħti l-ammont allokat għal kull rotta?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx xi valutazzjoni u studju dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, it-turnover tal-ħaddiema u r-remunerazzjoni medja fis-settur tal-ospitalità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Is-setturi tal-ospitalità u tat-turiżmu – Programmi finanzjati mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi qed jiġu ffinanzjati mill-Gvern biex jitjiebu l-ħiliet, il-kompetenza lingwistika u l-istandards professjonali fis-setturi tal-ospitalità u tat-turiżmu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-korsijiet kollha offruti mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi, huma immirati biex itejbu l-ħiliet, il-kompetenzi lingwistiċi u l-istandards professjonali fis-settur tal-ospitalità u tat-turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) impjegati bħalissa fis-setturi tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u x-xorb u setturi oħra relatati mat-turiżmu, maqsuma skont is-settur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati toilets pubbliċi, faċilitajiet għall-ilma tax-xorb, faċilitajiet għall-bdil tal-ħwejjeġ u kontenituri addizzjonali għall-iskart fiż-żoni turistiċi ewlenin matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.