Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat, Għawdex - Triq Giorgio Borg Olivier u Triq l-Għaxra ta’ Ġunju 1887 - Victoria Parking Area - Proġett

Question

B’rabta mal-proġett ta’ parkeġġ taħt l-art fuq diversi livelli u ġnien pubbliku fis-sit tal-Victoria Parking Area, fi Triq Giorgio Borg Olivier u Triq l-Għaxra ta’ Ġunju 1887, fir-Rabat, Għawdex, jista’ l-Ministru jindika: i.     f’liema stadju jinsab il-proġett, inkluż fir-rigward tal-ippjanar, il-permessi, il-ħruġ u l-għoti tal-offerti u x-xogħlijiet fuq il-post; ii.    fiex se jikkonsisti l-proġett, inklużi n-numru ta’ livelli taħt l-art, in-numru ta’ spazji għall-parkeġġ, id-daqs tal-ġnien pubbliku u l-faċilitajiet previsti; iii.    x’inhi l-ispiża stmata tal-proġett u kif se jiġi ffinanzjat; u iv.    jekk sarux studji dwar l-impatt tal-proġett fuq ir-residenti u n-negozji fl-inħawi, kif ukoll dwar l-impatt fuq it-traffiku (Traffic Impact Assessment) u, jekk iva, x’kienu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u jekk jistax iqiegħed kopja ta’ dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm żewġ applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tal-Victoria Parking Area. L-applikazzjoni PA/04986/25 tirrigwarda l-iżvilupp ta’ parkeġġ taħt l-art fuq diversi livelli u ġnien pubbliku, filwaqt li l-applikazzjoni PC/00004/26 tirrigwarda allinjament ġdid tat-triq. Il-proġett jinkludi l-bini ta’ parkeġġ taħt l-art b’kapaċità ta’ madwar 300 vettura, fis-sit fejn attwalment jinsab il-grawnd tal-futbol eżistenti. Fuq il-parkeġġ se jinbena grawnd tal-futbol b’wiċċ ta’ ħaxix artifiċjali. Ta’ min jinnota li, permezz tal-proġetti tal-Victoria Park kif wkoll dak propost f’ Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-kapaċità tal-parkeġġ fiċ-ċentru tar-Rabat mistennija tkun ta madwar 600 spazju. Fl-istess waqt, dawn il-proġetti se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi miftuħa u ħodor, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ambjent urban u jinħolqu aktar spazji rikreattivi għall-familji.

Art agrikola tal-Gvern – Tibdiliet leġiżlattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tibdiliet leġiżlattivi ġew introdotti sabiex l-art agrikola tal-Gvern tingħata lill-bdiewa ġenwini, speċjalment bdiewa żgħażagħ u studenti tal-agribusiness?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar abbozz ta’ Avviż Legali li tħejja sabiex jiġu introdotti regolamenti ġodda li jistabbilixxu l-proċedura għall-allokazzjoni ta’ art agrikola lill-bdiewa, wara li tali art tkun ġiet assenjata jew akkwistata mill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta. F’dan il-kuntest, ġie wkoll konkluż ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jiġu identifikati artijiet vakanti li huma proprjetà tal-Gvern, bil-għan li dawn jiġu sussegwentement assenjati lil RAM u, minn hemmhekk, ikunu jistgħu jiġu allokati lil bdiewa żgħażagħ jew lil bdiewa li jkollhom l-għan li jkabbru l-attività tagħhom fis-settur agrikolu. Barra minn hekk, il-Gvern kompla bil-ħidma tiegħu dwar il-miżuri relatati mat-tnaqqis tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq wirt ta’ art agrikola, fil-każijiet fejn il-werriet ikun rikonoxxut bħala bidwi professjonali permezz tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa. Din il-miżura għandha l-għan li tiffaċilita t-trasferiment u ż-żamma tal-art agrikola f’idejn dawk li jkunu attivament involuti fil-biedja, filwaqt li tħeġġeġ il-kontinwità u s-sostenibbiltà tal-attività agrikola.

Għajnuna għall-bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-2026 żdiditx l-għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u r-raħħala, kemm minn fondi nazzjonali kif ukoll minn fondi Ewropej, separatament, u b’kemm flus? Jista’ jgħid ukoll għal kemm kienet tammonta din l-għajnuna finanzjarja u kemm ibbenefikaw bdiewa u raħħala minn din l-għajnuna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex – Proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobż, f’Għawdex li kellu jlaħħaq investiment ta’ madwar €25 miljun? Kemm hi l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dan l-impjant bħalissa u b’kemm ser tiżdied il-produzzjoni ladarba dan il-proġett jitlesta? Tista’ tgħid ukoll meta hi d-data maħsuba għat-tlestija u tara li kull bidwi u raħħal ġenwin jew kull bidwi u raħħal żagħżugħ ikun provdut l-ammont ta’ New Water neċessarju biex isaqqi r-raba’ tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-preparamenti meħtieġa għat-twettiq ta’ dan il-proġett f’Għawdex, fejn diġà sar l-akkwist tal-art kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-permessi. Minħabba li ma rriżultat l-ebda offerta konformi mas-sejħa għall-offerti li kienet inħarġet, din se terġà tiġi pubblikata mill-ġdid fil-ġranet li ġejjin.  L-impjant huwa mistenni li jżid il-produzzjoni tan-New Water b’madwar 4,000 metru kubu kuljum.

Aċċess għal spieri pubbliċi għall-bdiewa u raħħala

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li m'għadhomx jintużaw (fejn għad m'hemmx provvista diretta ta’ New Water), matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Malta u Għawdex – Dispensers tan-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm dispensers tan-New Water kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Kemm hemm persuni rreġistrati li jistgħu jagħmlu użu minnu, maqsuma lokalità b’lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm intużaw litri ta’ New Water f’Malta u f’Għawdex mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li madwar Malta hawn 187 dispenser tan-New Water, filwaqt li f’Għawdex hemm 51 dispenser. In-numru ta’ bdiewa reġistrati li jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma huwa ta’ madwar 1,200 f’Malta u 930 f’Għawdex. Fir-rigward tal-użu tan-New Water mill-2020 sal-lum, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 4540.

New Water prodott

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie prodott New Water minn kull polishing plant mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tal-Barrani – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Tal-Barrani, li fil-Baġit 2025 kien previst li jitlesta, tlestiex kompletament? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm spejjeż addizzjonali fuq dawk oriġinarjament previsti, l-ispiża finali u tindika d-data tat-tlestija?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Skema Vjal Kulħadd – Proġetti li għadhom ma tlestewx

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-proġetti approvati taħt l-iskema Vjal Kulħadd għadhom ma tlestewx? Tista’ wkoll tindika r-raġuni għad-dewmien u d-data prevista għat-tlestija ta’ kull proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Skema Vjal Kulħadd – Proġetti approvati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew approvati proġetti taħt l-iskema Vjal Kulħadd, li għaliha tħabbret allokazzjoni ta’ €10 miljuni? Tista’ wkoll tagħti lista tal-proġetti maqsuma skont il-Kunsill Lokali, l-ammont approvat, l-ammont li effettivament intefaq u l-istat attwali ta’ kull proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Inizjattivi ta’ bini u kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-inizjattivi ta’ bini u kostruzzjoni ffinanzjati taħt il-vot tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar matul l-2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll liema inizjattivi twettqu, liema għadhom għaddejjin u liema ġew ikkanċellati jew posposti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tinkludi inizjattivi ta’ bini, kostruzzjoni, riġenerazzjoni u titjib ta’ infrastruttura pubblika f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat 21 inizjattiva ġew finalizzati, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq 34 inizjattiva oħra. Il-ħidma tad-Dipartiment hija waħda kontinwa, bl-inizjattivi jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni skont in-natura, il-kumplessità, il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tekniċi u operattivi ta’ kull intervent. L-inizjattivi li għadhom għaddejjin jinsabu fi stadji differenti, fosthom fl-istadju tad-disinn, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, fil-proċess tal-kisba tal-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, jew fil-proċess tal-akkwist pubbliku (procurement). Il-progress ta’ dawn l-inizjattivi jiġi segwit kontinwament filwaqt li l-programm ta’ ħidma jiġi aġġornat skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Funtani pubbliċi – Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew restawr fuq funtani pubbliċi fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tagħti lista tal-funtani, il-lokalitajiet fejn jinsabu, it-tip ta’ xogħol li sar u l-ispiża għal kull waħda?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u miġbura mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. It-tiswijiet u l-manutenzjoni jsiru skont il-pariri tekniċi miksuba.

Ta’ Qali – Manutenzjoni tal-Park Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ wkoll tagħti rendikont tal-ispejjeż, tal-kuntratti mogħtija u tal-kumpaniji jew entitajiet li wettqu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali huma ta’ natura rikorrenti u jitwettqu skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien bil-għan li l-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-park jinżammu f’kundizzjoni tajba. Infurmata li matul il-perjodu imsemmi x-xogħlijiet kienu jinkludu xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fiż-żoni tal-parkeġġ, rikostruzzjoni u tiswija ta’ ħitan u strutturi, manutenzjoni ta’ passaġġi u faċilitajiet, kif ukoll interventi f’żoni rikreattivi u oħrajn ta’ servizz. Saru wkoll xogħlijiet fl-ispazju tal-arti, fil-ġonna formali, fiż-żona tal-kunċerti u f’żoni oħra tal-park. Parti sostanzjali mix-xogħlijiet kienet tinvolvi wkoll il-manutenzjoni tal-funtana ewlenija u tal-karatteristiċi tal-ilma fl-Adventure Park, inkluż tiswijiet u tibdil ta’ pompi, valvi, filtri, tagħmir mekkaniku u sistemi tad-dawl. Barra minn hekk, saru xogħlijiet relatati mal-arbli tad-dawl u s-sistema tad-dawl b’mod ġenerali, manutenzjoni kontinwa tal-landscaping u xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni ġenerali madwar il-park kollu. Dawn ix-xogħlijiet twettqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll fornituri oħra ta’ servizzi speċjalizzati, skont in-natura u l-ħtiġijiet tax-xogħlijiet rispettivi. Dawn l-ispejjeż huma koperti minn vot apposta allokat fuq bażi annwali. Infurmata li jkunu segwiti wkoll il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Rotta 62 – Pjan ta’ monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tar-rotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex isir monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tar-rotta 62 u biex ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ jintużaw sabiex jiġi żgurat titjib fis-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq monitoraġġ fuq ir-rottot kollha sabiex tevalwa l-andament tagħhom.

Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – Dewmien fis-servizz

Question

Fid-dawl tal-ilmenti ta’ passiġġieri li nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru 2026, tliet karozzi tal-linja ma għaddewx għal madwar 70 minuta minn Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi, jista’ l-Ministru jinvestiga dan l-inċident u jgħid jekk dan id-dewmien huwiex rifless fir-rekords operattivi tas-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tinvestiga b’mod serju u responsabbli kull ilment irreġistrat, filwaqt li tiżgura li jittieħdu l-miżuri u l-passi meħtieġa sabiex kull każ jiġi indirizzat.

Karozzi tal-linja – Każijiet ta’ vjaġġi li ma jseħħux skont l-iskeda

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’azzjoni tittieħed meta karozza tal-linja ma toperax skont l-iskeda u l-passiġġieri jkollhom jistennew għal perjodi twal mingħajr ma jingħataw informazzjoni jew jiġu offruti alternattivi adegwati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-azzjoni li tittieħed f’każijiet bħal dawn huma speċifikati fil-kuntratt li jirregola dan is-servizz.

Rotta 62 – Titjib tas-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta u l-operatur tat-trasport pubbliku humiex qed jikkunsidraw tibdil fir-rotta 62, żieda fil-frekwenza tal-karozzi tal-linja jew miżuri operattivi oħra sabiex jitnaqqas id-dewmien u jitjieb is-servizz lir-residenti tas-Siġġiewi?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajtu fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 4470.

Rotta 62 – Marsa Park and Ride – Impatt fuq il-puntwalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dewmien fir-rotta 62 huwiex marbut mal-fatt li l-karozzi tal-linja jgħaddu mill-Marsa Park and Ride, fejn spiss ikun hemm konġestjoni tat-traffiku, u jekk saritx analiżi biex jiġi evalwat l-impatt ta’ din ir-rotta fuq il-puntwalità tas-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif sar u jsir f’numru ta’ rottot aħjar, matul iż-żmien ikun hemm aġġornament f’rottot biex tissaħħaħ il-konnetivita’ u aktar persuni jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-użu tat-trasport. Infurmat li fl-2015, r-rotta 62 bidet tgħaddi mill-Marsa Park and Ride, wara talba li kien hemm biex din ir-rotta tgħaddi minn din iż-żona għall-persuni, partikularment mis-Siġġiewi, biex ikollhom l-opportunità jużaw rotot oħrajn mingħajr ma jkollhom il-bżonn jidħlu l-Belt Valletta. Fl-2023 żdiedet il-frekwenza ta’ din ir-rotta fil-ħinijiet peak, minn tlieta għal erba’ vjaġġi fis-siegħa, sabiex tkun tista’ tlaħħaq aħjar mad-domanda. Dan filwaqt li s-sena l-oħra sar tibdil ir-rotta de quo, tkopri partijiet oħra mis-Siġġiewi li qabel ma kienux servuti.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Kofinanzjament mill-UE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1520 u 3323 u jgħid jekk il-Gvern, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bediex proċess serju biex jikseb kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-investiment fi flotta ġdida tal-Gozo Channel? Jekk le, jista’ jgħid ukoll liema passi ttieħdu u f’liema stadju jinsabu?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex - ITS - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3177 u jagħti rendikont tal-investiment li sar fl-iskola tal-ITS f’Għawdex, inkluż f’xogħlijiet strutturali, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll in-natura ta’ kull investiment u l-ispiża tiegħu, kif ukoll l-ammont totali li ntefaq matul dan il-perjodu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-2020 ‘l hawn sar investiment ta’ €62,425.09 fil-kampus tal-ITS ġewwa Għawdex.  Dawn kienu jinkludu xogħlijiet ta’ elettriku u ilma, suffetti u ġipsum, airconditioners, fran, laptops u boiler fost l-oħrajn.  Dan l-ammont ma jinkludix manutenzjoni ta’ affarijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien.