Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2027 – Billboards temporanji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tqiegħdu billboards temporanji sabiex jirreklamaw il-Baġit 2027, bħal dak li ttella’ fi Triq Valletta, Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll fejn twaħħlu dawn il-billboards?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5161.

NGOs – Użu tal-fondi pubbliċi

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3748 u 3749, fejn intqal li “l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva tagħha”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni segwenti dwar l-NGOs u l-użu tal-fondi pubbliċi (mingħajr ismijiet, data personali jew dettalji li jistgħu jidentifikaw lill-individwi li jibbenefikaw mis-servizzi), separatament għas-snin 2024 u 2025: i.    l-isem ta’ kull NGO li rċeviet finanzjament mill-Ministeru sabiex tipprovdi servizzi; ii.   il-kategorija ġenerali tas-servizzi ffinanzjati; u iii.  l-ammont totali effettivament imħallas lil kull organizzazzjoni f’kull sena? Jekk xi parti minn din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tingħata minħabba kunfidenzjalità, jista’ l-Ministru jipprovdi l-bqija tal-informazzjoni u jindika, għal kull parti miżmuma lura, il-bażi legali jew kuntrattwali speċifika u r-raġuni li tipprekludi l-pubblikazzjoni tagħha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Hip replacements

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4252 u jgħid kemm saru hip replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Malta u Għawdex – Tfal f’kura residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f’kura residenzjali f’Malta u Għawdex bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom qed jgħixu fi djar li jilqgħu sitt itfal jew inqas, u liema entitajiet imexxu dawn id-djar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ordni dwar Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, għall-finijiet tal-Klassi 1(b), huwiex meħtieġ li mill-inqas persuna waħda li tagħti l-kura tkun tirrisjedi fil-post, jew jekk il-kura mogħtija biss minn ħaddiema li ma jirrisjedux fil-post u li jaħdmu fuq xiftijiet hijiex biżżejjed?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Ordni dwar Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet għall-A.L. 301 tal-2026 - Ordni tal-2026 li jemenda l-Ordni dwar il-Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp, li jemenda t-tifsira ta’ “kura” fl-Ordni dwar il-Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp (L.S. 552.15)? Jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet talbu din il-bidla?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Paġni personali tal-midja soċjali tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari - Produzzjoni ta’ filmati, ritratti, kontenut promozzjonali u reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid intefqux fondi pubbliċi fuq il-produzzjoni ta’ filmati, ritratti, kontenut promozzjonali u reklamar imħallas għall-paġni personali tal-midja soċjali tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti rendikont tal-ammonti skont kull Ministru u Segretarju Parlamentari, u jindika jekk saritx verifika sabiex jiġi assigurat li dawn il-fondi ma ntużawx għal skopijiet partiġġjani?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Manwal ta' Proċeduri tal-Kabinett jipprekludi lill-ministri u s-segretarji parlamentari milli jużaw fondi jew riżorsi pubbliċi, direttament jew indirettament, għall-paġni tal-midja soċjali tagħhom.

Uffiċċju tal-Prim Ministru - Reklamar u xiri ta’ ħin ta’ xandir

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus pubbliċi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu fuq reklamar u xiri ta’ ħin ta’ xandir fuq l-istazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika fuq liema kriterji ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-tqassim ta’ dawn il-fondi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellanta, illi kif weġibt f’istanzi oħrajn, l-Gvern  u l-entitajiet tiegħu, għandhom r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Wieħed mill-mezzi li jintużaw għal dan il-għan huwa x-xandir tradizzjonali, jiġifieri t-televiżjoni u r-radju. Ninsab infurmat li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-istazzjonijiet lokali kollha tat-televiżjoni u tar-radju, jiġu avviċinati sabiex ixandru messaġġi ta’ informazzjoni pubblika. Għaldaqstant, ma jkunx hemm għażla preferenzjali għall-kumpaniji li qed tagħmel referenza għalihom separatament, stante li ikun hemm opportunità mogħtija lill-mezzi tax-xandir kollha biex jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi. Ninsab infurmat ukoll li jkun fid-diskrezzjoni ta’ kull stazzjon jekk jaċċettax li jxandar ir-reklami jew le. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa relatata ma’ dawn is-servizzi hija suġġetta għall-proċeduri u r-regolamenti applikabbli tal-akkwist pubbliku, u li fl-Estimi Finanzjarji hemm vot speċifiku għall-informazzjoni, kif diġà ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 3526. Sadanitant, fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Djar residenzjali għall-anzjani - Rapporti ta’ allegat abbuż, negliġenza jew trattament mhux xieraq ta’ anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jgħid kemm ġew irreġistrati rapporti ta’ allegat abbuż, negliġenza jew trattament mhux xieraq ta’ anzjani fi djar residenzjali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika kemm minn dawn il-każijiet ġew ikkonfermati wara investigazzjoni u x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk responsabbli?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pazjenti dijanjostikati bil-kanċer - Stennija għat-trattament onkoloġiku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew dijanjostikati pazjenti bil-kanċer li kellhom jistennew aktar minn 30, 60 jew 90 ġurnata sabiex jibdew it-trattament onkoloġiku indikat mit-tim mediku tagħhom, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Proprjetajiet residenzjali tal-Gvern - Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm proprjetajiet residenzjali tal-Gvern intiżi għall-akkomodazzjoni soċjali kienu għadhom vojta sal-aħħar ta’ Ottubru 2026? Jista’ wkoll jipprovdi rendikont skont il-lokalità u jindika kemm minnhom ilhom vojta għal aktar minn sitt xhur, sena u sentejn, kif ukoll kemm jinsabu lesti biex jiġu allokati immedjatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal - Każijiet relatati mal-protezzjoni tat-tfal - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ każijiet relatati mal-protezzjoni tat-tfal li kienu għadhom fuq il-lista ta’ stennija tas-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal sal-aħħar ta’ Ottubru 2026? Jista’ wkoll jipprovdi rendikont ta’ kemm ilhom jistennew dawn il-każijiet, inkluż kemm ilhom aktar minn sitt xhur u aktar minn sena, u jindika x’inhu l-itwal żmien ta’ stennija rreġistrat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħaż-Żebbuġ – Qtugħ fil-provvista tal-ilma – WSC – Mappa live

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-mappa live tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u l-messaġġi fuq WhatsApp ma ġewx aġġornati waqt il-qtugħ fil-provvista tal-ilma f’Ħaż-Żebbuġ bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2026, u x’miżuri se jittieħdu biex ir-residenti jingħataw informazzjoni f’waqtha u preċiża fil-futur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5013.

Knee replacements

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4251 u jgħid kemm saru knee replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex – Klinika tal-Fiżjoterapija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4248, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti nqdew mill-Klinika ta' Fiżjoterapija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul l-2023, l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti l-ġranet li tinfetaħ din il-klinika u kemm appuntamenti jsiru f'kull sessjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingħata fit-tabella ta’ hawn taħt: Sena Appuntamenti 2023 13,473 2024 13,331 2025 13,498 2026 (Minn Jannar sal-aħħar ta’ Awissu) 8,799 Il-Klinika tiftaħ mit-Tnejn sas-Sibt u jsiru madwar 60 appuntament kuljum.

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex – Klinika tal-Podjatrija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4247, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti nqdew mill-Klinika tal-Podjatrija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul l-2023, l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti l-ġranet li tinfetaħ din il-klinika u kemm appuntamenti jsiru f'kull sessjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingħata fit-tabella ta’ hawn taħt: Sena Appuntamenti 2023 731 2024 524 2025 366 2026 (Minn Jannar sal-aħħar ta’ Awissu) 330

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex – Klinika tad-Dentistrija għal Persuni b'Diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4246, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti nqdew mill-Klinika tad-Dentistrija għal Persuni b'Diżabilità fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul l-2023, l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti l-ġranet li tinfetaħ din il-klinika u kemm appuntamenti jsiru f'kull sessjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2026, minn meta bdiet tinżamm l-informazjoni, sal-aħħar ta’ Awwissu, ingħataw 81 appuntament għall-persuni b’diżabilità fil-Klinika tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-klinika tkun miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt u f’kull sessjoni jsiru madwar 23 appuntament.