Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttiva (UE) 2024/825

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu s’issa għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumaturi għat-Tranżizzjoni Ekoloġika (UE) 2024/825, fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/825 tinsab fi stadju avvanzat ta’ skrutinju legali u huwa mistenni li tiġi ppreżentata quddiem il-Parlament f’qasir żmien. Fir-rigward ta’ miżuri oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-istess Direttiva, ninfurmah li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur organizzat webinar għall-kummerċjanti fit-12 ta’ Mejju li għadda u li ffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva kif ukoll ta’ Direttivi oħra rilevanti.

Regolament (UE) 2024/1309 - Implimentazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35714 tal-Leġislatura XIV dwar ir-Regolament tal-UE 2024/1309, fejn intqal li kien ser jiġi ppubblikat l-abbozz tal-liġi pertinenti fil-viċin, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus attwali tal-implimentazzjoni effettiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-emendi inkwistjoni mistennija jiġu pubblikati fil-futur qarib, fejn saru diversi emendi għal abbożż tal-liġi li kien ġie propost fl-ambitu ta' konsultazzjoni pubblika u dan sussegwenti għall-evalutazzjoni ta' diversi sottomissjonijiet li kienu saru għall-istess konsultazzjoni.

Ħaż-Żebbuġ – Triq l-Isqof A. Buttigieg – Proġett ta’ parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proġett ta’ parkeġġ temporanju u eventwalment parkeġġ taħt l-art bi ġnien fuqu fi Triq l-Isqof A. Buttigieg, Ħaż-Żebbuġ, għadux ippjanat u, jekk iva, f’liema stadju jinsab?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li kont tajtha għall-mistoqsija parlamentari 34582 tal-Leġiżlatura XIV.

Green Jobs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħolqu impjiegi ġodda kklassifikati bħala ‘Green Jobs’ mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont is-settur ekonomiku? Jekk ma teżistix definizzjoni uffiċjali ta’ ‘Green Jobs’, jista’ jgħid ukoll liema kriterji qed jintużaw mill-Gvern sabiex jiġu identifikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li definizzjoni speċifika u rikonoxxuta ta’ xogħlijiet ħodor (green jobs) ma teżistix. Il-Klassifikazzjoni Internazzjonali Standard tal-Okkupazzjonijiet (ISCO) ma tispeċifikax liema okkupazzjonijiet huma assoċjati max-xogħlijiet ħodor fis-setturi ekonomiċi.

Ir-Rabat, Malta – Triq Għexierem – Solar Footpath

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ġenerati units ta’ enerġija mis-Solar Footpath tal-Belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena, u għal kull sena jgħid ukoll: i.    il-valur monetarju tal-enerġija ġġenerata; u ii.   jekk kienx hemm perjodi fejn is-sistema ma kenitx operattiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex din l-informazzjoni tinġabar.

Skema ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa

Question

B’referenza għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa milquta mill-maltempata Harry, jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm-il applikazzjoni ġiet sottomessa; ii.   kemm-il applikazzjoni ġiet approvata; iii.   kemm-il benefiċjarju rċieva l-kumpens; iv.   kemm tħallsu benefiċċji s’issa; u v.    jekk il-Ministeru bagħatx komunikazzjoni uffiċjali lill-applikanti dwar l-istat tat-talba tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Buskett – Toilets pubbliċi - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar ix-xogħlijiet fuq it-toilets pubbliċi fil-Buskett, u tgħid: i.     x’xogħlijiet kienu ppjanati; ii.    jekk dawn ix-xogħlijiet tlestewx; iii.   kemm intefqu fondi pubbliċi fuq dawn ix-xogħlijiet; u iv.   meta dawn it-toilets mistennija jkunu kompletament operattivi għall-pubbliku?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Trattament tad-drenaġġ urban

Question

B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 2024 fil-Każ C-304/23, li sabet lil Malta fi ksur tal-Urban Waste Water Treatment Directive minħabba nuqqasijiet fit-trattament tad-drenaġġ urban, tista’ l-Ministru tgħid: i.     jekk Malta għadhiex illum fi ksur ta’ din id-Direttiva; ii.    liema nuqqasijiet identifikati mill-Qorti għadhom ma ġewx indirizzati; iii.   meta hu stmat li Malta tkun kompletament konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva; u iv.   jekk il-Gvern iqisx li Malta tinsab f’riskju ta’ penali finanzjarji ulterjuri minħabba dawn in-nuqqasijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-aħħar snin Malta investiet bis-sħiħ fejn jidħlu impjanti tad-drenaġġ sabiex tassigura li tkun konformi ma’ din id-Direttiva, fejn fil-fatt diġà waslet għal dan ir-riżultat għaż-żona fit-Tramuntana ta’ Malta. Il-konformità ma’ din id-Direttiva hija primarjament dipendenti fuq is-separazzjoni tal-farmyard waste min-network tad-drenaġġ, liema responsabbiltà taqa’ taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel (MAFF).  Min-naħa tagħha, b’mod parallel, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi proġett ta’ investiment li permezz tiegħu se tkompli ttejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ.  Tali proġett, ta’ natura estensiva, huwa mistenni li jitlesta fl-iqsar żmien possibbli, fejn xhieda ta’ dan huwa l-implimentazzjoni ta’ proġett tal-istess natura fit-Tramuntana ta’ Malta.  Il-Gvern Malti jinsab f’komunikazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni Ewropea fejn din qiegħda tiġi infurmata kontinwament dwar il-miżuri u l-iżvilupp li jinsab għaddej.

Strateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024 - Objettivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-objettivi li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux fl-Istrateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 35105 fis-Seduta Nru 451 tal-XIV -il leġislatura.

Persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-miżura fejn persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, speċjalment ġenituri waħedhom, setgħu jaħdmu ftit sigħat fil-ġimgħa (sa mhux iktar minn tmien sigħat) biex ikunu jistgħu jsostnu lilhom infushom u lill-uliedhom twaqqfet, meta kienet tassisti persuni f’riskju ogħla tal-faqar? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex tiddaħħal miżura simili fil-futur qarib?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 35104 fis-Seduta Nru 451 tal-XIV -il leġislatura.

Korriment fuq il-post tax-xogħol - Benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li fl-2026 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, irrikorrew għall-benefiċċji ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu intitolati għal benefiċċju għal: i.    ġimgħa jew inqas; ii.    bejn ġimgħa u ġimgħatejn; iii.   bejn ġimgħatejn u xahar; u iv.   xahar jew iktar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-ammont ta’ applikazzjonijiet għall-Benefiċċju ta’ Korriment fis-sena 2026 sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija kien ta’ 947 li minnhom ġew miċħuda 320. It-tabella t’hawn taħt tirreferi għat-talba tal-Onor. Interpellanta fir-rigward taż-żmien li ġew intitolati għalih il-persuni eliġibbli. Tajjeb jiġi kkjarifikat illi fit-tabella hemm 142 talba li saru fl-2025 iżda li ġew imħallsa fl-2026.  Dan ifisser li n-numru ta’ talbiet li saru din is-sena s’issa jammonta għal 485. Intitolament ta' Benefiċċju Talbiet Ġimgħa jew anqas 263 Bejn ġimgħa u ġimagħtejn 87 Bejn ġimagħtejn u xahar 75 Xahar jew iktar 202 Total 627

Tower cranes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-entità responsabbli li tassigura li l-krejnijiet li jkunu mqiegħda fuq il-post (tower cranes) huma siguri u li jkunu jifilħu anke riħ qawwi jew riefnu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant biex tagħmel referenza għar-risposta li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 35097, tal-leġiżlatura preċedenti.

Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm suwiċidji rrappurtati matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u jaqsam din l-informazzjoni skont il-ġeneru u l-età?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi  lill-Onor.Interpellant għar-risposti mogħtija f’domandi parlamentari 18038, 26208, 33415, 34682 tal-leġislatura preċidenti, kif ukoll domanda parlamentari numru 1 li giet imwieġba llum 30 ta’ Gunju, 2026

LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li kienu statemented bħala one-to-one u li ma baqgħux one-to-one, kif ukoll kemm kien hemm studenti li kellhom LSE u ma baqgħux b'LSE magħhom, matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-raġunijiet li jwasslu biex is-sitwazzjoni tal-istudent tinbidel huma diversi. Mill-informazzjoni li ngħatatli jirriżulta li hemm każi fejn l-istudenti jiżviluppaw b’tali mod li isiru iktar kapaċi jilħqu l-ħiliet tagħhom b'mod indipendenti, filwaqt li bl-istess mod ikun hemm każi fejn l-interventi li jkunu saru mal-istudenti kienu effettivi allura ikunu laħqu l-għanijiet edukattivi tagħhom kif elenkati fl-IEPs. Infurmat li jkun hemm anke xi ċirkostanzi fejn l-istudenti innifishom jew il-ġenituri tagħhom jitolbu t-tnaqqis jew it-tneħħija tal-għajnuna tal-LSE, jew inkella rapporti ta' professjonisti, partikolarment ir-rapport edukattiv tal-psikologu, jindikaw li l-istudent żviluppa fil-ħiliet li għalihom kien ingħata l-għajnuna 1-1. Hemm anke każi fejn ⁠deċiżjonijiet tal-Bord huma mgħotija bi żmien stipulat, eż. għal-raġunijiet mediċi bħad-dijabete u allerġiji, u dan isir sabiex l-istudenti ikollhom l-għajnuna sakemm isiru awtonomi fl-immaniġjar tagħhom infushom indipendentament. Intant, ninsab infurmat li n-numri għal dak li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant huma kif jidhru hawn taħt. Sena 23/24 Sena 24/25 Sena 25/26 Ma baqgħux     FT 1-1 72 50 33 Ma baqgħux b’LSE magħhom 123 148 191

Skejjel - Sistemi ta’ arja kundizzjonata fil-klassijiet u staff rooms

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li fihom m'hemmx is-sistemi ta' arja kkundizzjonata installati fil-klassijiet u fl-istaff rooms kollha tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall - mistoqsija parlamentari numru 30. Infurmat li bħalissa hemm 32 skola mgħamra bis-sistema tal-arja kundizzjonata.

Skejjel - Sistemi ta’ arja kundizzjonata fil-klassijiet u staff rooms - Pjan

Question

Fid-dawl li fil-programm elettorali tal-Partit Laburista li kellu jitlesta sal-elezzjoni li għaddiet kien hemm il-wegħda li “Ninstallaw sistemi ta’ arja kkundizzjonata fil-klassijiet u staff rooms fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex”, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex din il-wegħda ssir u jekk iva, sa meta l-Ministru qed jittama li jagħmel dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fil-kundizzjonijiet li fihom isiru t-tagħlim u x-xogħol fl-iskejjel huma ta’ prijorità u għal dan il-għan se jkomplu jsiru diversi proġetti, inkluż dawk marbuta ma’ ambjent aħjar, arja kundizzjonata u aperturi. Inizjattivi bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant se jkunu parti importanti u ċentrali fil-ħidma tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport fejn irridu nwettqu sensiela ta’ proġetti biex inkopru l-iskejjel ta’ pajjiżna fuq medda ta’ leġiżlatura.

Sejħa għal Senior Teachers

Question

Minkejja li f’klawsola 4.10.3 tal-Ftehim Settorjali tal-Edukaturi, il-Gvern kien wiegħed li ħa toħroġ sejħa għal Senior Teachers fi żmien tliet xhur, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sejħa damet sentejn biex toħroġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li s-sejħa għal Senior Teachers ħarġet fl-aħħar ġimgħat.  Il-mod kif ħarġet is-sejħa tindirizza dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fid-domanda tiegħu.

Santa Luċija – Grawnd tal-futbol – Użu tal-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’azzjoni kienet ittieħdet wara li f’Settembru 2024, permess ta’ ittra uffiċjali, SportMalta kienet qalet li ħa tieħu azzjoni biex il-parkeġġ biswit il-grawnd tal-futbol ta’ Santa Luċija jerġa' jirritorna għall-użu ta’ parkeġġ pubbliku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba ġiet provduta lil dan il-Parlament permezz ta' tweġibiet Parlamentari għall-mistoqsijiet Parlamentari numru 22041 u 23316 tal-leġiżlatura XIV. Infurmat li ma kienx hemm żviluppi oħra wara dawn it-tweġibiet Parlamentari.