Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Maltija għall-Films - Siti storiċi - Kontribut ekonomiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Maltija għall-Films wettqitx studju dwar il-kontribut ekonomiku li jagħtu s-siti storiċi bħala locations għall-industrija tal-films f’Malta, u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Kummissjoni Maltija għall-Films - Nuqqas ta’ locations storiċi adattati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Maltija għall-Films irreġistratx każijiet fejn produzzjonijiet ikkunsidraw lil Malta iżda għażlu destinazzjoni oħra minħabba n-nuqqas ta’ locations storiċi adattati jew minħabba limitazzjonijiet marbuta mal-kundizzjoni jew mal-karatteristiċi ta’ dawn il-locations? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il każ ġie rreġistrat mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Parlament – Liġijiet mressqa għal persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema liġijiet tressqu quddiem il-Parlament Malti li jaffettwaw il-persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll x'inhu t-titlu ta' kull waħda minn dawn il-liġijiet?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ id-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità permezz ta’ liġijiet u miżuri, inklużi dawk imħabbra fil-Baġit u marbuta mar-riforma fl-assistenza għal diżabilità, sabiex ikompli jissaħħaħ l-appoġġ lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom. Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellanta li l-abbozzi ta’ liġi mressqa quddiem din il-Kamra huma soġġetti għall-iskrutinju parlamentari. Is-sit elettroniku tal-Parlament jinkludi sezzjonijiet apposta għall-abbozzi ta’ liġi u għall-Atti tal-Parlament, fejn wieħed jista’ jikkonsulta t-titli u d-dokumentazzjoni relatata. Għaldaqstant billi l-mistoqsija ma tispeċifikax perjodu partikolari, nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għal din l-informazzjoni.

Il-Parlament – Accessibility audit

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31824 tal-Erbatax-il Leġislatura, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal l-audit tal-Parlament Malti?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-audit qiegħed jiffoka fuq l-aspett ta' inklużjoni fejn tidħol aċċessibilità għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll dik fiżika. Bħalissa qiegħed jitħejja r-rapport finali li abbażi tiegħu ser jiġu formulati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità li għandhom iwasslu għat-tisħiħ tal-imsemmija aċċessibilità fix-xogħol siewi mwettaq mill-Kamra. Bħala parti mill-audit, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ taqsimiet differenti fi ħdan il-Parlament. Saru wkoll intervisti lill-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra. Barra minn hekk, sar audit dwar il-binja li tilqa’ fi ħdanha l-uffiċini tal-impjegati u fil-futur għandu jsir audit taċ-chamber.

Richmond Foundation – Proġett ta’ dar fil-Balluta

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' dar fil-Balluta mmexxija minn Richmond Foundation? Tista' wkoll tagħti iktar dettalji dwar dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-binja għaddejja minn rinnovazzjoni sħiħa sabiex tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-operat ta’ din id-dar. Ix-xogħlijiet, li qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, huma skedati li jitlestew fit-tieni kwart tas-sena 2027. Il-proġett huwa maħsub sabiex jilqa’ sitt żgħażagħ b’dijanjosi doppja ta’ diżabilità intellettwali u kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, li jeħtieġu servizz residenzjali speċjalizzat li jipprovdi kura komprensiva u mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Proġett ta' Ċentru ta' Waranofsinhar

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru ta' Waranofsinhar li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proġett ikkonċernat jirrigwarda ċentru ta’ filgħaxija u mhux ċentru ta’ waranofsinhar, kif indikat fil-Miżura tal-Baġit 51 (BM 51), li tgħid: “Ċentru ta' Filgħaxija għal persuni b'diżabilità severa - Proġett pilota fiċ-Ċentru ta’ Malta biex għall-ewwel darba se nipprovdu servizz ta’ filgħaxija lil persuni b’diżabilità severa”. Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tinsab fit-tweġiba mogħtija għall-PQ 4164.

Għawdex – Żjara ta’ turisti internazzjonali – Tul medju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien it-tul medju taż-żjara ta’ turisti internazzjonali f’Għawdex matul l-2025 u fl-ewwel sitt xhur tal-2026 u x’mira hemm għas-sena 2027?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali dwar l-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni rikjesta; liema informazzjoni hija estratta mir-rapporti rilevanti tal-NSO. Abbażi tad-data disponibbli bħalissa, huwa mistenni li t-tul medju taż-żjara f’Għawdex jibqa’ ġeneralment stabbli fil-futur qarib, madwar sitt iljieli. Fl-istess waqt, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jimplimenta diversi inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jħeġġeġ lill-viżitaturi jqattgħu aktar ħin f’Għawdex. Dawn l-inizjattivi jinkludu fost l-oħrajn, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-prodott turistiku, investiment strateġiku u aktar diversifikazzjoni tal-esperjenzi offruti lid-diversi segmenti tas-suq turistiku.

Żieda fil-proporzjon tat-turisti li joqogħdu f’Għawdex – Mira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-mira tal-Gvern biex il-proporzjon ta’ turisti internazzjonali li joqogħdu lejl jew aktar f’Għawdex tiżdied minflok iżuru Għawdex biss bħala turisti ta’ ġurnata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mira tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta, b’enfasi partikolari fuq it-turiżmu ta’ kwalità, esperjenzi turistiċi distinti, it-tnaqqis tal-istaġjonalità u t-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha. In-numru ta’ viżitaturi li qed ikompli jissaħħaħ b’mod partikulari fis-shoulder months huwa xhieda ta’ dan.

Dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026, u kemm huwa mistenni li jinġabar wara ż-żieda introdotta fl-1 ta’ Lulju 2026?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2025 saru pagamenti ta’ €5,745,235. Minnhom €1,704,129 kienu arretrati ta’ snin passati. Għas-sena 2026, sa Ottubru, saru pagamenti ta’ €4,508,693 li minnhom €1,857,556 kienu arretrati. Dettalji dwar kemm huwa mistenni li jinġabar wara ż-żieda introdotta tingħata aktar ‘l quddiem.

Proprjetajiet residenzjali – Stima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx stima tan-numru ta’ proprjetajiet residenzjali li nbidlu minn użu residenzjali għal żmien twil (long let) għal akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir (short let) matul l-aħħar ħames snin u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati maqsuma skont il-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tiġborx din l-informazzjoni peress li s-suq tal-kiri ta’ proprjetà għal skopijiet turistiċi mhux fil-mansjoni tal-Awtorità. Fl-istess waqt meta kuntratt ta’ kiri għall-użu residenzjali għal żmien twil jiġi tterminat, mhemmx obbligu li l-awtorità tkun infurmata dwar x’isir mill-istess proprjetà.

San Ġiljan – Uffiċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija li bħalissa huma assenjati speċifikament jew prinċipalment għal San Ġiljan, li tinkludi r-responsabbiltà għal Paceville u kif dan jitqabbel mal-2025?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li, filwaqt li fl-2025 kien hemm 70 għall-post imsemmi mill-Onor. Interpellant, fl-2026 għandna 96 uffiċċjal.

Paceville, San Ġiljan, Swieqi u l-lokalitajiet tal-madwar – Reati rrapurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati reati li jinvolvu turisti f’Paceville, San Ġiljan, Swieqi u l-lokalitajiet tal-madwar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, skont it-tip ta’ reat u n-nazzjonalità tal-persuna involuta?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

L-Onor Interpellant  għandu jkun infurmat illi l-pulizija meta tiġbor rapport ma tagħmilx distinzjoni jekk il-peruna tkunx turist jew le. Għaldastant tali informazzjoni ma tistax’ tingħata.

Ministeru għall-Finanzi – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu li d-dettalji ingħataw separatament huwa membru fuq il-Bord tal-Awtorita՝ tal-Istatistika ta’ Malta, wara konsultazzjoni mal-komunità tan-negozju, kif rappreżentata fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u jirċievi remunerazzjoni ta’ €3,000 fis-sena. Barra minn hekk, fl-2023 l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem innominaw żewġ persuni sabiex jinħatru fil-bord tad-diretturi tal-Malta Development Bank għal tliet snin kull wieħed. Dan l-individwu huwa wieħed minn dawn iż-żewġ persuni u l-ħlas huwa ta’ €9,000 fis-sena.

Servizz tal-Għajnuna Legali – Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiġi evalwat is-servizz tal-Għajnuna Legali u t-tip ta’ servizz li jingħata lil persuni vulnerabbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-għajnuna legali jinsab f’proċess kontinwu ta’ tiġdid, riforma u aġġornament, bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tas-servizzi offruti lil dawk li huma eliġibbli, b’mod partikolari persuni vulnerabbli.Dan l-impenn għall-aġġornament kontinwu diġà ġie rifless f’numru ta’ miżuri konkreti, fosthom: ·      Il-ħolqien ta’ lista speċjalizzata ta’ avukati tal-għajnuna legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-2020, li fl-2023 ġiet estiża għall-vittmi kollha ta’ reati, inkluż dak ta’ traffikar uman, sabiex jingħata appoġġ legali professjonali u speċjalizzat lil kull min jinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. ·      F’Lulju 2023 ġie ffirmat Memorandum of Understanding mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità , sabiex tiġi stabbilita proċedura li permezz tagħha anzjani, li huma eliġibbli għas-servizz, li jgħixu f’djar residenzjali tal-Istat jistgħu jirċievu parir u assistenza legali permezz ta’ video conference mal-avukati residenti tal-Aġenzija bl-għajnuna tal-ħaddiema soċjali li jkunu jsegwuhom. Din l-inizjattiva tneħħi ostakli prattiċi u tħaffef l-aċċess għall-ġustizzja għal din il-kategorija vulnerabbli. ·      Bħalissa għaddej il-preparamenti biex ir-remit tal-Children’s Advocate jiġi trasferit mill-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għall-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta fit-tieni kwart tas-sena 2027.  Dan il-pass se jippermetti organizzazzjoni aktar effiċjenti u aġġornata tal-panels tal-Children’s Advocate, u li se jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-servizzi legali offruti lit-tfal sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tagħhom fi proċeduri li l-ġenituri tagħħhom jkunu għaddejja fil-Qorti. Dawn l-iżviluppi juru biċ-ċar li l-Aġenzija mhux biss qed tevalwa kontinwament is-servizzi tagħha, iżda qed tkompli tespandi, tirriforma u ttejjeb l-appoġġ li toffri lil persuni vulnerabbli, sabiex tiżgura li l-aċċess għall-ġustizzja jibqa’ wieħed effettiv, uman u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum.”

Benefiċċji soċjali – Applikazzjonijiet f’isem persuni oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li biex persuna tapplika għall-benefiċċji soċjali f’isem persuna oħra, din il-persuna jkollha bżonn il-prokura ġenerali? Jekk iva, kif jista’ jispjega din il-proċedura ġdida li ġġib fuq l-istess livell l-applikazzjoni għal benefiċċju soċjali u l-bejgħ ta’ proprjetà f’isem ħaddieħor?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Placements ta’ suġġetti vokazzjonali – Ħlas għall-istudenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 69 dwar il-ħlas għall-istudenti waqt placements ta’ suġġetti vokazzjonali bħas-social work, jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena ta’ din il-leġiżlatura ser tiġi implimentata r-riforma msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din wegħda elettorali li se nimplimentaw f'din il-leġiżlatura.

Qtugħ ta’ dawl – Kumpens

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’mekkaniżmu jeżisti biex konsumaturi jitolbu kumpens għal ikel li kellu jintrema, apparat elettriku li ġarrab ħsara jew telf ieħor dirett kaġunat minn interruption fit-tul tal-provvista?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2686.

Qtugħ ta’ dawl – Kumpens

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern jew l-Enemalta humiex se jintroduċu kumpens speċifiku għar-residenti u n-negozji Għawdxin li ġarrbu danni jew telf minħabba l-qtugħ estensiv tat-28 u d-29 ta’ Awwissu 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2686.

Għawdex – Qtugħ ta’ dawl mhux ippjanat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba parti minn Għawdex jew Għawdex kollu, esperjenza qtugħ fil-provvista tal-elettriku mhux ippjanat li dam aktar minn siegħa, tliet sigħat, sitt sigħat u tnax-il siegħa, matul l-aħħar ħames snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2686.

Malta u Għawdex – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-indikaturi SAIDI u SAIFI, jew indikaturi ekwivalenti dwar il-frekwenza u t-tul tal-qtugħ, separatament għal Malta u għal Għawdex għal kull waħda mill-aħħar għaxar snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2686.