Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar - Triq Id-Dliela - Culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm water culverts fi Triq id-Dliela, f’Ħaż-Żabbar, u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu, peress li r-residenti qed ikollhom il-problemi kull meta tagħmel ix-xita?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru pjanijiet li jinbena culvert (jew culverts) għall-ilma tax-xita. Bħalissa qed jiġu ċċekjati l-livelli tas-survey sabiex jiġi determinat jekk culvert wieħed ikunx biżżejjed u sabiex jiġi identifikat ukoll il-post addattat fejn għandu jinbena.

Sptar Ġenerali t’Għawdex - Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’April, f’Mejju u f’Ġunju 2026, separatament għal kull xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi (EVs) - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża għall-iskrappjar ta’ vetturi elettriċi (EVs)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prezzijiet sabiex vettura tiġi dismantellata f’faċilità tal-iskrappjar mhumiex regolati b’liġi. Għaldaqstant, il-faċilitajiet tal-iskrappjar huma liberi li jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom fir-rigward tad-dismantling ta’ vetturi, inkluż vetturi li jaħdmu bl-elettriku.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi (EVs) - Faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità hawn għall-iskrappjar ta’ vetturi elettriċi (EVs)?  Jista’ jgħid ukoll fejn tinsab kull waħda minn dawn il-faċilitajiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skemi tal-First Time Buyers u tas-Second Time Buyers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskemi tal-First-Time Buyers u tas-Second-Time Buyers japplikawx għal min ikun wiret xi proprjetà jew sehem minn proprjetà; jew inkella jkun ingħata proprjetà jew sehem minn proprjetà permezz ta’ donazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema tal-First Time Buyers, fejn applikant huwa eliġibbli għall-għotja ta’ € 10,000 f’medda ta’ 10 snin, tippermetti li persuna li wirtet jew ingħatat permezz ta’ donazzjoni, art/airspace u li din tiġi mibnija permess ta’ self mill-bank, tikkwalifika taħt din l-iskema.  F’każ ta’ meta applikanti jirtu jew jingħataw b’donazzjoni proprjetà, jistgħu jibbenefikaw biss jew isir xi xogħol permezz ta’ self mill-bank.

Knejjes u kappelli – Restawr – Għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes u kappelli qed isir restawr fuqhom permezz ta’ għajnuna finanzjarja minn dipartimenti jew awtoritajiet tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll b’liema skemi qed isir dan ir-restawr?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Faċilitajiet sportivi - Użu għall-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-faċilitajiet sportivi tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin infetħu għall-użu tar-residenti ta’ Raħal Ġdid minn meta saret l-attività tal-Kunsill Lokali fil-15 ta’ Lulju 2025, li matulha tħabbar il-ftehim sabiex dawn il-faċilitajiet ikunu aċċessibbli għall-pubbliku? Jista’ jgħid ukoll f’liema ġranet kienu aċċessibbli u kif wieħed għandu japplika sabiex ikun jista’ jagħmel użu minnhom?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-faċilitajiet sportivi tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma aċċessibbli għall-pubbliku kull nhar ta’ Ġimgħa, wara li ssir applikazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Il-faċilitajiet huma aċċessibbli, kif il-kunsill lokali jkunu f’pożizzjoni li jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal tali użu, jkunu jistgħu jintużaw mill-kommunita.

L.S. 350.14 - PBS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar sena, kienx hemm xi każ fejn il-PBS inforza jew ipprova jinforza l-artikolu 19.1 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14, “Ħtiġiet dwar standards u prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti”? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Ħal Tarxien - Xogħol fil-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-pjazza ta’ Ħal Tarxien u kemm huwa stmat li se jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll għaliex saret inawgurazzjoni ftit ġimgħat ilu, ladarba x-xogħol ma kienx għadu lest?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li sa issa ġie inawgurat xogħol fuq il-pjazza fin-naħa ta' quddiem il-knisja, illi nfetħet għall-użu tal-pubbliku, qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tar-raħal. Ix-xogħol li għaddej bħalissa minn Infrastructure Malta , huwa fuq il-pavimentar taz-zuntier, xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art u ffurmar tat-triq, kif ukoll xogħol ta’ pavimentar mal-ġnub tal-knisja u fil-parkeġġ żgħir fuq wara tal-knisja.

Raħal Ġdid - Ġnien Pawlu Boffa - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-istima oriġinali tax-xogħlijiet li qed isiru fi Ġnien Pawlu Boffa, f’Raħal Ġdid u jekk sarx xi xogħol b’mod temporanju, jew b’xi mod ieħor, li sussegwentement inqala’ jew se jkollu jinqala’?  Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan?  Jista’ jgħid ukoll kemm hija l-ispiża addizzjonali tax-xogħol li kellu jew se jkollu jsir minħabba f’hekk?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Residential parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet f’Malta fejn hemm sistema ta’ residential parking, u meta din is-sistema daħlet fis-seħħ f’kull lokalità?  Jista’ jgħid ukoll jekk sarux talbiet sabiex din is-sistema tiddaħħal fil-lokalitajiet ta’ Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Fgura u Ħal Tarxien, u x’kienet it-tweġiba għal kull waħda minn dawn it-talbiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 363.80. Nikkoferma li bħal ħafna Kunsilli Lokali oħra, il-lokalitajiet imsemmija fil-mistoqsija talbu sabiex issir sistema ta’ parkeġġ residenzjali fil-lokalita’. Il-bżonn li jiġi ndirizzat il-parkeġġ f’Malta ma jistax jiġi biss affrontat fuq bażi individwali ta’ lokalita’. Din hija kwistjoni nazzjonali li teħtieġ politika u strateġija li tindirizza l-issue fil-pajjiż kollu, u mhux bħala suġġett singolari waħdu.. Kien għalhekk li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li issa huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, qed issir enfażi fuq ‘Malta in Motion’. Il-pjan għat-trasport integrat jinkludi bħala wieħed mis-sitt pilastri tiegħu il-politika nazzjonali tal-parkeġġi. Dan għax il-parkeġġ irid jittieħed fil-kuntest tal-modijiet l-oħra kollha tal-mobbilta’, inklużi l-mixi u l-użu tar-roti. Il-politika nazzjonali tal-parkeġġi ser tiġi mfassla u implimentata fis-sentejn li ġejjin, bl-għajnuna importanti tal-Kunsilli Lokali. U fost affarijiet oħra li ser tkun qed tagħmel din il-politika, ser tippreskrivi l-metodu ta’ kif isiru l-iskemi tal-parkeġġi residenzjali li ser ikunu parti integrali ta’ din il-politika.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol - Skemi u inċentivi għal min iħaddem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi u inċentivi hemm għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jaħdmu, b’mod partikolari: i.     persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    persuni li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga; iii.   persuni li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.   persuni li skontaw sentenza ta’ priġunerija? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa faċli jew diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għal dawn l-iskemi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li Jobsplus għandha diversi skemi u inċentivi għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-iskema tal-Mature Workers, hija mmirata għal min iħaddem persuni li għandhom ’il fuq minn 45 sena (sa 65).  Biex min iħaddem jikkwalifika għal din l-iskema, l-impjegat irid ikun ilu jirreġistra fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-registru għal 6 xhur konsekuttivi qabel ma dan ikun sab l-impjieg. Barra minn hekk iż-żmien ta’ meta waqaf mir-reġistrar u meta sab l-impjieg ma jridx jaqbeż 15-il ġurnata. Jekk il-persuna li se jħaddem ikollha l-kriterji meħtiega, min iħaddem jibbenifika minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ €11,600 fuq perjodu ta’ sentejn, li jfisser tnaqqis ta’ €5,800 kull sena.  Barra minn hekk, jekk min iħaddem joffri taħriġ lill-impjegat u jkun “outsourced ” jista jibbenifika ukoll minn tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali.  Dan it-tnaqqis  huwa ta’ 50% ta’ kemm jiġi jiswa t-taħriġ u jista’ jieħu sa massimu ta’ €400 għal kull impjegat. Jobsplus toffri wkoll l-iskema tal-Bridging the Gap lill-persuni b’diżabilità u vulnerabbli fosthom individwi: •    Li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga; •    Li huma rreġistrati bħala homeless; •    Li skontaw sentenza ta’ priġunerija, •    Li jattendu d-DETOX •    Li għandhom is-sapport ta’ social worker, probation officers, •    Persuni b’diżabilita, •    Oħrajn li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali, u •    Każijiet soċjali oħra. Din l-iskema tiffaċilità t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol billi tiġi provduta esperjenza u taħriġ prattiku fuq post tax-xogħol skont il-bżonn. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg. Fil-perjodu mifthiem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus u Lino Spiteri Foundation.  L-għan aħħari huwa li persuni vulnerabbli msemmija hawn fuq jiġu impjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw għotja fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. L-iskema tal-Work Exposure tassisti lill-persuni li huma bla xogħol biex jakkwistaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal xogħol partikolari permezz ta’ taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu tal-iskema, l-individwi jirċievu għotja ta’ taħriġ li tvarja bejn il-paga minima u €7.50 fis-siegħa skont it-titlu ta’ xogħol li wieħed jagħżel. Biex persuna tikseb ċertifikat fl-aħħar tal-iskema trid tkun minn tal-inqas attendiet 70% tas-siegħat.  Is-siegħat li wieħed irid jattendi jvarjaw bejn 200 u 280-il siegħa skont ix-xogħol li wieħed jagħżel biex jitħarreġ fuqu.  Min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol.  Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+). Din l-iskema tikkumplimenta l-skemi u inizzjattivi msemmija hawn fuq li huma speċifikament mmirati għall-gruppi vulnerabbli. Jobsplus tassisti wkoll lil min iħaddem permezz ta’ sapport u gwida fil-mili tal-applikazzjonijiet ta’ dawn l-iskemi.  Dawn l-applikazzjonijiet jinstabu fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus, u għaldaqstant mhux diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għalihom.  Sapport ieħor jingħata lil min iħaddem mis-sezzjoni ġewwa Jobsplus li tassisti lil dawn il-gruppi vulnerabbli biex tiffaċilità kemm jista’ jkun il-proċessi t’impjieg. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru f’impjieg ta’ persuni vulnerabbli jkompli jiżdied.

Persuni vulnerabbli li qegħdin jirreġistraw - Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni vulnerabbli i.     li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga; iii.    li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.    li skontaw sentenza ta’ priġunerija, li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u sabu xogħol matul l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f' seduta oħra.

Persuni li qegħdin jirreġistraw - Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni: i.     li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga; iii.   li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.    li skontaw sentenza ta’ priġunerija, li ma sabux xogħol matul 2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, minkejja li kienu qegħdin jirreġistraw?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f' seduta oħra.

Strateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024

Question

Fid-dawl li l-Istrateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali skadiet fl-2024, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi mnedija l-istrateġija nazzjonali li jmiss?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 35106 fis-Seduta Nru 451 tal-XIV -il leġislatura.

Ministeru għall-Finanzi – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Ħaddiema ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.