Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baħar iċ-Ċagħaq – Caravans li qed jokkupaw il-kosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ser tittieħed dwar il-caravans li qegħdin jokkupaw il-kosta ta' Baħar iċ-Ċagħaq, uħud b'mod permanenti, tant li saħansitra qed jinkrew b'mod kummerċjali, b'abbuż sħiħ tar-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi mitlub jindika liema parti tal-kosta ta’ Bahar iċ-Ċagħaq qiegħed jirreferi għaliha.

Persuni jirreġistraw għax-xogħol li għandhom inqas minn 21 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol li għandhom inqas minn 21 sena, f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma xahar b' xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 80 sena – Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta’ individwi li għandhom ’il fuq minn 80 sena li jaħdmu, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 75 sena – Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta’ individwi li għandhom ’il fuq minn 75 sena li jaħdmu, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Il-Knisja tal-Fgura - Floodlights

Question

Tista' l-Ministru tara li jitranġaw il-floodlights li jixegħlu l-Knisja tal-Fgura, issa li qed toqrob il-festa, hekk kif dawn ilhom ġimgħat mitfijin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni msemmija ma saritx mill-Enemalta u li qatt ma rċeviet notifika ‘STL’ biex dawn il-floodlights jiġu regolati. Madankollu, fid-dawl li l-festa tal-Fgura  tinsab viċin, infurmata wkoll li l-Enemalta għamlet kuntatt mal-Kunsill Lokali biex jissottometti l-applikazzjoni neċessarja biex dawn il-floodlights ikunu jistgħu jiġu mqabbdin.

Koperattivi – Kontijiet – Sena 2024 u 2025

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il koperattiva preżentat il-kontijiet tagħha għas-sena 2024 u kemm-il koperattiva preżentat il-kontijiet tagħha għas-sena 2025?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-Awtorità tad-Djar sabiex jiġu verifikati li l-proprjetajiet allokati qegħdin jintużaw skont ir-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju tas-sena kurrenti kien hemm 555 spezzjoni.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appartamenti jew proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li bħalissa huma: (i) vakanti; (ii) taħt manutenzjoni; (iii) jew mhux abitabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-preżent, hemm: (i) 47 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali vakanti; (ii) madwar 782 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali li jinsabu taħt manutenzjoni; u (iii) 156 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali li bħalissa mhumiex abitabbli. Fir-rigward tal-proprjetajiet li mhumiex abitabbli, għaddejjin l-investigazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-interventi neċessarji biex dawn il-proprjetajiet jerġgħu jsiru abitabbli u jkunu jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fl-istokk ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Allokazzjoni ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet jew ġiet revokata l-allokazzjoni tagħha ta’ akkomodazzjoni soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 minħabba: (i) informazzjoni falza; (ii) bidla fid-dħul; (iii) subletting illegali; u (iv) nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li huwa l-Kumitat tal-Allokazzjonijiet u Ad Hoc li jirrevedi u jivvaluta dawn il-każijiet. Infurmat li fil-perjodu msemmi, dan il-kumitat ddecieda erbatax -il każ, li kienu kollha rigwardanti nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti. Infurmat li f’każ wieħed kien hemm ordni ta’ żgumbrament.

Allokazzjoni ta’ djar - Allegazzjonijiet ta’ abbuż jew irregolaritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie investigat relatat ma’ allegazzjonijiet ta’ abbuż jew irregolaritajiet fl-allokazzjoni ta’ djar soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tinvestiga kull ilment li jidħlilha.

Assistenza fuq Servizzi Diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw mill-iskema tal-€500 għall-ġenituri ta’ studenti tal-Year 10 u l-Year 11 biex jintefqu fuq servizzi diġitali? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm minnhom li għamlu użu minn din l-iskema?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Assistenza fuq Servizzi Diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw mill-iskema tal-€500 għall-ġenituri ta’ studenti tal-Year 10 u l-Year 11 biex jintefqu fuq servizzi diġitali? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm minnhom li għamlu użu minn din l-iskema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern kien u għadu impenjat li l-istudenti jibqgħu jkunu mgħejjuna fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Għalhekk filwaqt li l-istudenti mis-seba’ sad-disa’ sena tas-sekondarja ngħataw laptop biex jagħmlu użu minnu, l-istudenti tal-għaxar u l-ħdax il-sena ingħataw għotja ta’ €500 skont kif imwiegħed fil-budget. Ninsab infurmat li sa issa kien hemm 8,477 student li rċieva l-assistenza msemmija, filwaqt li baqa’ ftit mijiet ta’ każi fejn din l-għotja għada qed tkun ipproċessata. L-għotja ngħatat bħala flus, u għalhekk l-istudenti li rċivewha setgħu jużawha mill-ewwel.