Att dwar il-Kompetizzjoni – Artikolu 9 – Investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) minħabba allegat ksur tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379) mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll, f’kull każ, x’inhu l-istatus u għal liema settur tirrelata l-investigazzjoni?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta għadha qed tinġabar.
Att dwar il-Kompetizzjoni – Artikolu 5 – Investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) minħabba allegat ksur tal-artikolu 5 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379) mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll, f’kull każ, x’inhu l-istatus u għal liema settur tirrelata l-investigazzjoni?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 405 u jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f'Ħal Qormi sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar huwa pproġettat li jibdew isiru, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, f’Ħal Qormi, għaddej xogħol infrastrutturali fi Sqaq fi Triq tal-Ħandaq, Triq l-Isqof Scicluna u Triq il-Wied. Fit-tielet kwart ta’ din is-sena ser jibda xogħol infrastrutturali fi Triq Daniel Spiteri Sacco u fir-raba’ kwart ta’ din is-sena hemm pjanat xogħol fi Triq Prof Carmelo Coleiro u Triq Mro Giuseppe Camilleri.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 404 u jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f'Ħal Luqa sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar huwa pproġettat li jibdew isiru, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-raba’ kwart ta’din is-sena, f’Ħal Luqa, hu ppjanat li jibda’ xogħol infrastrutturali fi Triq Indri Micallef, Triq Ċensu Decandia, kif ukoll parti minn Triq il-Biedja, Ħal Farruġ.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 403 u jagħti lista ta’ toroq li ser isiru fis-Siġġiewi sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar huwa pproġettat li jibdew isiru, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, fis-Siġġiewi, għaddej xogħol infrastrutturali fi Sqaq fi Triq il-Panoramika, Triq Mons Mikiel Azzopardi u Triq ta' Bur il-Kbir.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 237 u jgħid kemm ġew impurtati nagħaġ u mogħoż f'pajjiżna minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll:
i. minn liema pajjiż ġiet impurtata kull nagħġa u mogħża;
ii. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata għamlitx kwarantina;
iii. kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għat-trobbija u kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għal-laħam; u
iv. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata sarilhiex veterinary certificate?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-terminu "importazzjoni" qed jiġi interpretat fis-sens strett tiegħu, jiġifieri l-moviment ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi.
F'dan ir-rigward, ma kien hemm l-ebda importazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 236 u jgħid jekk il-bdiewa u r-raħħala għandhomx aċċess għall-Intensive Agricultural Zone Maps? Jekk dawn mhux aċċessibbli, jista’ l-Ministru jara li dawn ikunu aċċessibbli għall-bdiewa u r-raħħala bla ħlas?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment ma għandux it-tali informazjoni għax qatt ma nħasset il-ħtieġa u l-anqas qatt kien hemm talba mis-settur.
Special Access Arrangements – Studenti fil-livell tas-SEC
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' studenti li bbenefikaw minn Special Access Arrangements fis-snin 2024-2026, fil-livell tas-SEC f'dawn is-suġġetti:
i. Ingliż;
ii. Malti;
iii. Matematika;
iv. Biology;
v. Physics; u
vi. Chemistry?
Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti ġew minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba ingħatatli kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li d-differenza bejn it-total ta’ Tabella numru 2 meta mqabbla mal-informazzjoni provduta f’Tabella 1, huma n-numru ta’ kandidati privati.
Jista’ l-Ministru jara tistax issir roundabout fi Triq iċ-Ċirkewwa fil-Mellieħa (qabel iż-żona ta’ ħdejn l-istabbiliment turistiku), biex it-turisti u l-Maltin li jkunu f’dan l-istabbiliment turistiku ma jkollhomx għalfejn imorru fil-kju għall-parti li twasslek għall-moll li minnu taqbad il-vapur għal Għawdex, imma jkunu jistgħu jduru lejn il-Mellieħa mingħajr ma jkunu parti minn dan il-kju, peress li fil-festi pubbliċi u fil-ġranet tas-sajf ikun hemm numru kbir ta’ karozzi li jkunu jridu jagħmlu użu mis-servizz tal-vapur u allura din il-bidla tista’ tiffaċilita traffiku aħjar lil dawk li ma jkollomx għalfejn joqogħdu fit-traffiku u l-kju li jkun irid imur għall-vapur t’Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget ta’ manutenzjoni fil-ġonna pubbliċi u x’kienet l-ispiża matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2026, maqsuma ġnien ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba li r-responsabbiltà għall-ġonna pubbliċi tappartjeni lil entitajiet differenti, inklużi l-Kunsilli Lokali, m’hemmx budget wieħed ċentralizzat li jkopri l-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi kollha. Għal skopijiet ta’ gwida, nirreferi lill-Onor. Interpellant għas-sit elettroniku
www.parksinmalta.mt
li fih hemm indikazzjoni ta’ liema entità hija responsabbli għal kull ġnien fil-gżejjer Maltin. Fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-entitajiet li ġeneralment jieħdu ħsieb tali manutenzjoni huma Ambjent Malta u Project Green u għal dan l-iskop jiġu vvutati fondi taħt il-vot rikorrenti 31 “Ambjent Malta”, il-kontribuzzjoni allokata lill-Aġenzija Project Green, u l-Vot Kapitali XIV tal-Ministeru li jinkludi fih allokazzjonijiet speċifiċi anke għal Ambjent Malta u Project Green.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk tinżammx statistika ta’ kemm familji jżuru l-ġonna pubbliċi madwar Malta u Għawdex matul il-ġimgħa u fil-weekends? Tista’ tgħid ukoll liema età l-aktar li jagħmlu użu minn dawn il-ġonna u jekk jintalabx feedback ta’ min juża dawn il-postijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jorganizzaw b’mod regolari diversi attivitajiet edukattivi, ambjentali u rikreattivi fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu attivitajiet għall-familji, avvenimenti għat-tfal, mixjiet edukattivi u sessjonijiet ta’ tagħlim dwar in-natura u l-bijodiversità. F’dan ir-rigward issir ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet oħrajn li wkoll jorganizzaw attivitajiet u avvenimenti fil-ġonna u l-ispazji pubbliċi. Dawn l-avvenimenti kollha jikkontribwixxu biex aktar persuni u familji jżuru dawn il-postijiet u jagħmlu użu aktar frekwenti minnhom. Bħala eżempju nista’ nsemmi li matul 14-il avveniment li kienu organizzati minn Project Green fi tmiem il-ġimgħa, f’ġonna differenti madwar Malta u Għawdex fl-aħħar disa’ xhur, attendew b’kollox 21,063 persuna. Din l-attendenza, li ma tinkludix persuni li żaru l-ispazji miftuħa fi ġranet u ħinijiet fejn ma kienx hemm avvenimenti organizzati, tixhed l-interess li qed ikun hemm mill-pubbliku fil-ġonna u l-ispazji miftuħa li qegħdin noħolqu madwar il-pajjiż.
Barra minn hekk, jinżamm kuntatt kontinwu mal-komunitajiet lokali, mal-kunsilli lokali u ma’ dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn l-ispazji biex wieħed jifhem aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom. Il-feedback li jinġabar permezz ta’ dawn il-laqgħat u kuntatti regolari jintuża biex jiġu identifikati opportunitajiet għal titjib, biex il-proġetti ġodda u l-attivitajiet organizzati jkomplu joffru esperjenza ta’ kwalità, ikunu aktar aċċessibbli u jkomplu jattiraw aktar viżitaturi lejn l-ispazji miftuħa.
Infakkar ukoll li matul is-sena li għaddiet nidejna l-pjattaforma diġitali www.parksinmalta.mt, li tiġbor f’post wieħed informazzjoni dwar il-parks, ġonna u l-ispazji miftuħa li hawn madwar Malta u Għawdex. Din l-inizjattiva tagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jiskopri dawn il-postijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti prinċipali li permezz tagħhom ser ikun hawn iktar postijiet ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa għall-familji u fiex wasal ix-xogħol fuqhom?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il metru kwadru ta’ ġonna pubbliċi sar xogħol fuqhom mill-Ministeru tagħha matul is-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026? Tista’ tgħid ukoll fejn qegħdin dawn il-ġonna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Matul l-aħħar leġiżlatura, li tkopri l-perjodu ta’ żmien indikat fil-mistoqsija, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, waħedhom, wettqu 75 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż li flimkien ikopru total ta’ 316,156 metru kwadru. Qed nagħti lista tagħhom fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Magħhom twettqu wkoll numru ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa minn entitajiet li jagħmlu parti minn Ministeri oħrajn.
Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji: il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti. Il-proġetti jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom.
Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjal sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd.
Bħalma fl-aħħar snin lestejna numru sabiħ ta’ proġetti, l-istess se nibqgħu nagħmlu din is-sena u fis-snin li ġejjin. Bħalissa, mill-entitajiet li huma parti mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir għaddej ix-xogħol fuq għexieren ta’ proġetti oħrajn u meta ngħid għaddej ix-xogħol inkun qed nirreferi għall-fażijiet differenti; mill-mument li proġett jibda jitfassal u jiġi pjanat, għall-fażi ta’ konsultazzjoni, għas-sejħiet għall-offerti u eventwalment l-implimentazzjoni.
Fil-każ ta’ Project Green ninsab infurmata li din qed taħdem fuq portafoll ta’ 118-il proġett differenti b’investiment maħsub ta’ madwar €350 miljun, li fit-totalità tagħhom iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs ta’ 240 grawnd tal-futbol. Naturalment l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti kollha trid issir fuq medda ta’ snin. Proġett, speċjalment dawk kbar ikollhom diversi stadji, u ladarba jgħaddu l-istadji tal-ippjanar u s-sejħiet għall-offerti, ngħaddu għall-fażi ta’ implimentazzjoni.
Fost il-proġetti li diġà hemm għaddej ix-xogħol fuq is-siti tagħhom nista’ nsemmi l-estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), Park l-Inħawi (Fgura), Ġnien it-Tbissim (Naxxar), riġenerazzjoni tax-Xattt ta’ Ta’ Xbiex, Ġnien (Marsaxlokk), New Leaf Park (Birgu), Ġnien il-Għasel (Mellieħa), Ġnien iż-Żgħażagħ (Luqa), Ġnien Patri Ġwann Frendo (Pietà), proġett ta’ riġenerazzjoni fil-qalba tal-Marsa, Masġar tal-Ġublew (Floriana), Ġonna ta’ San Anton (Ħ’Attard), Fruit Garden (Mtarfa), Ta’ Xwieki Sports Club (Għargħur), Żona oħra f’Wied Inċita (Ħ’Attard) u Masġar Bormla (Bormla). Hemm numru ta’ proġetti oħrajn li x-xogħol fuq is-sit tagħhom qed ikun ippjanat biex jibda aktar tard u jitħabbru fil-mument opportun.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tqassmu siġar bejn is-snin 2025 u 2026 fil-proġett li qed isir biex f’Malta u Għawdex ikun hawn iktar siġar imħawlin? Tista’ tgħid ukoll kemm fadal persuni li għad iridu jirċievu l-vouchers biex jinġabru s-siġar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm l-iskema nfetħet għall-applikazzjonijiet matul is-sena 2025, il-ħruġ tal-vouchers beda din is-sena.
S’issa nħarġu total ta’ 7,289 voucher, li jirrappreżentaw 42,008 siġra, lil 595 benefiċċjarju. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-iskema ser tibqa’ miftuħa sal-2027. Għalhekk, l-applikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jiġu sottomessi matul dan il-perjodu u huma suġġetti għall-proċess meħtieġ ta’ verifika.
Tista’ l-Ministru tgħid bħalissa kemm hemm applikazzjonijiet pendenti jistennew li jinħarġilhom guardianship order? Tista’ tgħid ukoll kemm tmur lura l-aktar applikazzjoni antika pendenti?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-każ tal-applikazzjonijiet ġodda, bħalissa hemm madwar 150 applikazzjoni f’fażijiet differenti t'ipproċessar, b’34 minnhom li qegħdin jistennew appuntament għal seduta mal-Bord tal-Kustodja. L-eqdem applikazzjoni li għadha pendenti ġiet riċevuta fil-15 ta’ April 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid min hu r-Reġistratur tal-Guardianship Board bħalissa? Jekk m’hemmx Reġistratur bħalissa, tista’ tgħid x’inhi r-raġuni u jekk hux se jkun hemm Reġistratur ieħor?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li r-Reġistratur għadu kif ġie appuntat illum wara li ġie konkluż il-proċess ta’ reklutaġġ li kien regolat b’sejħa għall-applikazzjonijiet skont il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhux qed joħorġu guardianship orders bħalissa? Tista’ tgħid ukoll meta nħarġet l-aħħar guardianship order din is-sena?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa qegħdin joħorġu ċertifikati tal-Ordnijiet ta’ Kustodja (Guardianship Orders) li ġew deċiżi fl-aħħar seduta tal-Bord li seħħet fit-12 ta’ Ġunju 2026. L-Ordnijiet ta’ Kustodja jiġu datati skont id-data li fiha jiffirma l-Kustodju jew, fil-każ ta’ aktar minn Kustodju wieħed, skont id-data li fiha jiffirma l-aħħar Kustodju, liem proċess għadu għaddej sal-lum.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ anzjani li ngħataw is-servizz tal-Home Help matul din is-sena sat-30 ta’ Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ anzjani li s-servizz tal-Home Help tagħhom ġie approvat matul l-2026 sat-30 ta’ Ġunju huwa kif ġej:
Jannar 113
Frar 77
Marzu 113
April 91
Mejju 92
Ġunju 76
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu anzjani fid-djar tal-anzjani taħt l-iskema tal-Gvern matul din is-sena sat-30 ta’ Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani li daħlu fid-djar tal-anzjani taħt l-iskema tal-Gvern matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar, kien kif ġej:
Jannar 145
Frar 81
Marzu 90
April 117
Mejju 112
Ġunju 52
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu anzjani f’San Vincenz de Paul matul din is-sena sat-30 ta’ Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt:
LTC Admissions (2026)
Jan 64
Feb 44
Mar 46
Apr 60
May 47
June 37
Intermediate Care (2026)
Jan 62
Feb 59
Mar 74
Apr 78
May 69
June 56
Psychogeriatric Care (2026)
Jan closed
Feb closed
Mar closed
Apr 8
May 5
June 7
Palliative Care (2026)
Jan 7
Feb 7
Mar 12
Apr 11
May 11
June 6