Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġitx awtorizzazzjoni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għax-xogħlijiet fuq is-siġar f’Manoel Island? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Manoel Island – Elementi ta’ valur storiku u ambjentali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema elementi ta’ valur storiku u ambjentali f’Manoel Island ġew identifikati biex jiġu protetti matul ix-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni, u kif qed jiġu protetti?
Manoel Island – Tindif u manutenzjoni – Kundizzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali imponewx xi kundizzjonijiet fuq ix-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’Manoel Island? Jekk iva, x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet?
Manoel Island – Spezzjonijiet, rapporti u rakkomandazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema dati saru l-ispezzjonijiet f’Manoel Island mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, u minn Project Green qabel bdew ix-xogħlijiet? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti jew ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dawn l-ispezzjonijiet?
Manoel Island – Kuntratturi mqabbda minn Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk Project Green qabbditx xi kuntratturi privati għax-xogħlijiet f’Manoel Island, inkluż għall-kiri ta’ makkinarju jew għat-tneħħija tal-iskart? Jekk iva, tista’ tgħid min huma, il-valur ta’ kull kuntratt u l-proċess ta’ akkwist li ntuża?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4155 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u jgħid kemm persuni setgħu jaħdmu fl-aħħar tal-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin jaħdmu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li setgħu jaħdmu matul 2025 kien ta’ 339,409.
Din il-figura tirreferi għal dawk il-persuni li huma fis-suq tax-xogħol i.e. persuni li jaħdmu jew persuni qegħda (labour supply). Minn dan l-ammont, in-numru ta’ persuni li kienu qed jaħdmu matul l-istess perjodu kien ta’ 329,283.
Iċ-ċifri għat-tieni kwart tas-sena 2026 (li huma l-aħħar ċifri maħruġa minn dan l-Uffiċċju) huma ta’ 351,366 u ta’ 339,935 rispettivament.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4154 u jgħid kemm persuni b'diżabilità setgħu jaħdmu fl-aħħar tal-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin jaħdmu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5223, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jaħdmu sal-aħħar ta’ Diċembru 2025 kien ta` 6,016-il persuna.
In-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jirreġistraw fuq wieħed mir-reġistri tax-xogħol ma’ Jobsplus sal-aħħar ta` Diċembru 2025 kien ta’ 380 persuna. 214 -il persuna kienu qed ifittxu mpjieg full-time u 166 persuna kienu qed ifittxu mpjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.
Awtorità dwar il-mediċini għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini – Dħul u miżati pendenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien id-dħul tal-Awtorità tal-Mediċini, għal dak li jirrigwarda reġistrazzjoni ta’ mediċini fis-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm għad fadlilha tiġbor l-istess Awtorità mill-miżati tar-reġistrazzjoni ta’ mediċini, għal reġistrazzjonijiet li saru qabel l-2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 separatament għal kull sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mediċini jiġu rreġistrati permezz ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, li jiġu pproċessati mill-Awtorità dwar il-Mediċini biss wara li jitħallsu l-miżati applikabbli. Għalhekk, m’hemmx ammonti pendenti relatati mal-miżati tar-reġistrazzjoni.
Id-dħul minn applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kien is-segwenti:
Sena
Dħul €
2022
1,919,127.79
2023
1,728,541.91
2024
2,142,745.09
2025
1,975,280.20
2026 (sal-aħħar ta’ Lulju)
1,604,705.00
Wara r-reġistrazzjoni, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iħallsu tariffa annwali sabiex l-awtorizzazzjoni tibqa’ valida.
Ħwienet liċenzjati għall-bejgħ ta’ prodotti tal-kannabis u droga oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħwienet liċenzjati biex ibiegħu prodotti tal-kannabis u/jew drogi oħra? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu dawn il-ħwienet, lokalità b’lokalità, kemm ilhom liċenzjati u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jsir dan il-bejgħ?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorat jew taqsima hija responsabbli għall-amministrazzjoni, it-tindif u l-manutenzjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex, inkluż il-manutenzjoni tal-art taċ-ċimiterju? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema allokati maċ-ċimiterju, u xi dmirijiet u xogħlijiet huma allokati lil kull kategorija ta’ ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn id-dmirijiet jinkludux it-tindif tal-uċuħ esterni tal-oqbra, u jekk iva, x’inhi l-frekwenza ta’ dan it-tindif? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-frekwenza għat-tindif taż-żoni komuni, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, u l-ġbir tal-iskart? Jista’ wkoll jindika meta saret l-aħħar spezzjoni tas-sit, x’miżuri immedjati se jittieħdu biex issir il-manutenzjoni meħtieġa – inkluża dik tal-artijiet taċ-ċimiterju – sabiex jiġi żgurat li dan jibqa’ nadif, sigur u dinjituż, u jispeċifika l-perjodu ta’ żmien mistenni biex jitlestew dawn l-azzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan iċ-ċimiterju jiġu assenjati impjegati skont l-esiġenzi tas-servizz, li x-xogħol tagħhom ivarja minn superviżjoni u ż-żamma tal-indafa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-manutenzjoni tal-artijiet taċ-Ċimiterju, matul ix-xhur li għaddew saret spezzjoni mill-Perit inkarigat sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni tas-sit u jiġu identifikati x-xogħlijiet meħtieġa. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isiru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, liema investigazzjonijiet diġà nbdew. Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet se jservu bħala bażi sabiex jiġu determinati l-interventi tekniċi meħtieġa u sussegwentement tkun tista’ tinħareġ is-sejħa għall-offerti għat-twettiq tax-xogħlijiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4148 dwar charging points fil-Mellieħa u l-Manikata, tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsabu t-13-il sit li fihom qed isir xogħol għaċ-charging points? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol f’kull wieħed minn dawn is-siti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li t-13-il sit fejn qed isir xogħol għaċ-charging poinst ġodda jinsabu fi Triq il-Madonna ta’ Fatima, Triq in-Naħħalija, Triq Ta’ Masrija, Triq il-Fuħħar, Dawret il-Mellieħa, Triq Vincenzo Ciappara, fil-parkeġġ ta’ Little Armier, Triq il-Marfa, Triq Salvu Camilleri, Triq Mons F.Xuereb, Triq il-Marlozz, fil-parkeġġ ħdejn l-Għassa tal-Pulizija fl-Għadira u fil-parkeġġ tar-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).
Studenti u ħaddiema Għawdxin - Servizz tal-karozzi tal-linja minn Lascaris
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bosta studenti u ħaddiema Għawdxin li jaslu l-Belt Valletta permezz tal-fast ferry li jitlaq minn Għawdex fis-6:45am u fit-7:45am, qegħdin jispiċċaw ma jitilgħux fuq il-karozzi tal-linja tar-rotta 300 u l-150 li jitilqu mill-waqfa tal-Lascaris fit-7:40am u fid-8:40am, minħabba li dawn ikunu mimlijin? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri immedjati ser jittieħdu sabiex il-kapaċità u l-frekwenza ta’ dan is-servizz jissodisfaw id-domanda, speċifikament f’dawn il-ħinijiet, u sabiex il-karozzi tal-linja jkunu kkoordinati mal-wasliet tal-fast ferry?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara analazi minn Transport Malta gie innutat li kien hemm każijiet li fihom it-tip tal-karozzi tal-linja ma kienux l-akbar li setgħu jiġu wżati.
Għaldaqstant Transport Malta ħadet il-provedimenti meħtieġa mal-operatur tat-trasport pubbliku sabiex dawn ir-rotot joperaw b’vetturi ta’ kapaċità (capacity) ogħla.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-iskop li għalih qed isir fence ġdid madwar iż-żona li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista’ tgħid ukoll liema partijiet huma mistennija li jkunu magħluqa u minn fejn ser ikunu l-aċċessi għall-istess inħawi wara li jsir il-fence kollu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta qed tinstalla fence ġdid fil-Park Nazzjonali tas-Salina, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-park, titjieb is-sigurtà tal-viżitaturi u tiġi żgurata ġestjoni aħjar taż-żona, partikolarment barra mill-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ.
Bħalissa qed jiġi installat fence fil-parti ta’ fuq tal-park, filwaqt li qed tkun kunsidrata wkoll il-possibbiltà li l-ilqugħ jiġi estiż mal-ġnub u ssir il-manutenzjoni meħtieġa tal-fence eżistenti. Dawn l-interventi huma intiżi wkoll għal prevenzjoni ta’ atti ta’ vandaliżmu u biex l-infrastruttura u l-ambjent tal-Park Nazzjonali tas-Salina jkunu mħarsa aħjar.
Fir-rigward tal-aċċess, se jinżammu l-punti ta’ aċċess eżistenti sabiex il-pubbliku jibqa’ jista’ jaċċessa l-park matul il-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ. L-aċċessi jingħalqu wara l-ħin uffiċjali tal-għeluq bħala parti mill-miżuri ta’ sigurtà u ħarsien tas-sit.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Swor Marcelina Tabone – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex tissewwa l-medda ta’ madwar 100 metru fi Triq Swor Marcelina Tabone - li qabel kienet magħrufa bħala Triq il-Mitħna - fir-Rabat, Għawdex, li għal dawn l-aħħar snin ġiet fi stat li toħloq periklu kemm għar-residenti kif ukoll għal kull min jgħaddi minn hemm? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tiswija u x’miżuri immedjati se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tar-residenti u ta’ kull min juża din it-triq sakemm jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed nieħu nota ta’ dan l-ilment u x-xogħlijiet f’din it-triq ser jiġu kkunsidrati.
Karozzi tal-linja – Rotta 150 minn Lascaris għal MCAST Paola
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3906 u jgħid kemm-il darba mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, is-servizz tal-karozzi tal-linja tar-rotta 150, li hija skedata li tgħaddi u tieqaf fl-istage ta’ Lascaris fil-Belt Valletta (ħdejn it-terminal tal-fast ferry) għall-ħabta tas-7.45 a.m. u li tintuża mill-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid:
i. ma għaddietx mill-imsemmija waqfa;
ii. waslet tard meta mqabbel mal-ħin skedat; u
iii. naqset li tieqaf minħabba li kienet mimlija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 150 titlaq minn żewġt postijiet, li huma l-bus stop tal-MCAST f’Raħal Ġdid u l-bus stop ta’ Lascaris fil-Belt Valletta.
Ninsab infurmat li l-vjaġġi kollha skedati bejn l-1 u t-30 ta’ Ottubru 2026, li jitilqu mill-bus stop ta’ Lascaris fil-ħin indikat saru kollha. Kien hemm tlett istanzi li fihom il-vjaġġ telaq ftit aktar minn 10 minuti tard.
Infurmat ukoll li fil-preżent, Transport Malta qed twettaq spezzjonijiet fuq il-bus stop ta‘ Lascaris sabiex jiġi evalwata aħjar id-domanda li hemm għal dan is-servizz.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien il-Ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta' Ġnien il-Ħaddiem, fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi miġbura.
Kampanja Nazzjonali għall-promozzjoni tal-prodott Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-kampanja nazzjonali permanenti għall-promozzjoni tal-prodott Malti u x’hemm ipproġettat li jsir fix-xhur li ġejjin minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħidma tal-Malta Food Agency fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali, hija kontinwa u tinkludi diversi sħubijiet strateġiċi, inizjattivi u proġetti promozzjonali.
Fost l-inizjattivi ppjanati għall-2027, apparti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet, diga qed jigu imnedija diversi promozzjonijiet u skemi.
Strateġija Nazzjonali għas-Sajd – Implimentazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ġie konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd 2026–2036, il-ħidma mxieja skont il pjanijiet imfassla.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-Laboratorju Patoloġiku għall-Akwakultura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aquatic Resources Malta qed tinvesti fl-ewwel Laboratorju tal-Patoloġija tal-Akkwakultura, bil-għan li ssaħħaħ ir-riċerka dwar is-saħħa tal-ħut, il-monitoraġġ u d-dijanjosi tal-mard, u tgħin biex l-industrija tal-akkwakultura tkun aktar sostenibbli u reżiljenti.