Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport pubbliku – Ilmenti – Sena 2024

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ilment irċieva dwar it-trasport pubbliku (karozzi tal-linja) matul is-sena 2024, maqsuma skont il-kategorija tal-ilment (dewmien, iffullar, imġieba tas-sewwieqa, aċċessibbiltà, indafa u oħrajn)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Karozzi tal-linja – Passiġġieri bilwieqfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja tat-trasport pubbliku matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bil-għan li jiġi vverifikat li n-numru ta' passiġġieri bilwieqfa ma kienx jaqbeż il-kapaċità massima permessa? Jista' jgħid ukoll, għal kull sena separata, kemm instabu każijiet fejn il-kapaċità massima ta' passiġġieri bilwieqfa kienet inqabżet u x'azzjoni ttieħdet f'dawn il-każijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq spezzjonijiet regolari fuq il-karozzi tal-linja. Dawn l-ispezzjonijiet ikopru, fost l-oħrajn, il-kundizzjoni tal-vettura, aspetti relatati mas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll ix-xufiera. Bħala parti minn dawn l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali ta’ Transport Malta jivverifikaw ukoll li n-numru ta’ passiġġieri bilwieqfa ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fis-Certificate of Conformity tal-vettura. It-tabella li ġejja turi n-numru ta’ spezzjonijiet imwettqa, kif ukoll l-għadd ta’ każijiet fejn instab li karozza tal-linja kienet qed iġġorr aktar passiġġieri mil-limitu permess: Sena Numru ta' Spezzjonijiet Każi ta' Overloading 2024 22,118 0 2025 30,572 1 2026 (Bejn Jannar u Mejju) 16,026 4

Investiment fis-settur tal-AI

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment qed jalloka l-Gvern fis-settur tal-AI u x’ser ikunu l-miri long-term għall-programm AI4ALL?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi hekk k if imhabbar fid-diskors tal-Budget 2026, il-Gvern alloka €100 miljun għad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali. Il-programm l-AI4ALL huwa intenzjonat li joffri programm edukativ li jibda billi jesponi lill-individwi Maltin minn eta' ta' 14-il sena u akbar, għal-prinċipji bażiċi u fundamentali tal-użu tal-IA. Grazzi għall-ewwel fażi, kull min hu eliġibbli biex jipparteċipa f'dan il-programm edukattiv jista' jilħaq livell ta' tagħlim li jippermettilu juża l-IA b'mod sigur. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi li matulha se jkunu offruti korsijiet li jiffokaw fuq kif wieħed jista' juża l-IA f'sitwazzjonijiet partikolari, bħall-IA għal-impjegati tas-settur pubbliku, u kif tista' tintuża l-IA minn persuni li qed iffitxu xogħol. Din il-fażi, apparti li qed tinkludi l-iżvilluppar tal-kontenut, se tinkludi ukoll l-akkreditazzjoni ta' dawn il-korsijiet addizzjonali. B'hekk dawk l-individwidi li jkomplu b'suċċess dawn l-'pathways' addizzjonali se jkunu jistgħu jirċievi ċertifikat li jikkonferma il-livell edukattiv miksub.

Programm AI għal Kulħadd (AI4ALL)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun qed joffri l-programm AI għal Kulħadd? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet il-konkorrenza mit-tnedija tagħha?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-programm AI għal Kulħadd huwa programm nazzjonali edukattiv li jesponi lill-individwi Maltin minn eta' ta' 14-il sena u akbar, għal-prinċipji bażiċi u fundamentali tal-użu tal-IA. Dan il-programm jibda bi 3 korsijiet li jiffokaw fuq l-elementi fundamentali tal-IA, l-IA għall-ħajja ta' kuljum u l-IA għat-tagħlim. Kull min jsegwi u jwieġeb l-mistoqsijiet relatati ma' dawn il-korsijiet jilħaq livell ta' tagħlim li jwassal għal użu sigur tal-IA. L-individwi li jaslu sa' dan il-livell jirċievu ċertifikat li jikkonferma li t-tlett korsijiet ġew konklużi b'suċċess, kif ukoll aċċess għal-sena b'xejn għal-ChatGPT Plus jew Microsoft 365 Personal bil-Copilot AI. Il-progress tal-ewwel fażi kien wieħed pożitiv ħafna, b'aktar minn  29,000 individwu rreġistraw u bdew il-programm fl-ewwel seba’ ġimgħat mit-tnedija tiegħu. 15,839 individwu lestew it-tlett korsijiet u rċevew abbonament ta' sena għal-wieħed mill-għodod tal-IA msemmija.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 70 sena – Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 414 u jipprovdi statistika tan-numru ta’ individwi li għandhom ’il fuq minn 70 sena li jaħdmu, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni ‘l fuq minn 70 sena fid-dinja tax-xogħol żdied għal 8,440 fl-2026 minn 6,124 fl-2021. Din l-informazzjoni hija miġbura mill-formoli ta’ bidu u tmiem ta’ impjieg u iżjed informazzjoni dettaljata tinstab fit-tabella t' hawn taħt; ĦADDIEMA LI GĦANDHOM ’IL FUQ MINN 65 SENA – STATISTIKA 70+ 2021 2022 2023 2024 2025 2026 Diċembru Diċembru Diċembru Diċembru Diċembru Jannar Total 6,124 6,547 7,091 7,681 8,471 8,440

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 65 sena – Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 413 u jipprovdi statistika tan-numru ta’ individwi li għandhom ’il fuq minn 65 sena li jaħdmu, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni ‘l fuq minn 65 sena fid-dinja tax-xogħol żdied għal 15,763 fl-2026 minn 11,487 fl-2021. Din l-informazzjoni hija miġbura mill-formoli ta’ bidu u tmiem ta’ impjieg u iżjed informazzjoni dettaljata tinstab fit-tabella t' hawn taħt; ĦADDIEMA LI GĦANDHOM ’IL FUQ MINN 65 SENA – STATISTIKA 65+ 2021 2022 2023 2024 2025 2026 Diċembru Diċembru Diċembru Diċembru Diċembru Jannar Total 11,487 12,407 13,499 14,517 15,795 15,763

Ħmieġ tal-annimali – Multi

Question

Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali, tgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Proġett ‘Beautiful Malta Initiative’ – Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 130 u jgħid jekk hux se jittieħdu fondi mill-Planning Fund allokat għall-Kunsilli Lokali fil-proġett ‘Beautiful Malta Initiative’?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onovervoli Interpellant illi għall-proġett ‘Beautiful Malta Initiative’ mhumiex ser jittieħdu fondi mill-Planning Fund allokat għall-Kunsilli Lokali.

Ir-Rabat, Malta – Toroq li ngħataw it-tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq fir-Rabat, Malta ngħataw it-tarmak bejn April u Ġunju 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn April u Ġunju 2024, ingħata asalt fi Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, Triq il-Kav Vincenzo Bonello, Triq Santa Katerina, Triq Antonio Nani, Triq Għar Barka, Triq in-Nigret, Triq il-Ġarġir, Triq l-Iskultura, Triq tat-Tabija, Vjal il-Ħaddiem u Triq Għajn Qajjet, Rabat, Malta.

PGTM – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-proċess tal-PGTM minn meta ġie introdott, għal liema kundizzjonijiet iddaħħlu l-applikazzjonijiet u kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati b’identifikazzjoni ta’ liema kienu l-kundizzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-introduzzjoni tal-PGTM fl-2022 daħlu tlett applikazzjonijiet għand l-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun, sabiex isiru trattamenti bl-użu tal-PGTM.  L-applikazzjonijiet kienu jkopru tlett kundizzjonijiet mid-9 li hemm approvati u cioe, Huntington Disease, Gangliosidosis u Finnish Nephrotic Syndrome.  Waħda mill-applikazzjonijiet kienet approvata u sar l-IVF bl-użu tal-PGTM.  It-tnejn l-oħra għadhom għaddejjin bil-proċess ta’ validazzjoni.

In-Naxxar – Splużjoni tal-kamra tan-nar – Kumpens/għajnuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’tip ta’ kumpens/għajnuna hi mistennija li tingħata lil dawk li sofrew ħsarat wara l-isplużjoni fil-kamra tan-nar fil-limiti tan-Naxxar?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-Gvern diġà pprovda għajnuna lill-bdiewa affettwati bħala parti mill-miżuri prekawzjonarji meħuda biex tiġi mħarsa s-sigurtà tal-ikel. Ingħata kumpens għall-prodott agrikolu li kellu jinqered jew li nġabar sabiex isiru kampjuni u analiżi fil-laboratorji. Dawn il-miżuri kienu meħtieġa sabiex isiru l-valutazzjonijiet neċessarji relatati mas-sigurtà tal-ikel, filwaqt li naqqsu kemm jista' jkun l-impatt finanzjarju fuq il-bdiewa milquta. Fir-rigward ta' kull assistenza jew kumpens ieħor marbut mal-ħsarat ikkawżati mill-isplużjoni, bħalissa għadha għaddejja l-inkjesta maġisterjali dwar il-każ. Għaldaqstant, il-Gvern ser jistenna l-konklużjonijiet ta' din l-inkjesta qabel jikkunsidra kwalunkwe miżura ulterjuri, dejjem skont dak li tipprovdi l-liġi.

In-Naxxar – Splużjoni tal-kamra tan-nar – Rapporti ta’ ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ ħsarat fl-għases tal-pulizija wara l-isplużjoni tal-kamra tan-nar fil-limiti tan-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll f’liema għases daħlu dawn ir-rapporti, u kemm-il rapport daħal f’kull għassa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nitlob lill-Onor Interpellanta tispeċifika x’tip ta’ ħsarat qed jirreferi għalihom.

Il-bajja ta’ Buġibba – Ċaqliq tal-irmiġġi – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol li sar fil-bajja ta’ Buġibba wara l-breakwater, għal dak li jikkonċerna ċ-ċaqliq tal-irmiġġi fl-istess bajja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża totali relatata mar-riorganizzazzjoni tar-rmiġġi f’Buġibba kienet tammonta għal €1,189,795.00 (VAT Eskl.)

Il-bajja ta’ Buġibba – Irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ rmiġġi li kien hemm fil-bajja ta’ Buġibba, u dan qabel ma sar ix-xogħol fuq l-istess irmiġġi? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ rmiġġi wara li sar ix-xogħol u kif ser jiġu allokati/ġew allokati l-irmiġġi li żdiedu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma beda x-xogħol ta’ riorganizzazzjoni, fil-bajja ta’ Buġibba kien hemm total ta’ 334 rmiġġ identifikat fiż-żona. Wara ir-riorganizzazzjoni in-numru ta’ rmiġġi fil-layout il-ġdid huwa ta’ 411. Madankollu, għandu jiġi nnutat li dawn iċ-ċifri mhux neċessarjament jistgħu jiġu mqabbla direttament, peress li l-konfigurazzjoni l-ġdida ġiet iddisinjata fuq il-bażi tad-dimensjonijiet tal-bastimenti u l-istandards ta’ sigurtà tan-navigazzjoni tal-lum. Għaldaqstant, il-kapaċità taż-żona tiddependi wkoll fuq id-daqs u l-karatteristiċi tal-bastimenti li jkunu qed jużaw l-irmiġġi. Ir-riorganizzazzjoni saret sabiex titjieb is-sigurtà tan-navigazzjoni, jiġu stabbiliti fairways adegwati u jiġi ottimizzat l-użu taż-żona. L-allokazzjonijiet ta’ kwalunkwe spazju disponibbli jsiru skond il-prattika amministrattiva stabbilita tal-Awtorità minn żmien għal żmien, filwaqt li jitqiesu diversi fatturi, fosthom il-qisien u l-karatteristiċi tal-bastiment, il-kapaċità u l-konfigurazzjoni tal-irmiġġi disponibbli, il-kundizzjonijiet operattivi tal-lokalità partikolari, kif ukoll aspetti relatati mas-sigurtà u n-navigazzjoni.

Il-Wardija – Skola Dun Manwel Attard – Numru ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ studenti li jattendu l-iskola Dun Manwel Attard fil-Wardija, għal kull sena, fis-sena skolastika 2026-2027?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li matul is-sena skolastika li ġejja, fl-iskola msemmija n-numru ta’ studenti mistenni jkun ta’ 104.