Legislature:
Category:
Reset
Active:

Użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-misotqsija parlamentari 4133 u telenka l-miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitrażżan l-użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija li tista’ tkun ta’ ħsara għall-ambjent? Tista’ telenka x’inċentivi qed jingħataw biex il-pubbliku jagħmel aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu qed jimplimentaw diversi miżuri sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jitnaqqas il-konsum mhux meħtieġ u jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa. Fost l-aktar inizjattivi riċenti hemm EcoTrack, pjattaforma diġitali għall-gvern inġenerali mnedija mill-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima f’Settembru 2026 fil-qafas tal-inizjattiva tal-Gvern Leading by Example u b’appoġġ għall-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP). Il-pjattaforma tiċċentralizza data dwar il-konsum tal-elettriku u tal-ilma fil-binjiet pubbliċi, kif ukoll data relatata mal-flotta tal-vetturi tal-Gvern, sabiex l-entitajiet ikunu jistgħu jimmonitorjaw il-konsum tagħhom, iqabblu l-prestazzjoni u jidentifikaw fejn jistgħu jittieħdu miżuri ulterjuri ta’ effiċjenza. EcoTrack tinkludi wkoll gwida dwar l-effiċjenza fl-enerġija msejsa fuq iċ-ċiklu Plan-Do-Check-Act , li jintuża fi standards internazzjonali ta’ ġestjoni tal-enerġija u tal-ambjent. Din tipprovdi lill-entitajiet bi proċess strutturat sabiex jidentifikaw is-sorsi ewlenin tal-konsum u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jużaw l-enerġija u r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti. Din il-ħidma hija kkumplimentata minn miżuri oħra li diġà qed jiġu implimentati mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru, fosthom l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi, dawl LED u sensuri, sistemi aktar effiċjenti tal-arja kkundizzjonata, solar film, ħġieġ doppju u insulazzjoni tas-soqfa, kontroll u monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija, kif ukoll it-tiġdid gradwali tal-flotot permezz ta’ vetturi elettriċi. Qed jiġu implimentati wkoll sistemi formali ta’ ġestjoni ambjentali u tal-enerġija. F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-impjanti tar-Reverse Osmosis tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemed kisbu ċ-ċertifikazzjoni ISO 14001, filwaqt li Ambjent Malta għaddejja bit-tħejjijiet sabiex tikseb l-istess ċertifikazzjoni. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta wkoll politika u sistema speċifika ta’ ġestjoni tal-enerġija, audits regolari u teknoloġiji biex jiġi ottimizzat it-tħaddim tal-impjanti tagħha. Fir-rigward tal-inċentivi għall-pubbliku, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jamministra diversi skemi li jappoġġjaw investiment f’enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika. Fost dawn, l-iskema tal-2026 għas-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli tipprovdi, fost oħrajn, għotja ta’ 65% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €3,000, għal sistema fotovoltajka b’inverter ibridu, filwaqt li għal sistema ta’ ħażna tal-enerġija fil-batteriji tingħata għotja ta’ 75% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €6,000, skont il-kundizzjonijiet tal-iskema. Hemm ukoll skemi ta’ għajnuna għal ħiters solari tal-ilma u ħiters tal-ilma bil-pompa tas-sħana, kif ukoll għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika bħall-insulazzjoni tas-soqfa u l-ħġieġ doppju. Barra minn hekk, l-iskema tal- feed-in tariff tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli billi tippermetti lill-benefiċjarji eliġibbli jirċievu ħlas għall-elettriku prodott u esportat lejn in-network nazzjonali.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3751 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 5075.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3750 u jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa jikkollabora ma’ numru ta’ NGOs u dan sabiex jiġu pprovduti diversi servizzi fosthom Community services għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, Seminars f’diversi Kunsilli Lokali u Għaqdiet Volontarji fuq suġġetti relatati mas-saħħa, Appoġġ għall-għoti ta’ kura paljattiva lil persuni b’mard terminali, Akkomodazzjoni u servizzi spiritwali barra minn Malta għal pazjenti li jkunu qed jirċievu trattamenti varji, Voluntiera biex jassistu u jipprovdu appoġġ lil pazjenti u qrabathom fl-għoti ta’ servizzi mhux mediċi u mhux kliniċi fl-isptarijiet f’Malta, Attivitajiet varji għall-anzjani fi djar residenzjali tal-Gvern biex iżommu ruħhom attivi u ħafna oħrajn. L-Għaqdiet Volontarji li bbenefikaw minn dawn is-servizzi jinkludu: Richmond Foundation, Hospice Malta, Puttinu Cares, Maltese Conventual Franciscan Province Friars, SOS Malta, Karl Vella Foundation, Din l-Art Ħelwa, The Scout Association of Malta, St. Jeanne Antide Foundation, St. John Rescue Corps, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Gozo Business Chamber, Mission4Changes u Malta Dementia Society.

Trakka tal-karozzi – Kumpens lill-għaqdiet tal-motorsport u s-sewwieqa

Question

Wara li t-trakka tal-karozzi għadha ma waslitx fl-istat li inizjalment kienet qabel ma nqalgħet u qed jiġi stmat mal-€1 miljun biex tkun asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jikkumpensa lill-għaqdiet tal-motorsport u lis-sewwieqa għad-dewmien u għat-telf ta' flus?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Id-dilettanti tal-motorsport jafu min kien l-uniku gvern li ħaseb fihom u fl-isport tagħhom. L-aħjar kumpens huwa l-faċilitajiet mill-aqwa li ser ikollhom.

Għawdex – Mezzi ta' trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma attwalment it-taxis, kemm bojod u kemm ta’ kumpaniji oħra, reġistrati f'Għawdex u kemm jikkalkula li jridu jiżdiedu karozzi reġistrati biex jagħmlu tajjeb għal dawk li jagħżlu jżuru lill-Għawdex bla karozza? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se tkun qed tiżdied ukoll il-flotta ta' karozzi tal-linja qabel Jannar 2027?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel – Noll għall-foot passengers – Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jistma li se jkun jiswa s-sussidju biex in-noll għall-foot passengers tal-Gozo Channel jingħata b'xejn u jekk hux qed ibassar żieda ta' impjegati mal-istess kumpanija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hi wegħda elettorali tal-Gvern. Din hija miżura li għandha l-għan li tnaqqas l-użu tal-karozza għal dawk li jiġu Għawdex. L-adjustment fin-noll għat-turisti huwa maħsub li jagħmel tajjeb għad-diminazzjoni tan-noll għall-passiġġiera Għawdxin, Maltin u dawk residenti fit-tul f’pajjiżna.

Reġistrazzjoni tal-imwiet – Aġġornament awtomatiku jew manwali tad-data

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3888 u 4420 u jgħid jekk ir-reġistrazzjoni tal-mewt ta’ pazjent f’sistema waħda twassalx għal aġġornament awtomatiku tal-istatus tal-pazjent fis-sistemi l-oħra, jew jekk dan jiddependix minn intervent manwali? Jista’ jgħid ukoll fejn ikunu meħtieġa aġġornamenti manwali, liema kontrolli huma fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tiġi aġġornata b’mod korrett u fil-ħin?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 5064.

Sptarijiet pubbliċi – Sistemi elettroniċi tal-informazzjoni – Reġistrazzjoni tal-imwiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3887 u 4419 u jgħid x’inhuma l-proċeduri fis-seħħ fl-isptarijiet pubbliċi biex il-mewt ta’ pazjent tiġi rreġistrata fis-sistemi elettroniċi tal-informazzjoni? Jista’ jispeċifika liema sistemi jintużaw, inklużi l-ICM, il-Patient Dashboard, l-EPR u l-Converge, u jispjega kif l-informazzjoni dwar il-mewt ta’ pazjent tiġi trażmessa u aġġornata bejn dawn is-sistemi? Jista’ jispjega wkoll jekk hemmx differenza bejn meta persuna tmut fid-dar residenzjali tagħha jew fl-isptar?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fl-isptarijiet pubbliċi, l-mewt ta’ pazjent tiġi rreġistrata skont proċeduri stabbiliti, u l-informazzjoni tiġi aġġornata fis-sistemi rilevanti tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Fil-każ ta’ mwiet li jseħħu barra mill-isptar, inkluż fir-residenza tal-persuna, l-informazzjoni tiġi aġġornata abbażi tad-dokumentazzjoni uffiċjali. Is-sistemi u l-proċessi relatati jiġu riveduti b’mod kontinwu, bil-għan li tissaħħaħ aktar l-interoperabbiltà bejniethom.

Operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4253 u jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 3,504 operazzjonijiet tal-katarretti f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.

Ministeru għas-Saħħa – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3247 u jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-individwu inkwistjoni ma kienx appuntat f’ebda bord jew kumitat fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa, inklużi bordijiet innominati mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, bordijiet tal-għażla u bordijiet dixxiplinari.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3246 u jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l- individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma kienx  appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih jien responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026.

Kunsill Lokali – Karigi amministrattivi u klerikali – Verifiki

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema verifiki għandhom isiru qabel ma persunal amministrattiv jew klerikali jiġi ingaġġat mill-kunsilli lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qabel ma persunal klerikali jiġi ingaġġat minn Kunsill Lokali, għandu jiġi vverifikat li l-kandidat jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa għall-kariga rispettiva, skont il-Ftehim Kollettiv għall-Ħaddiema Klerikali ġewwa l-Kunsilli Lokali u Reġjonali 2024–2028.

Kunsilli Lokali – Postijiet mimlija u vakanti

Question

Tista’ l-Ministru tagħti, għal kull kunsill lokali, l-għadd ta’ postijiet mimlija u vakanti f’kull kariga, u tgħid min qiegħed jaqdi d-dmirijiet marbuta mal-karigi vakanti u taħt liema arranġamenti? Tista’ tgħid ukoll liema kunsilli, jekk hemm, għandhom aktar impjegati f’xi waħda minn dawn il-karigi mill-għadd previst, u jagħti r-raġunijiet għal dan?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsill Lokali – Karigi amministrattivi u klerikali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-karigi amministrattivi u klerikali li kull kunsill lokali huwa obbligat li jkollu jew li huma previsti fl-istruttura tal-persunal tiegħu, u tagħti, għal kull kariga, l-isem uffiċjali, l-iskala tas-salarju u l-għadd ta’ postijiet previsti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-karigi amministrattivi u klerikali f'kull Kunsill Lokali huma dawk indikata fil-ftehim kollettiv għall-Ħaddiema Klerikali ġewwa l-Kunsilli Lokali u Reġjonali (2024-2028). Il-Kunsill mhux obbligat li jimla jew ikollu persuna għal kull kariga u sta għall-Kunsill li jiddeċiedi kemm jimpjega persuni u f'liema postijiet.

L-Università ta' Malta u l-MCAST – Studenti Għawdxin – Lectures permezz ta’ videoconferencing

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex studenti Għawdxin li jattendu korsijiet fl-Università ta' Malta kif ukoll l-MCAST jingħataw il-fakultà sabiex jattendu għal lectures ġewwa l-Campus tal-Università u l-Campus tal-MCAST f'Għawdex u dan permezz ta' videoconferencing mill-campus rispettiv f'każ ta' maltemp u diffikultajiet oħra li l-istudenti jistgħu jiltaqgħu magħhom li jfixkilhom milli jattendu għal lectures fil-ħin f'Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor.Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistqosija Parlamentari 2246.

L-Università ta’ Malta u l-MCAST f’Malta – Studenti Għawdxin – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu sabiex l-istudenti Għawdxin li jattendu l-MCAST jew l-Università ta’ Malta ma jiġux irreġistrati bħala assenti meta jaslu tard għal-lezzjonijiet minħabba dewmien jew tfixkil fis-servizzi tal-Gozo Channel, tal-Fast Ferry jew tal-linja, għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li f’kazijiet bhal dawn l-MCAST  timmarka l-istudenti excused meta l-istudent jaghti prova li kien hemm dewmien minhabba l-vapur. Infurmat ukoll li kull meta l-istudent jiltaqa ma xi diffikultà li ma tkunx fil-kontroll tagħhom l-Università ta’ Malta taghti il-faċilità  lill-istudenti sabiex jew javżaw l-uffiċċju tal-Fakultà jew inkella lill-lecturer rispettiv . F’każijiet fejn jiġi stabbilit li hemm raġuni valida, l-istudent konċernat ma jiġix reġistrat bħala assenti.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Finanzjament mill-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern mhux qiegħed jagħmel użu minn opportunitajiet ta' finanzjament offruti mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja l-investiment fi flotta ġdida tal-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea allokati għal Malta għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 ma jipprevedux għal finanzjament għax-xiri ta’ flotta ġdida ta’ bastimenti għall-Gozo Channel.

Kulleġġi – Livell ta’ awtonomija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-prinċipali, il-mexxejja edukattivi, l-għalliema u l-ġenituri dwar il-livell ta’ awtonomija li għandu jingħata lil kull kulleġġ? Jekk iva, jista’ jgħid ma’ min saret din il-konsultazzjoni u x’kienu l-konklużjonijiet tagħha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawn it-temi jkunu diskussi mal-istakeholders neċessarji.

Kulleġġi – One size fits all approach

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-‘one size fits all approach’ mhux neċessarjament taqdi l-ħtiġijiet tal-kulleġġi kollha, fid-dawl tar-realtajiet differenti li jiffaċċjaw? Jista’ jgħid ukoll x’passi beħsiebu jieħu sabiex kull kulleġġ ikun jista’ jadatta l-operat tiegħu għaċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Kulleġġi ma jużawx il-one size fits all approach għaliex kull talba tiġi evalwata u kull Kulleġġ jopera skont il-ħtieġa.

Kulleġġi – Awtonomija amministrattiva, akkademika u operattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex il-kulleġġi jingħataw aktar awtonomija amministrattiva, akkademika u operattiva, u jkunu jistgħu jfasslu l-politika tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-komunitajiet edukattivi rispettivi tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor.Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistqosija Parlamentari 4958.