Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – Triq Santa Duminka – Żona pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-parti d-dejqa ta’ Triq Santa Duminka f'Ħaż-Żabbar, issir żona pedonali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol sabiex l-parti d-dejqa ta’ Triq Santa Duminka issir żona pedonali, jibda wara li jitlestew ix-xogħlijiet ġo Triq Lia, Żabbar.

Gżejjer ta’ San Pawl – Statwa ta’ San Pawl – Floodlight

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, tiġi ‘floodlit’ bħalma kienet għal diversi snin fil-passat?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Gżejjer ta’ San Pawl – Statwa ta’ San Pawl – Floodlight

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, tiġi ‘floodlit’ bħalma kienet għal diversi snin fil-passat?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi qed tikkoordina t-tiswijiet meħtieġa fuq is-sistema fotovoltajka sabiex l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl terġa’ tixgħel kif dejjem għamlet tul dawn l-aħħar snin. Il-ħsarat irrapurtati fuq is-sistema tad-dawl huma estensivi.

Sptarijiet tal-Gvern – Impjegati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 114 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni impjegati fl-isptarijiet differenti tal-Gvern, u jaqsam din l-informazzjoni skont il-kategoriji ta’ impjiegi stabbiliti għas-servizzi varji li huma meħtieġa f’kull livell? F’kull kategorija ta’ impjieg, jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità mhux Maltija?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali – Proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 110 u jgħid kemm-il proprjetà tal-Gvern għaddiet b’kirja jew ċens lill-kunsilli lokali, bejn l-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli ngħataw dawn il-proprjetajiet mill-Awtorità tal-Artijiet, u f’kull każ jgħid liema proprjetà u lil liema kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità – Reserved parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw reserved parking bays għal persuni b’diżabilità minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ l-Ministru jaqsam din l-informazzjoni wkoll skont it-tip ta’ reserved parking bay (personalised, communal, eċċ.)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità jiġu allokati wara l-approvazzjoni tassattiva tal-Bord Mediku maħtur mill-Aġenzija Sapport, li jevalwa u jiddeċiedi kull applikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti. Kif indikat fit-tabella li ġejja, in-numru ta’ parkeġġi allokati għall-persuni b’diżabilità li ngħataw fl-2025 u fl-2026 huma: Sena Parkeġġi Personaliżżati Parkeġġi Komunali 2025 469 122 2026 260 75

Ġestjoni u miżuri relatati mat-traffiku – Użu tal-AI

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-progress tal-Gvern fl-użu jew l-adattament tal-intelliġenza artifiċjali (AI), fil-ġestjoni tat-traffiku u fil-miżuri relatati mat-traffiku? Jista’ jgħid ukoll liema proġetti pilota, tenders jew sistemi diġà ġew ippjanati jew implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-materja qed tiġi indirizzata fuq żewġ binarji. L-ewwel hija l- upgrading tas-sistemi diġitali li diġa kienu għad-dispożizzjoni ta’ Transport Malta, li aktar ma jgħaddi żmien aktar ser jidħlu fihom features tal-AI. Per eżempju, l- Adaptive Traffic Control diġa’ qed jara li numru ta’ traffic lights f’Malta jużaw l-AI u uħud minnhom diġa qed jintużaw. Mit-tieni binarju, għaddejin proġetti oħra li d-dettalji tagħhom jingħataw iktar ‘il quddiem biex l-iktar areas kritiċi tar- road network tal-pajjiż ikollhom traffic management bl-AI.

Gozo Channel – Tender għall-provvista ta’ vapur – Kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti (tender) għall-provvista ta’ vapur għall-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika għal liema tender qed jerreferi.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Pjan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan konkret tal-Gvern, b’kronoloġija indikattiva, sabiex jinvesti fi flotta moderna, sostenibbli u effiċjenti għall-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Opportunitajiet ta’ finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja investiment fi flotta ġdida għall-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Kofinanzjament mill-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bediex proċess serju biex jikseb kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-investiment fi flotta ġdida tal-Gozo Channel? Jekk le, jista’ jgħid ukoll liema passi ttieħdu u f’liema stadju jinsabu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel – Kirja tal-vapur Nikolaus – Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ammont li ntefaq sal-lum fuq il-kirja tal-vapur Nikolaus setax jintuża għal investiment sostanzjali fi flotta ġdida għall-Gozo Channel? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll x’inhi l-evalwazzjoni li għamel il-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inklużjoni tar-raba’ vapur kien – u għadu – pass kruċjali biex jiġi kkumplimentat it-tkabbir ekonomiku bla preċedent li rreġistrat il-gżira Għawdxija fl-aħħar snin; liema tkabbir wassal għal żieda sostanzjali fil-volum ta’ passiġġiera li jagħmlu użu mill-vapuri operati mill-kumpanija Gozo Channel. Il-pass li jmiss hu, dak li l-kumpanija jkollha flotta aktar moderna, effiċjenti u reżiljenti biex tkompli tissaħħaħ il-konnettività marittima bejn Malta u Għawdex. Għaldaqstant, fix-xhur li ġejjin se jiġu ppubblikati s-sejħiet għall-offerti għall-akkwist ta’ żewġ vapuri ġodda kif ġie imwiegħed fil-manifest elettorali.

Gozo Channel – Tender ġdid għall-provvista ta’ vapur – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex jiġi żgurat li t-tender il-ġdid għall-provvista ta’ vapur għall-Gozo Channel ikun miftuħ għal kompetizzjoni effettiva u ma jkunx imfassal b’tali mod li ma jirċievi l-ebda offerta konformi, bil-konsegwenza li l-Gozo Channel terġa’ tiddependi fuq il-vapur Nikolaus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender ġie mfassal skont il-prinċipji ta’ trasparenza, trattament ugwali u kompetizzjoni ġusta, u bi kriterji ċari u mhux diskriminatorji. Dan sar biex tkun attirata parteċipazzjoni effettiva minn operaturi ekonomiċi kwalifikati. L-ispeċifikazzjonijiet ġew stabbiliti b’mod proporzjonat għall-ħtiġijiet operattivi tal-kumpanija Gozo Channel. Id-dettalji kollha relatati ma’ dan it-tender huma aċċessibbli pubblikament permezz tal-portal tal-akkwisti elettroniċi (EPPS), u dan biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa.

Berġa tas-Siġġiewi – Tobba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull meta jkun hemm tabib fil-Berġa tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità tas-Siġġiewi is-servizz tat-Tabib tal-Familja jiġi offrut darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta.

Berġa tas-Siġġiewi – Servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi tas-saħħa jingħataw fil-Berġa tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità tas-Siġġiewi hemm tliet kmamar kliniċi li fihom jiġu offruti diversi servizzi għall-klijenti tad-Dipartiment għall-Kura tas-Saħħa Primarja. Il-Klinika toffri servizz ta’ Tabib tal-Familja, servizz ta’ Infermiera, servizz ta’ Flebotomija (tneħħija tad-demm), servizz ta’ Speech Language Pathology, servizzi ta’ Podjatrija, servizzi ta’ Fiżjoterapija u servizz ta’ Psikoloġija.

Infermiera speċjalizzati fil-qasam tal-mediċina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx infermiera speċjalizzati fil-qasam tal-mediċina li jaħdmu fiha bħal pereżempju fil-kardjoloġija jew ġerantoloġija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fl-affermattiv.

Volontarjat – Għajnuniet finanzjarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk jingħatawx għajnuniet finanzjarji fil-qasam tal-volontarjat u jekk iva, kemm u f’liema oqsma jingħataw?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet volontarji jifforma parti integrali mill-ħidma tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Dan l-appoġġ jingħata permezz ta’ diversi skemi, fondi u inizjattivi li jitħabbru pubblikament minn żmien għal żmien fuq il-portal tal-MCVS.

L-Istrett ta’ Hormuz – Vapuri reġistrati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vapuri li jtajru l-bandiera Maltija maqbuda fl-istrett ta’ Hormuz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum hemm 26 bastiment irreġistrati taħt il-bandiera Maltija li jinsabu fil-Golf Persjan u 3 bastimenti fil-Golf ta’ Oman (fuq iż-żewġ naħat tal-Istrett ta’ Hormuz). Madankollhu. dan ma jfissirx li huma kollha maqbulin fiż-żona tal-kunflitt.