Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żoni uffiċjali għall-għawm magħluqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema ġranet kien hemm xi żona uffiċjali għall-għawm li kienet magħluqa jew li fir-rigward tagħha kien hemm rakkomandazzjoni sabiex ma jsirx għawm, mill-1 ta’ Mejju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm żoni magħluqa jew soġġetti għal rakkomandazzjoni sabiex ma jsirx għawm f’kull ġurnata matul il-perjodu msemmi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Mejju 2026 u d-data li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, il-pubbliku ġie avżat li mhux rakkomandat li jsir għawm fiż-żoni uffiċjali għall-għawm indikati fit-tabella hawn taħt: Żona uffiċjali għall-għawm Perjodu Kawża B10 – Bajja tal-Exiles, Tas-Sliema 26 ta’ Mejju 2026 sat-2 ta’ Ġunju 2026 Ħsara fil-medda tad-drenaġġ tat-toilets pubbliċi Żona bejn A13 u A14, Birżebbuġa 8 ta’ Ġunju 2026 sal-15 ta’ Ġunju 2026 Ħsara fid-drenaġġ ta’ residenza privata B08 – in-naħa tax-xellug tal-Bajja ta’ Balluta 17 ta’ Ġunju 2026 sat-23 ta’ Ġunju 2026 Imblukkar minn skart tal-kostruzzjoni fil-main ewlieni tad-drenaġġ. C23 – Bajja tal-Għażżenin, San Pawl il-Baħar 27 ta’ Ġunju 2026 sat-3 ta’ Lulju 2026 Ħsara f'sistema ta' distribuzzjoni f'mina ghall-ilma tax-xita B14 – Qui Si Sana, Tas-Sliema mill-4 ta’ Lulju 2026 sal-11 ta’ Lulju 2026 Ħsara kkawżata minn xogħlijiet fit-triq minn kuntrattur privat. Ninsab infurmat ukoll li, apparti s-siti uffiċjali għall-għawm, kien hemm ukoll is-sit mhux uffiċjali għall-għawm f’Ta’ Xbiex li għalih inħarġet rakkomandazzjoni sabiex ma jsirx għawm bejn l-4 ta’ Ġunju 2026 u l-11 ta’ Ġunju 2026 minħabba ħruġ ta’ ilma maħmuġ minn stormwater flood relief .  Dan is-sit, iżda, ma jifformax parti mil-lista uffiċjali taż-żoni għall-għawm.

Carers li jaħdmu mal-anzjani - Għarfien bażiku tal-lingwa Maltija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser ikun qed isir biex il-carers li jaħdmu mal-anzjani jkollhom għarfien bażiku tal-lingwa Maltija? Jista’ jgħid ukoll meta dan ser isir rekwiżit?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istandards regolatori maħruġa mill-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) diġà jesiġu li l-istaff li jaħdmu fid-djar tal-anzjani jkollhom taħriġ fil-lingwa Maltija, liema Standard jinsab fir-‘Residential Services for Senior Citizens’ taħt is-sezzjoni ‘Training for Staff’.

Carers li jaħdmu mal-anzjani - Skills pass

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed jiġi introdott l-iskills pass għall-carers li jaħdmu mal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) bħalissa għaddejja bi proċess sabiex tiġi ntrodotta u mplimentata skills pass għall-carers li jaħdmu mal-anzjani fiż-żmien li ġej.

Anzjani li jgħixu fil-komunità - Residenza San Vincenz de Paule - Terapija tal-kimoterapija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-anzjani li jgħixu fil-komunità ser jibdew jirċievu t-terapija tal-kimoterapija fir-Residenza San Vincenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kanċer ser ikun qed jiġi trattat f’din ir-residenza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fiż-żmien li ġej, ġewwa d-Day Clinic ta’ San Vinċenz de Paul se jkun hemm klinika speċjalizzata sabiex tipprovdi trattament għal diversi kundizzjonijiet relatati mad-demm u mard ieħor. Fl-ewwel fażi tal-operat tagħha, il-klinika se tkun qed toffri diversi trattamenti, bil-għan li skont il-ħtiġijiet identifikati u l-iżvilupp tas-servizz, jiġu estiżi wkoll it-trattamenti offruti.

L-Imtarfa - Dar tal-Anzjani - Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa b’kollox dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa b’kollox dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Mater Dei – Clerks – Ħlas għall-użu tal-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex membri tal-istaff li jaħdmu bħala clerks ingaġġati mill-kuntrattur qed jintalbu jħallsu l-użu tal-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei meta jkunu qed jaqdu dmirhom fis-settur pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni dwar din il-materja ma ttieħditx mill-Isptar Mater Dei. Ma' dawn il-ħaddiema, l-isptar mexa mal-obbligi kuntrattwali tiegħu.

Ir-Rabat, Malta – Limiti ta’ Santa Katerina – Materjal li tneħħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tneħħa materjal li ġie mormi illegalment, magħruf bħala barriera, fil-limiti ta' Santa Katerina, limiti tar-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit għadu qed jiġi mmonitorjat mill-awtoritajiet b’mod kontinwu, kemm permezz ta’ CCTV kif ukoll bi spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar. Ninsab infurmata li l-filmati tas-sigurtà jikkonfermaw li l-operatur qed jaderixxi mal-projbizzjoni imposta mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ma jidħolx aktar materjal ġewwa s-sit. Infurmata li l-materjal kompla jonqos, però l-volum tiegħu diffiċli jiġi kwantifikat peress li dan qed jiġi riċiklat fis-sit stess. Apparti dan, l-Awtorità għall Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed jistennew figuri konklussivi mill-perit tal-operatur, li mbagħad jiġu konfermati mill-awtoritajiet rilevanti, sabiex jindika l-volumi fuq is-sit.

Appuntamenti ma' konsulent tal-ortopedija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti jistennew appuntament ma' konsulent tal-ortopedija u kemm hi twila l-waiting time?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appuntamenti mal-konsulenti tal-Ortopedija jingħataw skont il-prijorità klinika u d-disponibbiltà tal-klinika. Kull riferta tiġi skedata fl-iqsar żmien possibbli skont il-ħtiġijiet kliniċi tal-pazjent.

Knejjes u kappelli – Restawr – Għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 116 u jgħid liema knejjes u kappelli qed isir restawr fuqhom permezz ta’ għajnuna finanzjarja minn dipartimenti jew awtoritajiet tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll b’liema skemi qed isir dan ir-restawr?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għas-Saħħa – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija nru. 704.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan l-Uffiċċju u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li bħalissa qed tiġi stabbilita bażi strutturata għall-kejl tal-użu u l-impatt tal-AI fi ħdan il-Gvern permezz tal-funzjoni taċ-Chief AI Officer, il-ħolqien tal-AI Governance Unit u l-AI Governance Council, flimkien mal-koordinazzjoni ġenerali ma’ korpi nazzjonali bħall-MDIA u l-MITA. Din il-ħidma hija allinjata mal-Istrateġija tal-AI ta’ Malta, l-Att tal-AI tal-UE, il-qafas nazzjonali ta’ governanza tal-AI, u l-politiki applikabbli tal-ICT tal-Gvern, inkluż GMICT P0123. Dan jinkludi l-immappjar ta’ inizjattivi relatati mal-AI, il-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-iskop, tar-riskju u tal-governanza, u l-iżvilupp ta’ indikaturi li jkopru l-identifikazzjoni tas-sistema, il-klassifikazzjoni, l-allinjament legali, tal-politika, taċ-ċibersikurezza u tal-protezzjoni tad-data, is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali, l-impatt operazzjonali, u r-riskji identifikati u indirizzati.

Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Tista’ tgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

It-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Żoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liem huma l-lokalitajiet li huma identifikati bħala żoni turistiċi? Jista’ jgħid ukoll liema żoni huma kkunsidrati bħala żoni turistiċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' lokalijiet u toroq definiti bћala 'Żoni Turistiċi' għall-fini ta' S.L.623.08. Din il-lista tidher ukoll fuq is-sit elettroniku https://mta.com.mt/news/cessation-demolition-and-excavation-works-summer-tourist-zones-2026/

Ħaż-Żabbar – Misraħ San Ġakbu – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibdew u sa meta se jitlestew ix-xogħlijiet f’Misraħ San Ġakbu, f'Ħaż-Żabbar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tindika għal liema xogħlijiet qed issir referenza sabiex tkun tista’ tingħata t-tweġiba mitluba.

Ħaż-Żabbar – Misraħ San Ġakbu – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew u sa meta se jitlestew ix-xogħlijiet f’Misraħ San Ġakbu, f'Ħaż-Żabbar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastruttura Malta għadha fil-fażi ta’ disinn tal-proġett ta’ rinovar ippjanat għal Misraħ San Ġakbu. L-Aġenzija filfatt ġabet permess ta’ żvilupp għal dan is-sit mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u bħalissa qed tkompli taħdem fuq id-dettalji ta’ disinn li proġett fil-qalba ta’ raħal bħal dan jistħoqqlu.