Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm blokok ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-żona Ta’ Mlit, il-Mosta u kemm hu n-numru ta’ appartamenti f’kull blokka?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ż-żona Ta’ Mlit, fil-Mosta tikkonsisti fi 28 blokka ta’ appartamenti. B’kollox hemm total ta 216 -il appartament. Qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawn il-blokok fid-dettal.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isir infurzar fuq min joħroġ skart domestiku mhux skont l-iskeda kif ukoll lil min mhux qed jissepara l-iskart? Jekk iva, tista' l-Ministru tagħti ċifri ta' kemm inġabru multi mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta' Ġunju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kontinwament twettaq eżerċizzji ta’ monitoraġġ u nfurzar madwar il-gżejjer Maltin kemm rigward min joħroġ skart mhux skont l-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart kif ukoll fuq min joħroġ l-iskart mingħajr ma jisseparah.
Infurmata li minn Jannar 2026 sa Ġunju 2026, l-Awtorità ħarġet 437 multa fuq skart maħruġ mhux skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart. Ta’ min ifakkar li l-infurzar rigward taħlit ta’ skart fil-boroż huwa suġġett għall-Ittra ta’ Twissija bħala l-ewwel azzjoni ta’ nfurzar, imbgħad multa li l-ammont tagħha jiddependi minn jekk l-iskart oriġinax minn stabbiliment kummerċjali jew sors domestiku. F’dan ir-rigward sal-aħħar ta’ April 2026 inħarġu 357 ittrra ta’ Twissija, u nħarġu 4 multi fuq persuni li nqabdu iktar minn darba jħalltu l-iskart. Dawn il-figuri jappartjenu għall-ERA biss.
Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux regolamenti u/jew liġijiet li jirregolaw "noise pollution" kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar? Jekk iva, tista’ tgħid min hu responsabbli li jinforza dawn ir-regolamenti u/jew liġijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istorbju huwa regolat minn diversi liġijiet u regolamenti separati, u l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar jiddependu mis-sors tal-ħoss. Skont in-natura tal-attività, ir-responsabbiltà tista' taqa' taħt entitajiet differenti.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija responsabbli mill-impatt tal-istorbju fuq l-ambjent, u dan speċifikament għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u l-Maniġġar ta' Ħsejjes fl-Ambjent (L.S. 549.37). L-obbligu prinċipali ta' dawn ir-regolamenti huwa li permezz ta’ modelling ta’ sorsi speċifiċi bħal pereżempju t-toroq; l-ERA tħejji mapep strateġiċi tal-ħoss u Pjanijiet ta' Azzjoni. F'ċerti każijiet speċifiċi, bħal f'żoni ambjentalment sensittivi jew fejn tirregola industriji kbar, l-ERA ġieli timponi kundizzjonijiet relatati mal-istorbju ambjentali.
Storbju ta' inkonvenjent li jkun ġej minn sorsi bħal storbju mill-ġirien u storbju f'postijiet residenzjali, ħsejjes f'postijiet tax-xogħol, siti ta' kostruzzjoni jew attivitajiet ta' divertiment, u aspetti li jaffettaw is-saħħa pubblika, jaqgħu taħt il-kompetenza ta' Awtoritajiet kompetenti oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kontrolli qegħdin isiru sabiex jiġi żgurat li d-dgħajjes ta’ kull tip josservaw il-limitu tal-veloċità fil-Port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jiġu installati cameras jew mezzi oħra ta’ sorveljanza sabiex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi f’din iż-żona?
Response (BONETT, CHRIS)
Il-Port tal-Imġarr huwa mmonitorjat mill-Mġarr Local Port Service (Mgarr LPS), li jissorvelja t-traffiku marittimu 24 siegħa kuljum. Il-veloċità tal-bastimenti mgħammra b’Automatic Identification System (AIS) tiġi mmonitorjata permezz ta’ tagħmir apposta, filwaqt li s-sistema ta’ CCTV u s-sorveljanza diretta mill-uffiċjali jassistu fl-infurzar. Għalhekk, diġà jeżistu mezzi ta’ sorveljanza u monitoraġġ fiż-żona.
Jista’ l-Ministru jgħid min bħalissa qiegħed jagħmel ix-xogħol ta’ kuljum mistenni mill-Ambaxxatur Malti għal-Libja, stante li dan l-ambaxxatur bħalissa qiegħed jiġi investigat kriminalment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru talabx lill-Ambaxxatur Malti għal-Libja biex ma jersaqx lejn l-Ambaxxata Maltija fil-Libja in vista li dan qed jiġi investigat kriminalment b’rabta mal-pożizzjoni tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk irtirax/huwiex ser jirtira l-ħatra tal-Ambaxxatur Malti għal-Libja in vista li dan qiegħed jiġi investigat dwar reati kriminali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk talabx lill-Ambaxxatur Malti għal-Libja jissospendi ruħu u/jew jirriżenja mill-kariga ta’ Ambaxxatur meta sar jaf li kien qed jiġi investigat mill-pulizija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu mill-Ministeru meta sar jaf bl-investigazzjoni tal-Ambaxxatur Malti għal-Libja li qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija Maltija dwar reati kriminali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet a konoxxenza tal-Ministeru, li l-Ambaxxatur Malti għal-Libja qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija Maltija dwar reati kriminali u nżamm arrestat għal diversi sigħat b’rabta ma’ din l-investigazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minkejja li l-Ministeru ma wasallu ebda lment direttament, minn tagħrif li wasal għand is-Segretarju Permanenti, il-Ministeru sar jaf li l-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja beda jiġi investigat mill-Pulizija Maltija fi tmiem ix-xahar ta’ Mejju. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Ambaxxatur intalab jibqa’ Malta.
Il-funzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni f’Tripli qed jitwettqu fuq bażi interim minn uffiċjal diplomatiku anzjan fl-Ambaxxata, skont il-prattika diplomatika u r-regolamenti applikabbli.
Peress li l-każ għadu taħt investigazzjoni tal-Pulizija u jinsab ukoll soġġett għal proċeduri amministrattivi interni, f’dan l-istadju mhuwiex xieraq li jingħataw aktar dettalji li jistgħu jippreġudikaw dawn il-proċessi.
Is-Segretarju Permanenti beda l-proċeduri amministrattivi previsti mir-Regolamenti Dixxiplinari tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (Avviż Legali 165 tal-2023), li qed jitmexxew skont il-proċeduri stabbiliti.”
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 573, jista' l-Ministru jgħid il-kontravenzjonijiet imsemmija għal kemm jammontaw bħala flus, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-flus tħallsu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tingabar.
Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu b’mod remot
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 491 fl-intier tagħha u jipprovdi tabella li turi, għal kull sezzjoni jew entità fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku, in-numru ta’ ħaddiema assenjati, in-numru ta’ ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu b’mod remot, u r-raġuni għaliex?
Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot – Kundizzjonijiet/kriterji
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 490 u jgħid liema sezzjonijiet, dipartimenti, direttorati, aġenziji jew entitajiet fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku għandhom ħaddiema li jaħdmu b’mod remot, kemm hemm ħaddiema f’kull waħda minnhom, u x’inhuma l-kundizzjonijiet jew kriterji applikabbli biex ħaddiem ikun jista’ jaħdem b’mod remot?
Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 489 u jgħid kemm hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku li, skont in-natura tax-xogħol tagħhom, jistgħu jaħdmu b’mod remot, u kemm minnhom diġà qegħdin jaħdmu b’mod remot? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol remot isirx fuq bażi full-time, part-time jew hybrid?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 488 u jgħid kemm hawn vetturi rreġistrati f’Malta, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont kull kategorija ta’ vettura?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont ta’ vetturi liċenzjati, sal-aħħar ta’ Marzu, f’Malta maqsum skont il-kategoriji.
San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – Bypass – Rotot alternattivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 487 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u jgħid x’xogħlijiet, studji jew pjanijiet saru s’issa dwar rotot alternattivi mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat li jibdew ix-xogħlijiet relattivi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, Infrastructure Malta qiegħda tivvaluta numru ta' proposti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 486 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport u jgħid x’arranġamenti alternattivi ser jingħataw lill-istudenti u lir-residenti tal-Mellieħa wara l-għeluq tal-librerija pubblika fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll meta dawn l-arranġamenti ser jidħlu fis-seħħ?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 830 u jagħti dettalji tal-fażijiet u timeframes tal-proġett li għaddej preżentement minn Infrastructure Malta fi Triq ta' Bur il-Kbir, fis-Siġġiewi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta’ dan il-proġett?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Bur il-Kbir mexjin tajjeb, fejn preżentament sar madwar 70% tat-twessiegħ ippjanat. Matul ix-xhur tas-Sajf it-triq ser tkun qed tingħalaq b’mod totali, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-kumpalment tax-xogħlijiet tat-twessiegħ li minħabba l-livelli tal-għelieqi u d-djuq tat-triq ma jippermettux li jsiru waqt li t-triq tkun parzjalment miftuħa għall-karozzi. Il-pjan hu li t-triq titlesta b’mod totali, u terġa tinfetaħ lura għall-vetturi sa qabel il-ftuħ tal-iskejjel.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 829 u tagħti dettalji tal-ispiża tal-proġett ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi, wara l-maltempata Harry u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Bill of Quantities ta’ dan il-proġett?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-mument l-informazzjoni li qiegħed jitlob ma tistax tingħata minħabba li l-proġett għaddej. Kif diġà spjegajtlu, fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 828, dan il-proġett, huwa maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi tinkludi t-tiswija tar-rampa u l-bini ta’ turġien, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ jetty għall-għawwiema. Malli tkun konkluża din il-fażi, il-proġett se jgħaddi għall-bini mill-ġdid tal-iskall għall-bajja u t-tqegħid ta’ blat tal-qawwi (li ser jittella’ mill-istess bajja) sabiex joffri protezzjoni mill-mewġ lil dan l-iskall. L-aħħar fażi se tikkonsisti f’interventi ta’ konsolidament tal-irdum u li tinkludi ħidma ma’ konsulenti ġeotekniċi, li qed iħejju fid-dettall diversi interventi u pjanti meħtieġa għall-konsolidament ta’ dan l-irdum, sabiex tittejjeb s-sigurtà tan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja. Infurmata li bħalma jiġri dejjem, ikunu segwiti l-proċeduri applikabbli li joħorġu mir-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jwettaq dawn l-interventi bl-ogħla standards ta’ sigurtà u kwalità.