Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti tas-social work – Stipendju

Question

Fid-dawl li kien ġie deċiż li l-istudenti tas-social work jingħataw stipendju ogħla, jista’ l-Ministru jgħid: i.     x’inhuma l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan l-istipendju; ii.    x’jiġri jekk l-istudenti jiddeċiedu li ma jkomplux jaħdmu fis-social work wara li jiggradwaw; iii.   jekk huwiex minnu li social workers li jagħżlu li jieħdu stipendju ogħla jkollhom jaħdmu fis-settur pubbliku bilfors u wkoll x’jiġri jekk studenti jiddeċiedu li jaħdmu ma’ NGO minflok jaħdmu fis-settur pubbliku; u iv.   kif se taħdem din il-proċedura u jiżgura li tkun bil-miktub ħalli jserraħ moħħ l-istudenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li studenti tal-MCAST u tal-Università ta' Malta li qed jistudjaw għal Baċellerat (mit-tieni sena 'l fuq) jew Maġisteru fis-social work jistgħu jagħżlu li jirċievu stipendju bir-rata ta' prijorità għolja minflok ir-rata preskritta. Biex ikunu eliġibbli, iridu; * ikunu qed jaħdmu part-time fil-qasam tas-social work, fis-settur pubbliku jew privat, inkluż bħala trainee, apprentice jew f'pożizzjoni simili. * L-istudenti eliġibbli se jirċievu email mill-uffiċċju tal-istipendji tal-istituzzjoni tagħhom biex jagħżlu jekk iridux jibdew jirċievu r-rata ogħla. * Wara li jiggradwaw, iridu japplikaw mal-ewwel opportunità għal impjieg full-time bħala social worker, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Ir-responsabbiltà li jsibu impjieg hija tagħhom. * Iridu jwettqu obbligu ta' servizz formali ta' tliet snin fejn l-ewwel sentejn huma marbuta mal-kisba tal-warrant professjonali u t-tielet sena trid titwettaq wara li jiksbu l-warrant. Irid ikun iċċarat li mhux obbligatorju li jaħdmu fis-settur pubbliku; jistgħu jaħdmu wkoll fis-settur privat. Infurmat li Jekk wara l-gradwazzjoni ma jaħdmux bħala social workers jew ma japplikawx għall-opportunitajiet ta' xogħol fil-professjoni, ikollhom jirrifondu lura d-differenza bejn l-istipendju bir-rata ta' prijorità għolja u dak bir-rata preskritta.

Eurovision Song Contest – Nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 501 u jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena? Jista’ l-Ministru jagħti wkoll iċ-ċifri separatament dwar: i.    il-marketing tal-kanzunetta f’pajjiżi barranin fosthom billboards, magazines u riklamar; ii.   il-marketing tal-kanzunetta f’pajjiżna fosthom banners, billboards, magazines u riklamar; iii.   l-akkomodazzjoni u t-titjiriet tal-ajru ta’ kull pajjiż li l-kantant żar qabel biex isir il-marketing tal-kanzunetta, fosthom l-Awstralja, in-Norveġja, l-Albanija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, ir-Rumanija, l-Ingilterra, San Marino u l-Litwanja; iv.  kemm siefru persuni mal-kantant matul dawn il-vjaġġi kull darba u xi rwol kellu kull wieħed minnhom; v.   kemm telgħu persuni flimkien mal-kantant ġewwa Vjenna bħala parti mill-kontinġent u x’kien l-irwol ta’ kull persuna; u vi.  kemm ġew jiswew b’kollox it-titjiriet u l-akkomodazzjoni tal-kontinġent Malti, inkluż tal-kantant, fi Vjenna?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33682 tal-Erbatax-il Leġiżlatura.

Il-Belt Valletta – Ta’ Liesse – Terminal tal-passiġġieri – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 187 u 552 u jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq it-terminal tal-passiġġieri tal-fast ferry li hemm f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta, wara l-ħsarat li ġarrab fil-maltempata ta’ Jannar 2026? Jista’ jgħid ukoll: (i) liema xogħlijiet fadal isiru sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; (ii) meta huwa ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet; u (iii) kemm hu stmat b’kollox li ser jiġi jiswa dan ix-xogħol kollu wara l-ħsarat li ġarrab dan it-terminal?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

MFSA - Penalitajiet amministrattivi - Dritt ta’ appell

Question

Fid-dawl tal-penali imposti mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) kif ukoll minn regolaturi finanzjarji oħra f’dawn l-aħħar snin, ikkontestati b’suċċess fil-qrati primarjament fuq allegat ksur tal-Kostituzzjoni, u b’referenza għas-sentenza mogħtija mill-Prim Awla (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) fil-kawża f’isem il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kontra l-MFSA li ġiet deċiża fis-27 ta’ April 2026 u li bħalissa qed tiġi kkontestata, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi meqjus x’miżuri leġiżlattivi jistgħu jittieħdu biex jiġi rifless dak li qalet il-qorti fejn għarfet il-ħtieġa li jkun hemm dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal-MFSA dwar penalitajiet amministrattivi imposti minnha lill-qorti, kemm fuq punt ta’ liġi kif ukoll punt ta’ fatt?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) tikkonferma illi l-MFSA kienet qiegħda taħdem fuq proposti biex il-liġi, fuq dan l-aspett, tiġi emendata qabel ma kien hemm id-deċiżjoni tal-Prim Awla (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) tas-27 ta’ April 2026. Infatti, dawn il-proposti ġew aċċettati mill- Parlament aktar kmieni din is-sena, permezz ta’ ATT Nru XV tal-2026, liema Att għadu irrid jidħol fis-seħħ. Tali proposti iċċaraw il-fatt illi it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji (FST) għandu jkollu ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jirrevedi deċiżjonijiet tal-MFSA kemm fuq punti ta’ liġi u kemm fuq punti ta’ fatt. Apparti minn hekk, dawn il-proposti jgħidu wkoll illi għandu jkun hemm appell lill-Qorti tal-Appell fuq kwistjoni ta’ liġi biss, minn deċiżjoni tal- FST.

Żviluppaturi jew kumpaniji li ngħataw aktar minn tliet permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żviluppatur jew kumpanija kisbu aktar minn tliet permessi differenti matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026, tlettax -il persuna jew kumpanija kisbu aktar minn tliet permessi differenti kull wieħed. L-informazjoni inġabret mis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar fid-9 ta’ Lulju 2026, u l-persuni ntgħażlu abbażi tan-Numru ta’ Reġistrazzjoni tal-Kumpanija jew numru tal-Karta tal-Identità (skont kif relevanti), kif provduti fl-applikazzjonijiet sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Furjana – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex iċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana jerġa’ jinfetaħ fl-intier tiegħu u jekk iva, jekk humiex se jsiru xi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqija Parlamentari nru. 663.

Faċilitajiet sportivi - Manutenzjoni - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi fuq manutenzjoni, tiswija u titjib tal-faċilitajiet sportivi fi skejjel tal-Gvern matul is-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont l-iskola?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija ntefqu -il fuq minn €20,000,000 fuq manutenzjoni, tiswija u titjib tal-faċilitajiet sportivi fi skejjel tal-Istat.

Faċilitajiet sportivi - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisbiħ jew kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sportivi huma ppjanati jew għaddejjin bħalissa fi skejjel tal-Gvern, filwaqt li għal kull proġett jindika: i.    il-baġit allokat; ii.    l-istadju li jinsab fih il-proġett; u iii.   id-data mistennija tat-tlestija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-risposta hi skont tweġiba parlamentari 1138 , filwaqt li iktar tagħrif mgħoddi lili dwar xogħol għaddej bħalissa qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Faċilitajiet sportivi - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel għandhom faċilitajiet sportivi li bħalissa jeħtieġu manutenzjoni, tiswija jew modernizzazzjoni u x’inhuma x-xogħlijiet meħtieġa f’kull każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Edu Infrastructure Programme, programm ta’ xogħol fl-iskejjel kollha, mifrux fuq 13 -il sena skont prijoritajiet u li beda fl-2025 jaħseb biex il-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel ukoll jinżammu fi stat tajjeb u jsir xogħol meħtieġ skont dan il-programm. Infurmat ukoll li d-Direttorat tal-Loġistika fi ħdan il-Ministeru huwa wkoll kommess li jgħolli l-livell ta’ kull faċilita’ eżistenti inkluż bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda. Eżempju ta’ dan huwa dak li mistenni jsir fix-xhur li ġejjin fl-iskola ta’ Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja, Maria Reġina Blata l-Bajda billi ħa jiġu konvertiti xi swali f’ ċentru sportiv tal-HYROX.

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-faċilitajiet sportivi kollha li jinsabu fi skejjel tal-Gvern, maqsuma skont il-kulleġġ u l-iskola rispettiva u għal kull skola, jindika: i.    x’tip ta’ faċilitajiet sportivi hemm (grawnds, gyms, courts, pixxini, tracks, eċċ.); ii.    is-sena li fiha nbnew jew saru l-aħħar xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tisbiħ sostanzjali; u iii.    l-kundizzjoni attwali tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika: a.  l-isem tal-entità; b.  l-ammont mogħti; ċ.  id-data tal-ħlas; d.  l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u e.  l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament? Jista’ jgħid ukoll: i.   jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom; ii.  xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u iii.  kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħal Kirkop - Kulleġġ San Benedittu - Faċilitajiet sportivi

Question

B’referenza għall-faċilitajiet sportivi fil-Kulleġġ San Benedittu, fil-Kumpless ta’ Ħal Kirkop, li skont diversi rapporti ilhom snin jistennew manutenzjoni u investiment, jista’ l-Ministru jgħid: i.    jekk inħariġx tender sabiex isiru dawn ix-xogħlijiet u li għalaq fis-6 ta’ Marzu 2026; ii.   għaliex, erba’ xhur wara l-għeluq tat-tender, ix-xogħlijiet għadhom ma bdewx; iii.   f’liema stadju jinsab il-proċess ta’ evalwazzjoni u għoti tat-tender; iv.   meta huwa mistenni li jingħata t-tender, jiġu ffirmati l-kuntratti meħtieġa u jibdew ix-xogħlijiet fuq il-post; v.    x’inhuma x-xogħlijiet li ser isiru u x’inhu l-valur finanzjarju tal-proġett; vi.   kemm-il offerta ġiet sottomessa għal dan it-tender u kemm minnhom instabu konformi mar-rekwiżiti tat-tender; vii.  kemm studenti, atleti, coaches u membri tal-komunità huma mistennija jibbenefikaw minn dan il-proġett; u viii.  x’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm aktar dewmien u li dawn il-faċilitajiet jingħataw l-investiment meħtieġ fl-iqsar żmien possibbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-tender CT2006/2026 għal xogħolijiet fil-faċilitajiet sportivi ta’ Ħal Kirkop ġie ppubblikat fit-2 ta’ Frar 2026. Infurmat li wara li kien hemm oġġezzjoni pre-kontrattwali mressqa fil-25 ta’ Frar 2026, li sussegwentementkienet irtirata minn min għamilha fl-14 ta’ Mejju2026, il-perjodu ta’ pubblikazzjoni ġie estiż sat-23 ta’ Lulju 2026, kif jidher fuq etenders.gov.mt. Il-proġett jinkludi synthetic rubber flooring, synthetic turf flooring, fencing u sistema ta’ floodlights għall-pitch tat-turf. Il-faċilitajiet se jintużaw mill-istudenti matul il-ħintal-iskola, filwaqt li SportMalta se tużahomfilgħaxija, fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċigħall-programm Let's Move Malta, attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet sportivi, avvenimenti sportivi u bħala korsa tal-ġiri għall-komunità. Infurmat li l-entità li ħarġet it-tender qed issegwi l-proċedurikollha tax-xiri pubbliku u dawk kuntrattwali u legali sabiex il-proġett jitwettaq skont it-termini tal-kuntratt.

Ħal Qormi – Triq il-Kbira – Akkwist tal-proprjetà u l-ġnien tat-Tabib Maempel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux lest jevalwa l-possibbiltà li jakkwista l-proprjetà storika magħrufa bħala tat-Tabib Maempel fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, inkluż il-ġnien storiku tagħha, sabiex din tiġi restawrata u mħarsa għall-ġid komuni?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq il-Kbira – Akkwist tal-proprjetà u l-ġnien tat-Tabib Maempel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest jevalwa l-possibbiltà li jakkwista l-proprjetà storika magħrufa bħala tat-Tabib Maempel fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, inkluż il-ġnien storiku tagħha, sabiex din tiġi restawrata u mħarsa għall-ġid komuni?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Blokok tal-Gvern – Rampa ta’ aċċess fid-daħla/ħruġ – Installazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li persuna b'diżabilità, residenti fi blokka tal-Gvern, għandha ssegwi sabiex tressaq talba għall-installazzjoni ta' rampa ta' aċċess fid-daħla jew il-ħruġ tal-blokka fejn tirrisjedi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-proġetti ġodda għall-installazzjoni ta’ lifts fi blokok tal-Gvern, l-installazzjoni ta’ rampi ta’ aċċess qed tiġi kkunsidrata bħala parti integrali mill-proġett. Fejn ma jkunx hemm proġett għall-installazzjoni ta’ lift, persuna b’diffikultaijiet ta’ mobilità, tista’ tikkuntattja lis-Servizz tal- Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u tressaq talba għall-rampa. Fit-talba għandhom jiġu pprovduti: - l-isem u d-dettalji tal-persuna fil-bżonn; - numru tat telefon, indirizz ta’ posta elettronika tal-applikant u - l-indirizz sħiħ tal-blokka kkonċernata.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta, li fil-preżent m’għandhomx lift u li għalihom la hemm xogħlijiet ta’ installazzjoni għaddejjin u lanqas applikazzjoni pendenti? Jista’ wkoll jelenka dawn il-blokok?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi fiż-żona ta’ Mlit ġewwa l-Mosta, hemm is-segwenti blokok li fil-preżent m’għandhomx lift u li għalihom la hemm xogħolijiet ta’ installazzjoni u lanqas applikazzjonijiet pendenti: Blokk A1 Entratura B, Blokk C1 Entratura B, Blokk F5 Entraturi A u B, Blokk G2, Blokk K1 u Blokk K2.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ lift fi blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta, tinsab pendenti? Jista’ wkoll jelenka l-blokok rispettivi u l-istadju li fih jinsab il-proċess għal kull blokka?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm erba' applikazzjonijiet attivi fi stadji varji ta' progress, kif deskritt hawn taħt: Blokk F2, Triq in-Nasba, Mosta – Il-permess tal-ippjanar ingħata, u l-pjanti tal-kostruzzjoni u l-istima tax-xogħlijiet qed jiġu ppreparati. Blokk D1, Entratura B, Triq il-Gradiljoli, Mosta – Il-permess tal-ippjanar ingħata, u l-pjanti tal-kostruzzjoni u l-istima tax-xogħlijiet qed jiġu ppreparati. Blokk B1, Triq id-Dawr, Mosta – Ix-xogħlijiet ġew assenjati lil kuntrattur. Il-kostruzzjoni hija mistennija li tibda ġaladarba l-kuntrattur ikun lesta s-siti miftuħa li bħalissa huma assenjati lil l-istess kuntrattur. Blokk A3, Triq il-Gżari, Mosta – L-applikazzjoni bħalissa qed tiġi riveduta mid-Dipartiment tal-Iskemi biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta bħalissa nbdew jew jinsabu għaddejjin xogħlijiet għall-installazzjoni ta’ lift? Jista’ jgħid ukoll f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet f’kull blokka u jagħti data indikattiva għal meta kull lift huwa mistenni li jkun operattiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa hemm ħames siti miftuħa f'Ta' Mlit, il-Mosta. • Blokk D1, Entratura B, Triq il-Gradiljoli – Bħalissa qed nistennew it-tlestija tal-manifattura tal-istruttura tal-metall tax-xaft tal-lift. •             Blokk A1, Entratura A, Triq id-Dawr, kif ukoll Blokok A4 u A5, Triq il-Gżari, u Blokk C2, Triq il-Planċ – L-ordni biex jibdew ix-xogħlijiet ser tinħareġ dan ix-xahar. Il-kunsinna tal-lifts hija prevista għall-bidu tas-sena 2027.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema mill-blokok ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-żona Ta’ Mlit, il-Mosta ġew installati lifts għall-użu tar-residenti? Jista’ jgħid ukoll f’liema sena ġie installat il-lift f’kull blokka u jekk dawn il-lifts humiex kollha operattivi fil-preżent?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2020 u l-2024 ġew installati tlettax-il lift fil-blokok imsemmija hawn taħt: 2020 – Block C1 Ent A u Block B3 2021 – Block D2 2022 – Block F4 u Block G4 2023 – Block A2, Block B2, Block C3, Block D3, Block G1, Block G3, Block B4 u Block C5 2024 – Block F1 F’każ li lift ikun wieqaf, ir-residenti għandhom jirrapportaw il-ħsara direttament lill-kuntrattur jew lill-fornitur responsabbli mill-manutenzjoni tiegħu. F’każ li l-ħsarat ikunu qed iseħħu b’mod frekwenti, ir-residenti huma mitluba jinfurmaw ukoll lill-Awtorità sabiex tkun tista’ tieħu l-passi meħtieġa. Fil-preżent, m’għandna l-ebda indikazzjoni jew rapport li jindika li hemm liftijiet wieqfa.