Ġestjoni u miżuri relatati mat-traffiku – Użu tal-AI
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 494 u jgħid x’inhu l-progress tal-Gvern fl-użu jew l-adattament tal-intelliġenza artifiċjali (AI), fil-ġestjoni tat-traffiku u fil-miżuri relatati mat-traffiku? Jista’ jgħid ukoll liema proġetti pilota, tenders jew sistemi diġà ġew ippjanati jew implimentati?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 494.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 492 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u jgħid meta hu ppjanat li jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz ta’ Selmun, x’inhu l-istadju attwali tal-proġett, u jekk hemmx timeline stabbilita għat-tlestija tiegħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi r-restawr tal-Palazz ta’ Selmun jifforma parti mill-Proġett ta’ Selmun, li għandu l-għan li jirriġenera s-sit b’mod li jibbilanċja l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali u kulturali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà u l-valur fit-tul, f’konformità mal-Viżjoni 2050.
Il-Gvern għandu l-intenzjoni li joħroġ Sejħa Kompetittiva għall-Proposti (Request for Proposals – RFP) sabiex jistieden proposti minn partijiet interessati, filwaqt li jiżgura trasparenza u valur għall-flus.
Saret ukoll Analiżi tal-Ispejjeż u l-Benefiċċji (Cost Benefit Analysis – CBA) sabiex issostni l-valutazzjoni strateġika u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Dan l-approċċ jipprovdi qafas ċar u strutturat għall-Proġett ta’ Selmun, sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta’ analiżi soda u permezz ta’ proċess kompetittiv, bil-għan li jinkiseb l-aħjar riżultat għas-sit u l-madwar tiegħu.
Fir-rigward tal-programm ta’ implimentazzjoni u l-iskedi ta’ żmien, dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u żvelati f’aktar dettall fi stadju sussegwenti, ladarba jitlestew il-proċessi meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 834 u jagħti dettalji (policies u tekniċi) dwar x'miżuri qed tieħu Infrastructure Malta fil-proġetti tagħha fir-rigward tat-tibdil fil-klima u sabiex is-sistema infrastrutturali tagħna tkun iktar reżiljenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li Infrastructure Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tadotta miżuri sabiex il-proġetti infrastrutturali tagħha jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jsaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura nazzjonali.
B’mod ġenerali, Infrastructure Malta timxi mar-rekwiżiti tal-Green Public Procurement, li fost l-oħrajn jinkludu l-użu ta’ materjali aktar sostenibbli u l-promozzjoni ta’ prattiki li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-proġetti.
Fil-każ ta' proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, dawn iridu jkunu soġġetti għal proċess ta' "climate proofing", jiġifieri kriterji Ewropej relatati mat-tibdil fil-klima, b'kull proġett jiġi evalwat b'mod indipendenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 924 u jgħid kemm hemm pannelli solari installati fuq entitajiet kulturali, mużewijiet u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, id-daqs ta' kull installazzjoni, meta ġiet installata, u kemm iġġenerat kWhr ta' enerġija kull installazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament hemm 5 binjiet/siti li għandhom pannelli solari installati.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 923 u jgħid kemm hemm pannelli solari installati fuq skejjel u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, id-daqs ta' kull installazzjoni, meta ġiet installata, u kemm iġġenerat kWhr ta' enerġija kull installazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li bħalissa hawn 22 skola madwar Malta u Għawdex li għandhom pannelli solari installati u jiġġeneraw l-enerġija.
Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra – Uffiċjali tas-sigurtà
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 922 u tgħid kif joperaw l-uffiċjali tas-sigurtà impjegati taħt Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha li huma responsabbli mis-sigurtà u l-manutenzjoni ta' parks, ġonna u soft areas? Tista' tgħid ukoll x'tip ta' shift joperaw, kemm ikun hemm uffiċjali tas-sigurtà f'kull shift, u jekk dan japplikax għax-shifts kollha u għal parks u l-areas kollha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei - Proġett ta’ estensjoni - Finanzjament ta’ fondi Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-finanzjament ta’ fondi Ewropej mill-proġett tal-estensjoni tal-Isptar Mater Dei tneħħiex sabiex tinħareġ direct order ta’ €120 miljun? Jekk iva, jista’ jgħid:
i. għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni,
ii. x’ser jiġri minn dawn il-fondi, u
iii. jekk dawn il-fondi hux ser jintilfu jew jekk ġewx ridirezzjonati f’xi proġett ieħor, u jekk iva, f’liema proġett?
Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet - Konsultazzjoni pubblika - Emendi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus attwali, sussegwenti għal konsultazzjoni pubblika li saret f’Jannar 2026 biex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet? Jista’ b’mod partikolari jagħti ħjiel ta’ meta ser jiġu ppubblikati l-emendi inkwistjoni?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Filwaqt li nirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 34119 tal-XIV -il leġislatura, infurmat li ġiet ippubblikata r-risposta tal-Gvern għall-konsultazzjoni. L-emendi jiġu ppubblikati ladarba jitlestew il-proċeduri neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli ffinanzjati minn fondi Ewropej? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u fejn se jsiru?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-identifikazzjoni, l-ippjanar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ministeri u l-entitajiet skont il-pjanijiet u l-objettivi tagħhom. Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur huwa responsabbli mill-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid x’titjib huwa ppjanat li jsir fid-Dwejra f’Għawdex, b’mod partikolari fiż-żona tal-Inland Sea, fid-dawl tal-fatt li fis-Seduta tat-Tnejn 6 ta’ Lulju, 2026 intqal li d-diving se jkun wieħed min-niċeċ għat-turiżmu ta’ kwalità? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ippjanat titjib fit-triq dilapidata li mill-pjazza twassal għall-Inland Sea, sabiex din iż-żona tkun aktar aċċessibbli u attraenti għall-għaddasa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-anzjani li jħallsu għal servizz ta’ carer privat humiex eżentati milli jħallsu l-VAT?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-moorings fil-Bajja tal-Miżieb (Mistra Bay) humiex ser ikunu parti mill-proċess ta’ riorganizzazzjoni tal-moorings li Transport Malta qed twettaq? Jekk iva, jista’ jgħid meta huwa mistenni li dan il-proċess jitwettaq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-intenzjoni tal-Awtorità hija li, eventwalment, iż-żoni kollha tal-irmiġġi amministrati minnha, inkluża l-Bajja tal-Miżieb (
Mistra Bay
), ikunu inklużi fi proċessi ta’ riorganizzazzjoni.
Tajjeb li tkun taf li r-riorganizzazzjoni ma tistax ssir fil-bajjiet kollha f’daqqa, u dan minħabba sigurtà, buon ordni u finanzi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti lill-Ministeru fil-konfront tal-Ambaxxatur Malti għal-Libja dwar abbuż/ksur tal-liġi/attività kriminali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta saru dawn ir-rapporti u x’sar mill-Ministeru meta ġie mgħarraf bihom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 1002.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 574, jista' l-Ministru jgħid il-kontravenzjonijiet imsemmija għal kemm jammontaw bħala flus, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-flus tħallsu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tingabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lil Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru.998.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xelter fi Triq Nazzarenu għadu jrid jitbattal mill-ilma u jitnaddaf. L-aċċess għalih isir minn bokka li tinsab fit-triq, iżda dan ix-xelter ma jinfetaħx b’mod regolari. Waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ġie deċiż li dan ix-xelter mhux se jinfetaħ għall-pubbliku. Din id-deċiżjoni ġiet approvata waqt il-laqgħa li saret fl-24 ta’ Mejju 2026.
Ħal Qormi/Ħ’Attard - Trejqa Wied is-Sewda - CCTV cameras
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-CCTV cameras fi Trejqa Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard (ritratti annessi), partikolarment CCTV b’kodiċi ERA-23 u b’kodiċi ERA-05 jaħdmux? Tista’ tgħid ukoll min jagħmel sorveljanza tagħhom u jekk ingħatawx multi jew ċitazzjonijiet relatati ma’ xi ksur ta’ liġi li nqabdu minn dawn is-CCTVs minn meta ġew installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-CCTV kameras identifikati bil-kodiċi ERA 23 u ERA 05, li jinstabu rispettivament fi Trejqa ta’ Wied is-Sewda u fi Triq il-Wied, fil-limiti ta’ Ħal Qormi, huma t-tnejn funzjonanti u jsir moniteraġġ fuqhom mill-Compliance & Enforcement Unit tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Infurmata wkoll li matul il-perjodu tal-operat ta’ dawn il-kameras, inħarġu erba’ multi minħabba rimi ta skart illegali permezz ta’ vetturi.