Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet tal-vista, eżamijiet oftalmoloġiċi jew kura relatata mal-vista tal-għajnejn –Persuni bejn is-36 u l-61 sena

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni bejn is-36 u l-61 sena li attendew għall-ewwel darba għal testijiet tal-vista, eżamijiet oftalmoloġiċi jew kura relatata mal-vista tal-għajnejn, matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 257.

Monitoraġġ jew kura relatata mal-vista tal-għajnejn – Żgħażagħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ żgħażagħ bejn l-20 u l-35 sena li sena b'sena attendew b’mod regolari għall-monitoraġġ jew kura relatata mal-vista tal-għajnejn, matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 257.

Konċessjonijiet ta’ artijiet - Impact assessments ambjentali jew infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux impact assessments ambjentali jew infrastrutturali qabel l-approvazzjoni ta’ dawk il-konċessjonijiet li ngħataw fi Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Konċessjonijiet ta’ artijiet - Valutazzjonijiet u ftehimiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-valuations u agreements relatati ma’ dawk il-konċessjonijiet li ngħataw matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Konċessjonijiet ta’ artijiet - Valutazzjonijiet indipendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux valuations indipendenti qabel ma ġew approvati dawk il-konċessjonijiet ta’ artijiet fi Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Konċessjonijiet ta’ artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-konċessjonijiet ta’ artijiet li ħarġu matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ingħataw lil: kumpaniji privati; developers; NGOs; jew individwi privati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Konċessjonijiet ta’ artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk il-konċessjonijiet ta’ artijiet li nħarġu matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ingħatawx permezz ta’: sejħa pubblika; direct order; negozjati diretti; jew arranġamenti oħra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MCAST – Popolazzjoni studenteska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’numri assoluti u persentaġġi, kemm hemm studenti mill-popolazzjoni studenteska tal-MCAST li huma Maltin, studenti mill-Unjoni Ewropea u studenti barra mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti huma nisa jew irġiel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-MCAST hemm 8,281 studenta Maltin, 1,688 student li huma minn pajjiżi minn barra mill-Ewropa filwaqt li 577 student huma mill-Unjoni Ewropea. Minn dawn, 5,930 huma ta’ sess maskil filwaqt li 4,616 huma ta’ sess femminil.

MCAST – Mature Students

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’numri assoluti u persentaġġi, kemm hemm mature students (iktar avvanzati fl-età) mill-popolazzjoni studenteska tal-MCAST? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti huma nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm 2,414 mature student. Minn dawn 1,090 huma tas-sess femminili u 1,324 tas-sess maskili.

L-Università ta’ Malta – Studenti gradwati li kellhom iktar minn 60 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li meta gradwaw mill-Università ta’ Malta kellhom iktar minn 60 sena f’dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti kienu nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba ġiet provduta lil dan il-Parlament permezz ta' tweġiba Parlamentari għall-mistoqsija Parlamentari numru 35150 tal-leġiżlatura XIV. Infurmat li ma kienx hemm żviluppi oħra wara dawn it-tweġiba Parlamentari. Infurmat li fl-aħħar 10 snin gradwaw total ta’ 220 student li kellhom iktar minn 60 sena. Infurmat li fis-sena akkademika 2015/16 gradwaw total ta' sitt studenti b'Diploma, sitt studenti b'baċellerat, 10 studenti b'masters, u żewġ studenti b'Dottorat (Doctor of Philosophy/Professional Doctorate). Fis-sena 2016/17 gradwa student wieħed b'Diploma, erba' studenti b'baċellerat, student wieħed b'Ċertifikat Postgradwat, tmien studenti b'masters, u żewġ studenti b'Dottorat. Fis-sena 2017/18 gradwaw żewġ studenti b'Diploma, tlett studenti b'baċellerat, 11-il student b'masters, u żewġ studenti b'Dottorat. Fis-sena 2018/19 gradwaw sitt studenti b'Diploma, ħames studenti b'baċellerat, 12-il student b'masters, u żewġ studenti b'Dottorat. Fis-sena 2019/20 gradwaw ħames studenti b'Diploma, sitt studenti b'baċellerat, disa' studenti b'masters, u student wieħed b'Dottorat. Fil-perjodu ta' Novembru 2021 / Marzu 2022 gradwaw erba' studenti b'Diploma, żewġ studenti b'baċellerat, 15-il student b'masters, u tlett studenti b'Dottorat. Fil-perjodu ta' Novembru 2022 / Marzu 2023 gradwaw sitt studenti b'Diploma, erba' studenti b'baċellerat, 12-il student b'masters, u student wieħed b'Dottorat. Fil-perjodu ta' Novembru 2023 / Marzu 2024 gradwaw ħames studenti b'Diploma, tmien studenti b'baċellerat, 16-il student b'masters, u seba' studenti b'Dottorat. Fil-perjodu ta' Novembru 2024 / Marzu 2025 gradwaw tlett studenti b'Diploma, sitt studenti b'baċellerat, tlett studenti b'Diploma Postgradwata, tmien studenti b'masters, u żewġ studenti b'Dottorat. Fil-perjodu ta' Novembru 2025 / Marzu 2026 gradwaw erba' studenti b'Diploma, u seba' studenti b'baċellerat.

Ħal Safi - Ċentru Parrokkjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 676 u tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll: i.     x’inhuma x-xogħlijiet li saru s'issa u kemm ġew jiswew; ii.    x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u iii.   meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tkun qed tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 925 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju mill-istat perikoluż li fih jinsab il-Maħras ta’ Tabibu fil-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar, u x’azzjoni immedjata ttieħdet jew ser tittieħed sabiex tiġi evitata l-kollass ta’ dan il-monument storiku?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Jista’ l-Ministru jassigura li m'hemm l-ebda periklu la għall-pubbliku u lanqas għar-residenti tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MGA – Permess ta’ logħob – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma’ kull applikazzjoni għal permess ta’ logħob (tombla), l-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob qed titlob id-dettalji tal-membri kollha tal-kumitat u mhux biss tal-persuna li qed tapplika? Jista’ wkoll: i. jgħid x’inhu l-iskop ta’ din it-talba għall-informazzjoni; ii. jgħid għaliex mhux qed jintalbu biss id-dettalji tas-segretarju jew tal-persuna li qed tapplika f’isem il-kumitat; u iii. jagħti garanzija li tali dettalji qed jinżammu biss mill-uffiċjali inkarigati mill-ipproċessar tad-data f’dik l-awtorità, b’tali mod li ma jkollhomx aċċess għalihom terzi, inkluż impjegati oħra tal-istess awtorità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Organizzazzjoni Volontarja (‘OV’) li tapplika għal permess ta’ logħob ta’ riskju baxx (tombla), skont l-Artikolu 44(4) tal-‘Gaming Authorisations and Compliance Directive (Directive 3 of 2018)’, hija obbligata li tissottometti lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob (‘MGA’) l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni, inkluża, iżda mhux limitata għal, dokumentazzjoni statutorja rilevanti relatata mal-istess organizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-proċess t’awtorizzazzjoni jirrikjedi lid-dipartiment rilevanti tal-MGA jiġbor informazzjoni relatata mal-membri tal-kumitat tal-OV sabiex jivverifika li l-individwu li jkun qed jissottometti l-applikazzjoni in kwistjoni, huwa awtorizzat jaġixxi f’isem l-OV kkonċernata. Għal din l-istess raġuni, ma jintalbux biss id-dettalji tas-segretarju jew tal-persuna li qed tapplika f’isem il-kumitat. Barra minn hekk, l-aċċess għal din l-informazzjoni huwa ristrett għal dawk l-impjegati tal-MGA li lir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom jeħtieġu tali aċċess għat-twettiq ta’ dmirijiethom.

Il-Belt Victoria – Offerta għall-Belt Kapitali tal-Kultura 2031

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus s'issa għall-offerta tal-Belt Victoria bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura 2031? Jista’ jgħid ukoll: i.     kemm huma mħallsa l-membri tal-Fondazzjoni; ii.    kemm tħallas l-Artistic Director; u iii.   kemm hemm konsulenti involuti fl-offerta u kemm huma mħallsa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.