Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 489 u 995 u jgħid kemm hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku li, skont in-natura tax-xogħol tagħhom, jistgħu jaħdmu b’mod remot, u kemm minnhom diġà qegħdin jaħdmu b’mod remot? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol remot isirx fuq bażi full-time, part-time jew hybrid?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mellieħa – Librerija pubblika – Arranġamenti alternattivi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 486 u 992 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport u lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u tgħid x’arranġamenti alternattivi ser jingħataw lill-istudenti u lir-residenti tal-Mellieħa wara l-għeluq tal-librerija pubblika fil-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll meta dawn l-arranġamenti ser jidħlu fis-seħħ?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li għad ma nstabx lok alternattiv u ċentrali biżżejjed minn fejn tkun tista’ topera l-librerija u li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali offriet li tassisti biex jekk il-Kunsill jidentifika post, ikun jista’ jingħata s-sapport.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – Bypass – Rotot alternattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 993 dwar x’xogħlijiet, studji jew pjanijiet saru s’issa dwar rotot alternattivi mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa, fejn ġie mwieġeb li “bħalissa, Infrastructure Malta qiegħda tivvaluta numru ta’ proposti.”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-proposti u xi studju sar fuqhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta u l-Ministeru ser ikunu qed jagħtu aktar dettalji fil-mument opportun.

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement – Konsulenti ortopediċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-konsulenti ortopediċi li bħalissa qed iwettqu operazzjonijiet ta' total knee replacement fis-servizz pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex hemm b’kollox 18 -il konsulent ortopediku li jagħmlu operazzjonijiet ta’ total knee replacement.

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' total knee replacement fl-Isptar Mater Dei u kemm saru operazzjonijiet ta' total knee replacement fi sptarijiet privati permezz ta' skemi jew kuntratti tal-Gvern mill-2021 sal-aktar data reċenti disponibbli, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li n-numru ta’ operazzjonijiet ta’ total knee replacement fi sptarijiet privati permezz ta’ skemi jew kuntratti tal-Gvern mill-2021 sal-2025 huwa kif jidher hawn taħt: Sena Total Knee Replacement 2021 2 2022 13 2023 4 2024 110 2025 677

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' total knee replacement fis-servizz tas-saħħa pubbliku, mill-2021 sal-aktar data reċenti disponibbli, maqsuma sena b’sena, u jqiegħed din l-informazzjoni f'tabella li tippermetti tqabbil bejn is-snin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li n-numru ta’ operazzjonijiet ta’ total knee replacement fl-isptarijiet pubbliċi ta’ Malta u Għawdex mill-2021 sal-2025 huwa kif jidher hawn taħt: Sena Total Knee Replacement 2021 386 2022 497 2023 611 2024 638 2025 712

IVF – Proċessi li jsiru barra minn Malta – Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'tip ta' għajnuna joffri l-Gvern lill-persuni jew koppji li jkollhom bżonn imorru barra minn Malta biex jagħmlu l-proċess tal-IVF?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (cross-border healthcare directive) 2011/24/UE tippermetti liċ-ċittadini Ewropej biex jaċċessaw kura tas-saħħa lil hinn mill-fruntieri u jingħataw rimbors f’pajjiżhom. Il-proċess tal-IVF f’pajjiż ieħor huwa fost is-servizzi li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali. L-IVF permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali huwa soġġett għal awtoriżżazzjoni minn qabel u jsir f’konformita’ mal-liġijiet dwar l-IVF applikabbli f’Malta. Barra minn hekk, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, ma għadhiex meħtieġa approvazzjoni minn qabel għar-rimbors ta’ prodotti mediċinali preskritti bħala parti mit-trattament tal-IVF. Din l-iskema tapplika għal koppji jew persuni li jkunu qegħdin jagħmlu trattament tal-IVF f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, f’konformita’ mal-liġijiet dwar l-IVF applikabbli f’Malta.

IVF – Proċessi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru proċessi ta' IVF f'Malta u kemm saru barra minn Malta, matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 562 u 1457 ta’ din il-Leġislatura, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm saru proċessi ta’ IVF f’Malta u barra minn Malta rispettivament.

IVF – Proċessi li saru barra minn Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru proċessi ta' IVF barra minn Malta għal kull sena, matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li n-numru ta’ proċeduri tal-IVF li saru barra minn Malta u li ngħataw rimbors permess tal-cross-border healthcare directive kien bħal ma jidher fit-tabella li tinsab hawn taħt. Ta’ min jinnota li din l-informazzjoni hi ibbażata fuq dawk il-proċeduri li kienu approvati u li ngħataw rimbors fis-sena li tidher hawn taħt. Sena Numru ta' Pro ċ eduri tal-IVF li ngħataw Rimbors permess tal-Cross border Healthcare Directive 2013 0 2014 0 2015 0 2016 0 2017 0 2018 0 2019 0 2020 0 2021 3 2022 0 2023 2 2024 10 2025 13 2026 13 Total 41

Social Climate Funds – Sejħiet għall-applikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan u l-iskeda ta' meta ser jibdew joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet tas-social climate funds u liema setturi ser jikkonċernaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Social Climate Fund – Evalwazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali tal-Gvern għall-użu tal-fondi Ewropej tas-Social Climate Fund mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Social Climate Fund – Pjan nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan nazzjonali tal-Gvern iffinalizzat, wara l-konsultazzjoni pubblika, ta' kif qed jippjana li jintużaw il-fondi Ewropej tas-Social Climate Fund allokati għal Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1137 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-faċilitajiet sportivi kollha li jinsabu fi skejjel tal-Gvern, maqsuma skont il-kulleġġ u l-iskola rispettiva u għal kull skola, jindika: i.    x’tip ta’ faċilitajiet sportivi hemm (grawnds, gyms, courts, pixxini, tracks, eċċ.); ii.    is-sena li fiha nbnew jew saru l-aħħar xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tisbiħ sostanzjali; u iii.    l-kundizzjoni attwali tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra.

Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1136 u jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika: a.  l-isem tal-entità; b.  l-ammont mogħti; ċ.  id-data tal-ħlas; d.  l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u e.  l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament? Jista’ jgħid ukoll: i.   jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom; ii.  xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u iii.  kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni ser tkun provduta f'seduta oħra.

Marsaskala - Tal-Fajtata - Parkeġġ - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 984 u ċjoè: B’referenza għax-xogħol imwettaq minn Infrastructure Malta fil-parkeġġ tal-Fajtata, f’Marsaskala, li pjanta dwarha qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru jagħti dettalji f’tabella dwar liema żona/art ġiet esproprjata, meta nbeda u ġie tterminat l-proċess, u d-data ta’ liema Gazzetta tal-Gvern ħarġet it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq l-art inkwistjoni ma sar l-ebda espropju.

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Miżuri kontra sħana eċċessiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri konkreti ttieħdu biex titnaqqas is-sħana eċċessiva fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn Lulju 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll: i.    liema xogħlijiet saru jew liema sistemi ta’ ventilazzjoni, tkessiħ jew kontroll tat-temperatura ġew installati; ii.    f’liema diviżjonijiet jew partijiet tal-Faċilità saru dawn l-interventi; u iii.    jekk hemmx aktar xogħlijiet ippjanati u jekk iva, x’inhuma u x’inhi d-data prevista għat-tlestija tagħhom?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li fil-preżent, uħud mid-diviżjonijiet (CORRS u oħrajn meqjusin żgħar) huma mgħammra ventilazzjoni adeguata u bħalissa għaddej xogħol sabiex ikunu nstallati sistemi simili fil-kumplament tal-ħabs. L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qiegħda tinvesti f’sistema li tgħin fil-kontroll tat-temperatura fiċ-ċellel sabiex timmitiga kemm għas-sħana tas-Sajf kif ukoll il-kesħa tax-xitwa. Tajjeb illi wieħed jieħu konsiderazzjoni tal-fatt li l-binja hija waħda antika, għandha ‘l fuq minn 100 sena u dan jimponi diffikultajiet fl-installazzjoni. Fost ix-xogħol li sar s’issa, nsibu tibdil ta’ katusi li ser iwasslu l-arja kkontrollata ġewwa ċ-ċellel fejn inbidlu għal PVC. Biex din is-sistema tkun tista titħaddem, għaddew cables ġodda tad-dawl fejn anke saret modifikazzjoni fid-distribuzzjoni tal-elettriku. Beda wkoll ix-xogħol fuq l-installazzjoni tas-sistema fejn bħalissa x-xogħol fuq Diviżjonijiet 2 u 3 wasal fl-aħħar fażi tiegħu u hemm il-pjan li għal-aħħar ta’ Lulju, dawn iż-żewġ diviżjonijiet ikollom is-sistema taħdem. Ix-xogħol fuq Diviżjonijiet 1 u 4 diġa beda u huwa pprogrammat li jitlesta sal-aħħar t’Awwissu. Sussegwentament, jitkompla x-xogħol fid-diviżjonijiet l-oħra kollha fejn huwa stmatt li għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena. Inżid illi sa ma titlesta s-sistema kollha, l-Aġenzija ħadet prekawzjonijiet fejn fosthom iċ-ċellel qed jibqgħu miftuħin matul il-ġurnata kollha, disponibbilita ta’ fannijiet, ġew installati sistemi ta’ reverse osmosis sabiex persuna tkun tista tixrob ilma kemm trid u disponibbilita ta’ fridges u freezers ġewwa kull diviżjoni. Barra minn hekk, qed isir monitoraġġ kontinwu ta’ persuni vulnerabbli.

Artijiet meħuda mill-Gvern - Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità tal-artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li għadhom ma ġewx ikkumpensati b'mod sħiħ? Għal kull każ, jista' jagħti d-data meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li data ta’ dan it-tip ma tistax tingħata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-informazzjoni. Minbarra dan, fil-maġġoranza tal-każi, il-valur ta’ tali kumpens jiġi stabbilit fiż-żmien li jkun se jsir il-ħlas, għax ikun skont deċiżjoni tal-Qorti jew għax ikun marbut ma’ akkwisti li jkun neċessarju li jingħalqu bil-ħlas u b’kuntratt ta’xiri.

Strutturi illegali – Sena 2025

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' strutturi li għalkemm tħallset il-multa massima, kienu għadhom illegali, irregolari jew mhux sanzjonati sal-aħħar tas-sena 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każijiet ta’ strutturi li għalkemm tħallset il-multa massima, kienu għadhom illegali, irregolari jew mhux sanzjonati sal-aħħar tas-sena 2025, kienu erbgħa. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Birżebbuġa - Triq il-Bajja s-Sabiħa - Bankina ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ilmenti dwar id-disinn u/jew dwar ix-xogħlijiet u/jew dwar il-kwalità tal-bankina l-ġdida li saret fi Triq il-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa? Jista' jgħid ukoll x'azzjoni ser tittieħed u sa meta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 673.