Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxis u Y-plates – Impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx impact assessment dwar iż-żieda fin-numru ta’ taxis u Y-plates fuq: (i) it-traffiku; (ii) il-konġestjoni; (iii) l-emissjonijiet; u (iv) il-kompetizzjoni fis-settur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-suq tal-Y plates, taxis, coaches etc. jiġi mmonitorjat b’mod konsistenti minn Transport Malta; fl-ewwel lok biex naraw li s-servizz li qed jingħata liċ-ċittadin ikun tal-ogħla kwalità. Fit-tieni lok, il-Gvern diġà ddikjara li dawn is-setturi huma kkunsidrati bħala mezz ta’ mobbiltà alternattiva u għalhekk għandhom l-importanza tagħhom fl-ekosistema tal-mobbiltà ta’ Malta. Inoltre, id-domanda għal dan is-servizz mill-pubbliku qiegħda dejjem tiżdied u dan ifisser li anke l-poplu qed jara lil dan is-settur bħala servizz. Dan kollu ttieħed inkunsiderazzjoni f’Malta in Motion u matul it-twettiq ta’ dan il-pjan ser jara kif dan is-settur ser jiġi mtejjeb biex isir parti mis-sistema integrata ta’ trasport għall-pubbliku ġewwa pajjiżna.

Taxis u Y-plates – Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jew kumpaniji li għandhom aktar minn: (i) ħames permessi, (ii) għaxar permessi, jew (iii)  għoxrin permess, relatat ma’ taxis jew Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liem permessi qed jirreferi f’din il-mistoqsija.

Taxis u Y-plates – Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-permessi għat-taxis, Y-plates, chauffeur services, u ride-hailing platforms li nħarġu matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ingħataw lil: (i) individwi Maltin; (ii) ċittadini barranin; (iii) kumpaniji reġistrati Malta; u (iv) kumpaniji barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liem permessi qed jirreferi f’din il-mistoqsija.

Taxis u Y-plates – Permessi – Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji użati biex ġew approvati l-permessi ġodda għal-liċenzji tat-taxis tradizzjonali, tal-Y-plates, tax-chauffeur services, u tar-ride-hailing platforms? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-kriterji nbidlux matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kriterji għall-ħruġ ta’ liċenzji u permessi ġodda għas-servizzi msemmija huma stabbiliti f’qafas leġiżlattiv, jigifieri fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.59 li titratta r-Regolamenti dwar Servizz tat-Taxis u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68 dwar ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi. Ninfurmah ukoll li ma kien hemm l-ebda emenda f’dawn il-leġizlazzjonijiet fix-xhur msemmija.

Liċenzji ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta’ liċenzji ġodda maħruġa għal: (i) taxis tradizzjonali; (ii) Y-plates; (iii) chauffeur services; u (iv) ride-hailing platforms?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-perjodu li għalih qed jirreferi u jispeċifika t-tip ta’ liċenzja li qed jitlob l-informazzjoni dwarha.

Bdiewa/raħħala – Skemi tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li gawdew minn skemi tal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn fejn kienu (fejn kienet ir-raba) u kemm kienet il-valur tal-għajnuna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-benefiċjarji tal-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal- Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni Ewropea. Informazzjoni dwar benefiċjarji ta' għajnuna mill-Istat li jaqbżu ċerti limiti stabbiliti tiġi ppubblikata mill-iState Aid Monitoring Board (SAMB), ukoll f'konformita’ mar-regolamenti rilevanti tal-UE.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Żoni b’inċidenza ta' storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija identifikatx xi żoni fis-Swieqi, f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema bħala hotspots fejn iseħħu b'mod regolari każijiet ta' storbju, diżordni jew imġiba antisoċjali? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri speċifiċi ttieħdu sabiex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija f'dawn iż-żoni?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Multi/pieni relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu multi jew pieni relatati ma’ storbju eċċessiv, imġiba antisoċjali jew ksur tal-ordni pubbliku fis-Swieqi, f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'kien il-valur totali ta' dawn il-multi u kemm minn dawn ġew effettivament imħallsa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Rapporti relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet relatati ma' storbju eċċessiv, imġiba antisoċjali, ġlied jew diżordni fiż-żoni residenzjali tas-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rapporti wasslu għal prosekuzzjonijiet jew għal xi forma ta’ azzjoni legali?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Kura veterinarja - Stabbilimenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stabbiliment jew stabbilimenti qed tiġi pprovduta l-kura veterinarja lil hinn minn dik ta’ rutina fil-preżent, u ċjoè: i.    interventi ta’ dijanjostika permezz tal-immaġini; ii.   testijiet tad-demm; u iii.  kirurġija mhux relatata mal-isterilizzazzjoni tal-annimal għal finijiet riproduttivi? Tista’ tgħid ukoll liema stabbilimenti ntużaw matul l-aħħar sena ta’ operat tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali sabiex tingħata kura veterinarja lill-annimali taħt il-kustodja tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kura veterinarja li mhix ta’ rutina u l-proċeduri speċjalizzati meħtieġa għall-annimali taħt il-kustodja tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali qed jiġu provduti minn stabbilimenti li għandhom kuntratti ta’ servizz attivi mad-Direttorat.  Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għal Happy Paws, Vetcare,Vet 4 Pet Health, Animal Aid Clinic, Highrise Veterinary Clinic, Zoomangi Veterinary Clinic u Agrimed għal necroscopy. Barra minn hekk, skont il-ħtiġijiet individwali tal-annimali, partikolarment fil-każ ta’ annimali mhux konvenzjonali, id-Direttorat jista’ wkoll jirrikorri għal stabbilimenti veterinarji oħra fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġi żgurat li tingħata l-kura meħtieġa. L-istess stabbilimenti kienu fost dawk użati matul l-aħħar sena ta’ operat tad-Direttorat sabiex tingħata kura veterinarja lill-annimali taħt il-kustodja tiegħu.

Persuni impjegati f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 836 u 1044 u jgħid kemm-il persuna hija impjegata f'Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bejn ċittadini Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta' pajjiżi terzi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` Jannar 2026 kien hemm 341,193 persuna jaħdmu f`Malta u Għawdex fuq bażi full-time u part-time bħala impjieg ewlieni tagħhom.

Il-Belt Valletta – Ta’ Liesse – Terminal tal-passiġġieri – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 187, 552 u 972 u jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq it-terminal tal-passiġġieri tal-fast ferry li hemm f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta, wara l-ħsarat li ġarrab fil-maltempata ta’ Jannar 2026? Jista’ jgħid ukoll: (i) liema xogħlijiet fadal isiru sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; (ii) meta huwa ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet; u (iii) kemm hu stmat b’kollox li ser jiġi jiswa dan ix-xogħol kollu wara l-ħsarat li ġarrab dan it-terminal?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara li t-terminal ġie devastat kawża tal-maltempata Harry f’Jannar li għadda, saru xogħlijiet estensivi fejn prattikament kellu kważi jinbena mill-ġdid it-terminal. Fil-fatt, l-unika parti li baqgħet intatta kienet l-istruttura tal-ġebel. Ix-xogħlijiet issa waslu fl-aħħar fażi tagħhom u huma ta’ natura aċċessorja, jiġifieri l-kunsinna u t-tqegħid tas-siġġijiet permanenti u l-installazzjoni tat- ticketing booth . Sadanittant, it-terminal huwa operattiv u qed joffri s-servizzi tiegħu b’mod normali. Ringrazzjament għandu jmur lil dawk kollha li ħadmu sabiex, fi ftit xhur, it-terminal seta’ jerġa’ jibda jopera kif suppost. L-ispiża tax-xogħlijiet ġiet stmata għal €183,501.03 (eskluża l-VAT), li tinkludi, fost oħrajn: xogħlijiet estensivi ta’ tiswija u restawr tal-faċċata esterna; sostituzzjoni u tiswija tal-madum mal-ħitan; installazzjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl; xogħlijiet ta’ tikħil u żebgħa ġodda; tiswijiet estensivi fil-faċilitajiet sanitarji; tiswija u restawr tas-sistema tal-pompi tad-drenaġġ; tiswija u sostituzzjoni ta’ pajpijiet tal-ilma; tiswijiet tal-gradi esterni; installazzjoni tat- ticketing booth ; provvista u installazzjoni tas-siġġijiet fiż-żona tal-istennija; u xogħlijiet relatati mal-faċilitajiet għall-impjegati u faċilitajiet oħra meħtieġa għall-operat tat-terminal.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ – Reviżjoni

Question

B’referenza għad-dokument tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li ġie ppubblikat fl-2021, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dokument li kellha ssir fl-2025/26, “biex tiżgura li tibqa’ rilevanti għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ”, għadhiex ippjanata li ssir u jekk iva, meta se tiġi ppubblikata?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-proċess tal-mid term review ser jitwettaq hekk kif mitlub mill-istess Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ

Bankini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan konkret biex issir ħidma estensiva u jkun assigurat li l-bankini kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu verament jintużaw minn kulħadd, inkluż dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà? Jekk iva, tista’ tagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan, inkluż il-perjodu ta’ żmien previst għall-implimentazzjoni tiegħu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Il-Ministeru jemmen fl-awtonomija tal-Kunsilli Lokali u ser ikompli jagħtihom is-sostenn u l-għodod neċessarji biex iwettqu l-ħidma fil-lokalitajiet rispettivi skont il-prijoritajiet li jagħżlu huma. Mezz li permezz tiegħu jagħti dan is-sostenn huwa l-programm imħaddem mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed terġa tpoġġi għad-disponibbiltà tal-Kunsilli Lokali miljuni ta’ ewro biex ikunu investiti direttament fl-infrastruttura tal-lokalitajiet. Inżid li permezz ta’ din l-inizjattiva, fejn kunsill jindika l-ħtieġa ta’ bankina ġdida, (diment li ma toffrix sfidi ta’ materji storiċi jew arkejoloġiċi) din tinbena b’tali mod li tassigura li kull bankina jew spazju għal pubbliku jkun aċċessibli għal kulħadd inkluż għal persuni bi sfidi ta’ mobiltà.

Bankini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan konkret biex issir ħidma estensiva u jkun assigurat li l-bankini kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu verament jintużaw minn kulħadd, inkluż dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan, inkluż il-perjodu ta’ żmien previst għall-implimentazzjoni tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Generators

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ntużaw generators fit-toroq ta’ Malta u Għawdex sabiex jipprovdu provvista temporanja tal-elettriku mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tindika l-lokalità u t-triq fejn intuża kull generator, id-data jew id-dati li fihom intuża, u għal kemm żmien dam jintuża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta investiet f’numru ta’ generators li jintużaw primarjament biex, waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni ppjanati fuq is-sistema tad-distribuzzjoni, b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li tintefa’ substation, il-klijenti ma jibqgħux mingħajr provvista tal-elettriku sakemm ix-xogħol ikun lest. Barra minn hekk, f’każijiet ta’ ħsarat mhux ippjanati fuq in-network, dawn il-generators jistgħu jintużaw ukoll bħala miżura temporanja biex jitnaqqas il-perjodu li fih il-klijenti jkunu mingħajr provvista, sakemm jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tiswija meħtieġa u tiġi restawrata l-provvista b'mod normali mal-grid ta' l-elettriku.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 929 u jgħid jekk il-Gvern hux se jikkollabora ma’ Din l-Art Ħelwa, mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u ma’ entitajiet oħra kompetenti sabiex jiġi salvagwardjat il-monument uniku tal-Maħras ta’ Tabibu, f’San Pawl il-Baħar, li huwa meqjus bħala l-aħħar maħras medjevali li għadu jeżisti fil-Gżejjer Maltin?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1117.

Floriana – Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li se jsiru fil-Floriana sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet f’Xatt ic-Ċangatura,Triq Emvin Cremona, parti minn Triq Nazzjonali u parti minn Triq Indipendenza jikkonsistu f’ tibdil ta’ servizzi fit-triq, kostruzzjoni ta’ bankini ġodda u tqegħid ta’ asfalt ġdid. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.

Santa Venera – Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li se jsiru f’Santa Venera sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Santa Venera ser isir xogħol infrastrutturali fi Triq il-Ħarrub li mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjien. Ser isir ukoll xogħol ta’ major patching fi Triq Regjonali.

Il-Belt Valletta – Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li se jsiru fil-Belt Valletta sal-aħħar ta' din is-sena? Jista’ jgħid ukoll meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet, kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jingħata wiċċ ġdid ta’ asfalt fi Triq San Bastjan, il-Belt Valletta.