Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 709.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?
Ċirkewwa Marine Park – Kiri ta’ mobile clinic u mobile office – Spiża
Question
Jista' l-Ministru jindika kemm qed jiswa l-kiri ta' servizz ta' mobile clinic u ta' mobile office għall-Park taċ-Ċirkewwa lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew indirettament lill-management taċ-Ċirkewwa Marine Park kull sena billi jagħti rendikont tal-ispejjeż assoċjati / ivvutati għal dawn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ila taħdem fuq dan il-proġett siewi għas-settur tad-diving għal bosta snin.
Matul is-sena 2025, l-ispejjeż kien jinkludu: xiri ta’ mobile clinic, servizz ta’ first aiders, xogħlijiet ta’ titjib fl-infrastrutura u salarji.
Jista' l-Ministru jghid jekk il-kmamar okkupati mill-Gozo Channel mingħajr użu partikolari humiex ser jgħaddu għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fiċ-Ċirkewwa Marine Park u jintużaw bħala kmamar tal-ewwel għajnuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kmamar in kwistjoni qegħdin jintużaw mill-Kumpanija Gozo Channel, liema użu huwa relatat mal-aspett loġistiku u operattiv.
Jista' l-Ministru jghid jekk il-kmamar okkupati mill-Gozo Channel mingħajr użu partikolari humiex ser jgħaddu għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fiċ-Ċirkewwa Marine Park u jintużaw bħala kmamar tal-ewwel għajnuna?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23896 tal-Leġiżlatura XIV.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jitnaqqas il-faqar fost il-pensjonanti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Tweġiba:
Ninforma lill-Onor. Interpellant lit-tnaqqis tal-faqar fost il-pensjonanti qed jiġi ndirizzat kontinwament b'mod strateġiku permezz tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Pensjonijiet 2021-2027 u issa bir-Rapport Strateġiku tal-Pensjonijiet tal- 2025 (kif sar b’dawk preċedenti), imħejji mill-Grupp Strateġiku tal-Pensjonijiet bħala parti mir-reviżjoni legali li ssir kull ħames snin dwar l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà tas-sistema.
Fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja hemm ukoll id-Direttorat għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet, li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri u janalizza kontinwament l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Dan ix-xogħol strateġiku li jsir b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Sigurtá Soċjali qed jagħti l-frott: l-adegwatezza tal-pensjonijiet tjiebet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u wara l-konsultazzjoni pubblika, il-Gvern ikkonferma li mhux se jgħolli l-età tal-irtirar u lanqas ir-rati tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li se jkompli jsaħħaħ il-pensjonijiet matul din il-leġiżlatura.
Din l-istrateġija qed tissarraf f'miżuri konkreti sena wara l-oħra bħaż-żidiet ġenerali fil-pensjonijiet minbarra l-COLA sħiħa, u diversi miżuri oħra ta’ sostenn li ddaħħlu fl-aħħar snin, inkluż għar-romol, pensjonanti tal-invalidità u dawk tal-età non-kontributorja. Għal dawk bl-inqas dħul, issaħħew kemm l-allowance supplimentari kif ukoll is-suppliment annwali għall-persuni anzjani. Fl-istess waqt qed jitneħħew l-anomaliji storiċi, bil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja jsir rata waħda għall-pensjonanti kollha, b'aġġustamenti għall-pensjonanti mwielda qabel l-1962 biex jonqos id-distakk li rriżulta mir-riforma tal-2006, u bl-ugwaljanza tad-Dħul Pensjonabbli Massimu għall-pensjonanti kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-benefiċċji soċjali ġiet miċħuda fl-aħħar sena u għaliex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt:
Applikazzjonijiet għall-Assistenza Soċjali tul l-aħħar sena
1,413
Applikazzjonijiet Aċċettati
1,039
Applikazzjonijiet Miċħuda
322
Tajjeb jingħad illi fost ċaħdiet varji nsibu dawk illi jkunu jirċievu l-Għajnuna Soċjali u jibdew jaħdmu u mmedjatament dawn il-persuni jibdew jirċievu t-Tapering tal-Benefiċċji u b’hekk jissaħilhom il-potenzjal finanzjarju għalihom u għal familji tagħhom. Ċaħdiet oħra jirrelataw ma’ eċċess tat-threhsold tat-test tal-kapital, meta jinstab illi persuna ma tkunx il-
head of household
jew inkella meta l-bord mediku ma’ jkunx sodisfatt illi l-persuna tbati minn xi kundizzjoni.
Vjolenza domestika – Aggressuri ordnati biex joħorġu mir-residenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fl-2026 fejn l-aggressur ġie ordnat joħroġ mir-residenza fejn kien hemm ukoll is-survivor? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew evalwati każijiet ta’ vjolenza domestika f’kull DV Hub bejn l-2024 u l-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi fil-preżenti l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżommx statistika daqshekk dettaljata u għaldaqstant mhux f’posizzjoni li tipprovdi dak rikjest.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta‘ vjolenza domestika fejn l-aggressur ġie ordnat jagħmel il-programm ‘STOP! the Violence & Abuse Service’ mmexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ vjolenza domestika li ser jinstemgħu għall-ewwel darba bejn Jannar u Ġunju 2027 jew iktar tard, maqsuma xahar b’xahar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Taxis u Y-plates – Policy dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u Y-plates?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u vetturi b’Y-plates hija dik stabbilita fil-qafas leġiżlattiv applikabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar kemm is-suq Malti jista’ jiflaħ aktar taxis u Y-plates mingħajr ma jkun hemm saturazzjoni fis-settur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi ta’ rapporti interni, data fattwali u analiżi operattiva mwettqa mill-Awtorità, jirriżulta li d-domanda fis-suq għal dawn is-servizzi għadha għolja u qiegħda tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-għadd ta’ operaturi attivi.
Fil-fatt, meta jitqabbel il-perjodu bejn Frar u Mejju 2025 mal-istess perjodu fl-2026, l-għadd ta’ operaturi attivi żdied minn 2,049 għal 2,419, jiġifieri żieda ta’ 18.1%. Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ vjaġġi żdied minn 3,008,367 għal 5,061,576, jiġifieri żieda ta’ aktar minn żewġ miljun vjaġġ, jew 68.2%.
Bħala medja, l-għadd ta’ vjaġġi għal kull operatur żdied minn madwar 1,469 bejn Frar u Mejju 2025 għal madwar 2,093 fl-istess perjodu tal-2026. Dan ifisser żieda medja ta’ madwar 624 vjaġġ, jew 42.5%, għal kull operatur.
Dawn iċ-ċifri jindikaw li, minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ operaturi, id-domanda kibret b’rata ferm ogħla. Dan juri wkoll li l-politika tal-Gvern favur mezzi alternattivi ta’ mobbiltà qiegħda tħalli l-frott, hekk kif aktar residenti u turisti qegħdin jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Permessi lil impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw permessi għal taxis u Y-plates
minkejja li kienu diġà impjegati full-time fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi ma jagħmlu ebda distinzjoni abbażi tal-istatus ta’ impjieg tal-applikant, inkluż fil-konfront ta’ impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entità tal-Gvern.
L-Awtorità tivverifika biss jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-liġi għall-ħruġ tal-permess jew tal-liċenzja relattiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew restrizzjoni li tista’ tirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persuna kkonċernata.
Taxis u Y-plates – Permessi sospiżi, revokati jew taħt investigazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal taxis u Y-plates ġie sospiż, revokat, jew taħt investigazzjoni matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi, l-Awtorità ħadet passi ta’ sospensjoni, revoka jew kanċellazzjoni, jew wettqet investigazzjoni fuq 96 l-operatur tal-Y Plates.
Matul l-istess perjodu ma kien hemm l-ebda sospensjoni, revoka jew investigazzjoni fir-rigward ta’ operaturi tat-taxis.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni jew enforcement checks saru fuq taxis u Y-plates matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar u Mejju 2026 saru 22 l-spot check, fejn ġew spezzjonati ‘l fuq minn 1,500 vettura tat-tip taxi u Y-plate.
Kummissjoni Maltija tal-Films – Kontijiet awditjati – Dewmien
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kontijiet awditjati tal-Kummissjoni Maltija tal-Films għas-snin 2020, 2021 u 2022 ħadu bejn 13 u 32 xahar biex jiġu ffinalizzati, u x'passi konkreti ttieħdu biex jiġi żgurat li dan id-dewmien ma jerġax jiġri għas-snin finanzjarji sussegwenti?