Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-Masterplan tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, li l-ispiża kapitali tiegħu mistennija tilħaq madwar €68 miljun, ġie effettivament implimentat? Tista’ wkoll tagħti rendikont tal-fażijiet li tlestew, dawk li għadhom għaddejjin u l-ispiża effettiva sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li 75% tax-xogħol fil-Park Nazzjonali issa tlesta. Il-fażijiet huma r-riġenerazzjoni u t-tkabbir tal-Adventure Park, ir-riġenerazzjoni u t-tkabbir ta’ 250,000 metru kwadru tal-ġnien ewlieni, it-twaqqigħ tal-bini illegali ta’ kumpanija tal-konkrit u minfloku l-bini taż-żona tal-kunċerti, il-bini u tlesija tal-multi-storey carpark li jesa’ ‘l-fuq minn 500 karozza, kif ukoll l-ewwel fażi tar-riġenerazzjoni tal-picnic area. Għal dawn ix-xogħlijiet li tlestew, l-ispiża kapitali tlaħħaq €46 miljun.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-proġetti komunitarji previsti għall-2026 għadhom ma nbdewx? Tista’ wkoll tindika r-raġuni għaliex għadhom ma nbdewx u meta huwa previst li jibdew?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti kollha li sad-29 ta’ Ottubru 2026 ma laħqux saru fl-ewwel Framework Agreement, se jkunu qed isiru fil-Framework il-ġdid (2026-2028) mill-aħħar ta’ Novembru ‘l quddiem u bi ftehim mal-Kunsilli Lokali malli jingħata l-kuntratt il-ġdid.
Siti storiċi - Permessi ta’ żvilupp - Preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi u viżivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permessi ta’ żvilupp għal interventi f’siti storiċi jistgħux jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi u viżivi li huma rilevanti għall-użu tas-sit bħala location għall-films? Jekk iva, jista' jagħti eżempji ta’ dawn il-kundizzjonijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Kull permess għall-iżvilupp jinkludi sett ta’ kundizzjonijiet standard, però jista’ jinkludi ukoll kundizzjonijiet speċifiċi relatati mas-sit in kwistjoni. Ir-rilevanza tal-użu tas-sit bħala location għall-films m’hix kunsiderazzjoni li normalment titqies waqt il-proċess tal-ippjanar sakemm l-applikazzjoni innifisha ma tkunx relatata mal-użu tas-sit għall-filming.
Kundizzjonijiet speċifiċi dwar preservazzjoni ta’ karatteristiċi arkitettoniċi jinkludu monitoraġġ tax-xogħlijiet, garanziji bankarji u kundizzjonijiet minn entitajiet esterni bħas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Garanziji ivarjaw minn €700 sa €23,000 bħala ammonti standard filwaqt li l-ammonti jistgħu jiżdiedu jew jonqsu jekk ikun hemm karatteristiċi partikolari.
Awtorità tal-Ippjanar - Konsultazzjoni mal-Kummissjoni Maltija għall-Films
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-proċess tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal interventi f’siti storiċi li huma magħrufa għall-użu tagħhom bħala locations għall-films, l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsultax mal-Kummissjoni Maltija għall-Films dwar l-impatt potenzjali tal-interventi fuq dan l-użu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar tiċċara illi l-attivitajiet relatati mal-ġbid ta’ films huma regolati permezz tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni tal-Iżvilupp (Development Notification Order), skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod partikolari l-Klassi 19 – Filming and Activities.
Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli għal kull klassi ta’ żvilupp, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-entitajiet kompetenti.
Fil-każ ta’ interventi f’siti ta’ valur storiku jew kulturali, l-Awtorità tirrikjedi li l-applikant jissottometti l-approvazzjoni (clearance) tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali matul il-proċess tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-interventi proposti jkunu ġew ikkunsidrati mill-awtorità responsabbli mill-ħarsien tal-wirt kulturali.
Heritage Malta - Manutenzjoni ta' elementi moderni f'siti storiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għall-manutenzjoni ta’ sistemi tad-dawl, cables, tagħmir tekniku u elementi moderni oħra installati waqt proġetti ta’ restawr f’siti ta’ Heritage Malta, u jekk hemmx proċedura sabiex dawn jiġu sostitwiti jew aġġornati mingħajr ħsara lill-istrutturi storiċi?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tas-sistemi u l-elementi moderni installati fis-siti taħt il-kura ta’ Heritage Malta ssir skont l-obbligi u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratti rispettivi, kif ukoll permezz tal-ħaddiema tekniċi tal-Aġenzija.
Dawn il-ħaddiema għandhom it-taħriġ meħtieġ sabiex l-interventi ta’ manutenzjoni jitwettqu b'mod li jirrispetta l-karatteristiċi u l-valur storiku tas-siti, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji tal-konservazzjoni.
Heritage Malta - Valutazzjonijiet ta' proġetti maġġuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara t-tlestija ta’ proġetti maġġuri ta’ restawr fuq siti storiċi taħt Heritage Malta, issirx valutazzjoni tal-interventi li jkunu saru biex jiġi stabbilit jekk dawn laħqux l-għanijiet ta’ konservazzjoni, aċċessibbiltà u użu futur tas-sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara t-tlestija ta’ proġetti maġġuri ta’ restawr fis-siti storiċi taħt il-kura tagħha, Heritage Malta tkompli ssegwi u tevalwa l-effettività tal-interventi mwettqa, partikolarment fir-rigward tal-konservazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-użu futur tas-siti.
F'ċerti siti jiġu installati wkoll sistemi ta’ monitoraġġ sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-impatt tagħhom fuq il-binjiet u l-ambjent storiku.
Heritage Malta - Installazzjoni ta’ sistemi moderni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex standards jew rakkomandazzjonijiet dwar l-installazzjoni ta’ sistemi tad-dawl, cables, tagħmir elettriku u sistemi oħra moderni f’siti storiċi, sabiex dawn ikunu kemm jista’ jkun diskreti u ma jnaqqsux il-valur storiku jew viżiv tas-sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 4287, ninfurmaha li Heritage Malta tibbaża t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ restawr fuq prinċipji internazzjonalment rikonoxxuti fil-qasam tal-konservazzjoni, fosthom dawk stabbiliti mill-ICOMOS.
F'dan il-kuntest, l-installazzjoni ta’ sistemi moderni, inkluż tagħmir tad-dawl u infrastruttura elettrika, tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-ħtieġa li jitħares il-valur storiku, arkitettoniku u viżiv tas-siti, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ intervent minimu, kompatibbiltà u reversibbiltà fejn dan ikun teknikament possibbli.
Heritage Malta - Siti storiċi - Tfassil ta’ proġetti ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt it-tfassil ta’ proġetti ta’ restawr f’siti storiċi taħt il-kura ta’ Heritage Malta jiġux evalwati soluzzjonijiet li jtejbu l-aċċessibbiltà filwaqt li jipproteġu l-integrità arkitettonika u l-potenzjal tas-sit bħala location għall-films?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt it-tfassil ta’ proġetti ta’ restawr fis-siti storiċi taħt il-kura tagħha, Heritage Malta tevalwa soluzzjonijiet li jtejbu l-aċċessibbiltà, filwaqt li tassigura l-ħarsien tal-integrità arkitettonika, storika u kulturali ta’ dawn is-siti, skont il-prinċipji internazzjonali tal-konservazzjoni.
L-għan ewlieni ta’ dawn l-interventi huwa l-konservazzjoni tal-wirt storiku u t-titjib tal-esperjenza tal-viżitaturi, filwaqt li kwalunkwe użu ieħor tas-siti għandu jkun kompatibbli mal-ħarsien u l-karatteristiċi tagħhom.
Wirt kulturali – Konservazzjoni/manutenzjoni – Investiment mid-dħul relatat mat-turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema proporzjon tad-dħul relatat mat-turiżmu li jinġabar mill-Gvern jerġa’ jiġi investit direttament fil-konservazzjoni u l-manutenzjoni tal-wirt kulturali ta’ Malta?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jibqa’ kommess li jinvesti b'mod kontinwu fil-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-manutenzjoni tal-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna, u dan ma jagħmlux biss mid-dħul relatat mat-turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il viżitatur żar kull sit ewlieni ta’ wirt kulturali jew storiku mmexxija mill-Istat matul l-ewwel sitt xhur tal-2026 u xi dħul iġġenera kull sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 aktar minn miljun viżitatur żaru s-siti ewlenin ta’ wirt kulturali u storiku f’Malta u Għawdex, amministrati minn Heritage Malta, li bejniethom iġġeneraw kważi sitt miljun ewro fi dħul.
Attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta – Aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità – Evalwazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għamilx evalwazzjoni speċifika dwar l-aċċessibbiltà tal-attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta għall-persuni b’diżabilità? Jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u fin-nuqqas ta’ dan, tinforma jekk hemmx intenzjoni li tali evalwazzjoni ssir?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tittieħed dwar rapporti ta’ residenti dwar allegat tlielaq bil-karozzi, sewqan perikoluż u storbju minn vetturi fiż-żona ta’ Ta’ Qali, li skont dawn ir-rapporti jibqgħu għaddejjin sas-siegħa ta’ filgħodu?
Jista’ jagħti, għal dawn l-aħħar tnax-il xahar, maqsuma xahar b’xahar:
i. in-numru ta’ rapporti li rċeviet il-Pulizija dwar dawn l-abbużi;
ii. in-numru ta’ rondi u operazzjonijiet ta’ infurzar li saru bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u s-sagħtejn ta’ filgħodu; u
iii. n-numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa u każijiet li tressqu l-Qorti, skont it-tip ta’ ksur?
Jista’ jgħid ukoll jekk l-infurzar f’dawn il-ħinijiet hux ser jissaħħaħ u x’miżuri immedjati se jittieħdu biex jitħarsu r-residenti u l-persuni li jiffrekwentaw iż-żona?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li bejn Novembru 2025 u Ottubru 2026, il-pulizija intervjeniet mija u erbgħtax il-darba (114).
B’riżultat tal-infurzar, tressqu tmien akkużi relatati ma’ sewqan perikoluż f’Ta’ Qali u l-inħawi tal-madwar, kif ukoll inħarġu diversi ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet tat-traffiku, fosthom sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u sewqan mingħajr liċenzja valida. F’każ wieħed, is-sewwieq ġie mmultat €1,000 u l-liċenzja tiegħu ġiet sospiża għal tliet xhur.
Il-Pulizija ser tkompli bl-ispezzjonijiet u r-rondi f’din iż-żona sabiex tindirizza kwalunkwe inkonvenjent.
Ta’ Qali - Dawl pubbliku u sigurtà tal-persuni mexjin
Question
Fid-dawl ta’ tħassib imressaq minn residenti dwar viżibilità baxxa billejl fiż-żona ta’ Ta’ Qali, tista’ l-Ministru tgħid:
i. liema entità hija responsabbli mid-dawl pubbliku fit-toroq, il-passaġġi pedonali u l-parkeġġi tal-Park Nazzjonali u ta’ madwaru;
ii. meta saret l-aħħar spezzjoni tad-dawl u valutazzjoni tas-sigurtà tal-persuni li jkunu mexjin, u x’nuqqasijiet ġew identifikati;
iii. liema tiswijiet jew titjib fid-dawl huma ppjanati, x’baġit ġie allokat u meta ser jitlestew; u
iv. jekk saritx valutazzjoni, flimkien ma’ Transport Malta u l-Pulizija, tal-ħtieġa għall-passaġġi u punti ta’ qsim imdawla aħjar u miżuri biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi?
Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kwalunkwe rapport jew valutazzjoni rilevanti?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1883 u jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati għal kull kilometru kwadru f’Malta u kif din iċ-ċifra titqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika fl-Ewropa ma tinġabarx b’dan il-mod.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1882 u jgħid kemm ġew irreġistrati vetturi ġodda mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-kategorija tagħhom?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
National Transport Master Plan 2030 - Recommendations
Question
With reference to the reply to parliamentary question 1878 regarding the National Transport Master Plan 2030, can the Minister in detail state which recommendations have been implemented and which have not yet been implemented?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Il-Korp tal-Pulizija – Membri – Mental Health First Aiders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-membri li hemm fil-Korp tal-Pulizija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari huma ċċertifikati bħala Mental Health First Aiders?
Il-Korp tal-Pulizija – Membri – Ċertifikati tal-First Aid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-membri li hemm fil-Korp tal-Pulizija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għandhom ċertifikat validu (mhux skadut) tal-First Aid?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li, sal-aħħar ta’ Ottubru 2026, in-numru ta’ uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li huma ċċertifikati bħala First Aiders huwa ta’ 723.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li, sal-aħħar ta’ Ottubru 2026, it-total ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija kien ta’ elfejn, tliet mija u erbgħa u sittin (2,364) uffiċjal. Ma’ dawn kien hemm ukoll tliet mija u sebgħa u disgħin (397) impjegat ċivili.
Fid-dawl ta’ bosta inċidenti li jinvolvu turisti f’Paceville u s-Swieqi, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex tiżdied is-sigurtà f’dawn il-lokalitajiet?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsijiet parlamentari illi ghamlu l-kollegi tagħha fuq l-istess materja, senjatament Nri. 3813, 4172 u 1464.