Legislature:
Category:
Reset
Active:

Park and Ride – Rotot 401-406

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġarru passiġġieri fuq Rotot 401-406 (Park and Ride) minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ passiġġieri li nġarru fuq ir-Rotta 406, mill-introduzzjoni tagħha fil- 5 ta’ Mejju li għadda sal-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ 7,677. Fir-rigward tar-rotta 401, minn Settembru tas-sena 2025 sal-aħħar ta’ Ġunju rat 57,357 l-passiġġier.

Toroq – Għoti ta’ asfalt wara x-xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35754 tal-Erbatax-il Leġiżlatura, fejn intqal li “Wara li jsiru xogħlijiet ta’ trinek mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew minn Enemalta, dawn jerġgħu jinksew bit-tarmak skont il-kundizzjonijiet maħruġin minn Transport Malta.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-kundizzjonijiet jistipulawx perjodu ta’ żmien sakemm l-asfalt irid jerġa’ jsir wara tali xogħlijiet, peress li huwa nnutat li wara li t-trinek jiġu miksija bil-konkos, ħafna drabi jitħallew f’dan l-istat għal ġimgħat jew saħansitra xhur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-każ ta’ permessi ordinarji, l-asfaltar mill-ġdid huwa inkluż bħala parti mix-xogħlijiet li għandhom jitlestew fil-perjodu ta’ validità tal-permess. Fil-każ ta’ permessi ta’ emerġenza, il-prijorità immedjata tkun it-tiswija tal-ħsara fl-infrastruttura. Madankollu, it-trinka tibqa’ titqies bħala każ mhux magħluq sakemm jitlesta l-asfaltar mill-ġdid, u Transport Malta tibqa’ ssegwi l-każ sal-konklużjoni tiegħu.

Proġett tal-pjazza ta’ Buġibba

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 677 dwar il-proġett tal-pjazza ta' Buġibba, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti l-ispiża separata ta’ kull parti tal-proġett li semma fl-istess tweġiba?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 677.

NPICU – Trabi mwielda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mit-trabi mwielda minn ommijiet fil-kategoriji tal-età ta' taħt l-20 sena, 20–24 sena, 25–29 sena, 30–34 sena, 35–39 sena, 40–44 sena u 45 sena jew aktar kienu jeħtieġu kura fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), mis-sena 2018 sal-aħħar sena li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Neonates reported as being transferred to NPICU immediately or very soon after delivery by maternal age group 2018-2025 <20 20-24 25-29 30-34 35-39 40-44 45+ Total 2018 4 18 49 76 38 8 0 193 2019 22 26 66 83 40 6 1 244 2020 8 26 63 64 33 6 0 200 2021 6 18 43 59 41 6 0 173 2022 8 12 50 74 38 15 4 201 2023 10 22 58 113 50 8 2 263 2024 8 32 58 116 47 9 6 276 2025 11 19 65 107 59 13 5 279 Source: National Obstetrics Information System (NOIS) DHIR

Nisa li kellhom l-ewwel tarbija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta' nisa li kellhom l-ewwel tarbija tagħhom fil-kategoriji ta' taħt l-20 sena, 20–24 sena, 25–29 sena, 30–34 sena, 35–39 sena, 40–44 sena u 45 sena jew aktar, mis-sena 2020 sal-aħħar ħin li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi second hand u karozzi ġodda impurtati – Snin 2000 sa 2012

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati u reġistrati karozzi second hand mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew impurtati karozzi ġodda fl-istess perjodu u ċjoè; mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 887 u jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa b’kollox dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fil-Mosta jinsab fl-ewwel fażi tiegħu. In-nefqa tal-ispejjeż tkun tista’ tingħata meta jitlesta x-xogħol ta’ rinovazzjoni.

TZRA – Xogħlijiet – Sena 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol twettaq mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA) matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol hu ppjanat li jsir matul ix-xhur li baqa’ f’din is-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

TZRA – Xogħlijiet – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol twettaq mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA) matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Gżejjer ta’ San Pawl – Statwa ta’ San Pawl – Floodlight

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 557 dwar il-‘floodlights’ tal-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol meħtieġ u l-istatwa terġa’ tixgħel?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li t-tiswijiet saru u l-istatwa qeda tiġi mdawla kull filghaxija bi sistema tal-panelli.

Persuni b’diżabilità – Parkeġġi riservati – Sena 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità ġew allokati fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont jekk dawn kinux parkeġġi personalizzati jew parkeġġi komunali?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ijirreferi għal Mistoqsija Parlamentari 1240.

Persuni b’diżabilità – Parkeġġi riservati – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità ġew allokati fis-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont jekk dawn kinux parkeġġi personalizzati jew parkeġġi komunali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2025, ġew allokati 591-l parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilita Dawn il-permessi ħarġu wara li l-applikanti kollha għaddew minn proċess ta’ skrutinju minn bord mediku maħtur mill-Aġenzija Sapport.

Knejjes u kappelli – Xogħol ta’ restawr

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kunsilli lokali qegħdin iwettqu xogħol ta’ restawr fuq knejjes u kappelli? Tista’ tgħid ukoll, fuq liema knejjes u kappelli qed isir dan ir-restawr, għal kull kunsill u f’kull każ tgħid kif ser ikun iffinanzjat dan ir-restawr?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Art agrikola abbandunata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-kiri ta’ art agrikola (qbiela) jesiġu dejjem li din l-art tinħadem għal skopijiet agrikoli. Fir-rigward ta’ azzjoni li tittieħed, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-liġi speċjali li l-Gvern ħabbar iktar kmieni f’din l-aħħar sena fejn dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom raba, kemm franka kif ukoll tal-Gvern, ġew obbligati li jirreġistraw din ir-raba u jgħatu rendikont tal-ħidma tagħhom fuq din ir-raba.

Dipendenza fuq prodotti agrikoli importati – Tnaqqis – Passi konkreti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq prodotti agrikoli importati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-15 ta’ Lulju għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuq il-White Paper dwar il-Politika Agrikola Nazzjonali. Il-politika proposta tinkludi diversi miżuri li, kemm direttament kif ukoll indirettament, jappoġġjaw il-produzzjoni lokali u jsaħħu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-bdiewa lokali, filwaqt li jippromwovu produzzjoni ta’ kwalità. Insemmi wkoll l-Istrateġija Nazzjonali għal Sistemi tal-Ikel Reżiljenti 2025-2034 li hija intiża biex issaħħaħ il-produzzjoni lokali u tnaqqas il-vulnerabbiltà li tirriżulta mid-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ikel. Fost dawn il-miżuri hemm il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura agrikola u tas-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, it-tisħiħ bejgħ dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, kif ukoll inizjattivi biex jiżdied id-dħul tal-bdiewa u tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika tal-produzzjoni lokali. L-Istrateġija tipprevedi wkoll appoġġ akbar lill-bdiewa fuq skala żgħira, miżuri biex jiġu attirati ġenerazzjonijiet ġodda lejn is-settur agrikolu, u interventi biex jiġi żgurat użu aħjar tal-art agrikola permezz ta’ riformi u inċentivi mmirati. Barra minn hekk, hemm ukoll l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-użu ta’ teknoloġiji moderni u sostenibbli fl-agrikoltura, filwaqt li qed isaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-ikel u jinkoraġġixxi prattiki aktar sostenibbli fil-produzzjoni tal-ikel. Inkompli nżid ngħid li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) qed tikkontribwixxi wkoll b’mod konkret biex tissaħħaħ il-produzzjoni agrikola lokali u titnaqqas id-dipendenza fuq prodotti importati permezz tal-implimentazzjoni ta’ diversi interventi taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Dawn jinkludu l-pagamenti diretti lill-bdiewa, fosthom il-Complementary Income Support (CIS) u l-Eko-Skema Benefiċċju għall-Biedja Diversifikata u Sostenibbli (BDW), li jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex tinżamm il-produzzjoni agrikola u tiġi msaħħaħa l-vijabbilta tal-irziezet. Barra minn hekk, ARPA flimkien mal-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej tamministra skemi ta’ investiment produttiv li jassistu lill-bdiewa u lill-produtturi biex jimmodernizzaw l-operat tagħhom, itejbu l-effiċjenza, iżidu r-reżiljenza tas-settur u jsaħħu l-kapaċità produttiva lokali. Fost dawn liskemi hemm importanza ghal bdiewa żgħażagħ li qed jippromwovi wkoll it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu permezz ta’ miżuri mmirati f’pagamenti diretti kif ukoll investimenti lejn bdiewa żgħażagħ sabiex tiġi żgurata l-kontinwita tal-produzzjoni agrikola fil-futur. Fl-istess ħin, l-intervent settorjali fil-qasam tal-apikultura qed jappoġġja s-sostenibbilta u l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-għasel lokali, filwaqt li l-Iskema Nazzjonali għall-Benesseri tal-Majjali tkompli tgħin lis-settur tal-majjali biex iżomm livelli għoljin ta’ produzzjoni u jsaħħaħ il-kompetittivita tiegħu. Dawn il-miżuri kollha flimkien jikkontribwixxu biex tissaħħaħ is-sigurta’ alimentari tal-pajjiż, inżidu l-kapaċità tal-pajjiż li jipproduċi aktar ikel u titnaqqas id-dipendenza fuq importazzjonijiet agrikoli.

Biedja organika – Persentaġġ ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta’ art (kif ukoll f’termini reali) li jitqies bħala biedja organika?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-aħħar data disponibbli, l-art ċertifikata bħala biedja organika tammonta għal 66.1623 ettaru, filwaqt li 2.1425 ettaru oħra jinsabu fil-perjodu ta’ konverżjoni għall-biedja organika.

Prodott agrikolu lokali – ‘Unfair trading practices’ – Proċess ta’ reviżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex il-proċess biex jirrevedi ‘unfair trading practices’ li qed jaffettwaw il-prodott agrikolu lokali? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal u meta se jkun iffinalizzat il-proċess ta’ reviżjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Unjoni Ewropea qed tkompli ssaħħaħ il-qafas legali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agroalimentari. Għalkemm id-Direttiva (UE) 2019/633 għadha ma ġietx emendata formalment, ġew introdotti miżuri ġodda biex jissaħħaħ il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar transkonfinali, filwaqt li evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li, minkejja r-riżultati pożittivi tagħha, għad hemm sfidi relatati man-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet mil-operaturi, il-biża’ ta’ ritaljazzjoni, u differenzi fl-infurzar bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji reviżjoni tad-Direttiva sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-bdiewa u operaturi fi ħdan il-katina tal-ikel, testendi l-lista ta’ prattiki pprojbiti, ittejjeb il-protezzjoni tal-ilmentaturi u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista alimentari. F'dan il-kuntest, rappreżentant tal-Bord dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti żamm ruħu aġġornat b'dawn l-iżviluppi fil-livell tal-Unjoni Ewropea u informa lill-Bord stabbilit dwar il-bidliet proposti. Madankollu, dawn l-iżviluppi ma kellhomx impatt fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, prinċipalment minħabba n-numru negliġibbli ta' talbiet jew każijiet ta' natura transkonfinali rrappurtati f'dan il-qasam.

Bdiewa – Prezzijiet tal-prodotti – Sehem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li l-bdiewa jirċievu sehem ġust mill-prezzijiet tal-prodotti tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li permezz tal-Malta Food Agency, dan il-Gvern qiegħed jieħu diversi inizjattivi bil-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fis-suq u joħloq kundizzjonijiet li jgħinuhom jiksbu sehem aktar ġust mill-valur finali tal-prodotti tagħhom. Fost dawn l-inizjattivi hemm it-tisħiħ kontinwu tal-ġestjoni u tal-operat tal-Pitkalija, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli. Dan għandu jgħin sabiex il-proċess tal-bejgħ ikun aktar ċar u effiċjenti għall-produtturi u għall-operaturi kollha involuti. L-Aġenzija qiegħdha wkoll taħdem fuq inizjattivi ta’ marketing u żvilupp tan-negozju sabiex tippromwovi l-prodott lokali, issaħħaħ l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-valur u l-kwalità tiegħu, u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ bejgħ għall-produtturi Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, permezz ta’ opportunitajiet ta’ bejgħ dirett, il-bdiewa jistgħu jilħqu lill-konsumaturi u lill-operaturi kummerċjali b’mod aktar dirett. Dan jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq l-intermedjarji u jagħti lill-produtturi opportunità li jżommu sehem akbar mill-valur tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom. Qed tingħata wkoll assistenza u gwida lill-bdiewa sabiex itejbu l-klassifikazzjoni, il-gradazzjoni, il-preżentazzjoni u l-istandards tal-prodotti tagħhom. Dan jgħin sabiex il-prodott lokali jkun aktar kompetittivi, ikun f’pożizzjoni li jikseb valur aħjar fis-suq u jilħaq b’mod aktar effettiv l-aspettattivi tal-konsumaturi u tax-xerrejja kummerċjali. Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern ser ikompli jaħdem sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-produttur lokali fil-katina tal-provvista u jtejjeb l-opportunitajiet tiegħu li jikseb redditu aktar ġust għall-prodotti tiegħu.

Art agrikola abbandunata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) nediet Skema ta' Inċentiv Finanzjarji għat-Trasferiment Temporanju ta' Art Agrikola , li permezz tagħha sidien ta' art agrikola jew dawk illi għandhom qbiela ta' art agrikola minn għand l-Awtorita' tal-artijiet li mhix tintuża jew użata minimament, ġew mħeġġa jgħaddu tali art lill-Aġenzija RAM għal perjodu temporanju ta' tlett snin. Sussegwentement, din l-art qiegħda tiġi eżaminata u ser tkun qed tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-produzzjoni tal-ikel. L-għan tal-iskema huwa li tnaqqas l-abbandun tal-art, iżżid l-użu produttiv tal-art agrikola u tiffaċilita aċċess akbar għall-art minn bdiewa attivi. Barra minn hekk, konġuntament, RAM nediet Skema ta' Kiri Temporanju ta' Art Agrikola , li permezz tagħha art agrikola ġestita mill-Aġenzija tista' tiġi allokata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa kklassifikati taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5 għall-kultivazzjoni u għall-produzzjoni tal-ikel. Din l-iskema tappoġġja l-użu attiv tal-art agrikola disponibbli, issaħħaħ il-produttività agrikola u tikkontribwixxi għal żieda fil-produzzjoni tal-ikel. RAM ser tkun qed tniedi skemi oħra fejn tidħol art agrikola li mhix tintuża u li hija tal-Gvern sabiex din tkun tista' titqassam ukoll lil dawk il-bdiewa żgħażagħ u lil dawk li jixtiequ jidħlu sabiex din l-art tiġi allokata lilhom għall-produttivita' u produzzjoni tal-ikel.

Telephone Rent Rebate

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hemm benefiċjarji anzjani li jieħdu t-Telephone Rent Rebate, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta’ benefiċċjarji anzjani li jieħdu t-Telephone Rent Rebate, maqsuma lokalità b’lokalità.