Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Maltija tal-Films – Bilanċ Fiskali

Question

Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri annwali sħaħ (mhux kumulattivi) tal-Bilanċ Fiskali tal-Kummissjoni Maltija tal-Films bejn l-2018 u l-2025, maqsuma sena b’sena, inkluż is-sena 2024 fejn ġie rreġistrat bilanċ negattiv?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

SportMalta – Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet sportivi huma amministrati minn SportMalta u għal kull waħda minnhom jindika: i.    il-baġit annwali għall-manutenzjoni; ii.   x’kienet l-ispiża matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; iii.   jekk hemmx xogħlijiet pendenti; u iv.   meta huma mistennija jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li SportMalta tamministra l-Cottonera Sports Complex, il-Marsa Sports Complex, in-National Pool Complex, il-Kirkop Sports Complex, Ta’ Kandja Shooting Range u l-M’Assumpta Sports Complex. L-allokazzjoni annwali għall-manutenzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet hija ta’ madwar €500,000. Din l-allokazzjoni tkopri l-manutenzjoni ordinjarja u ma tinkludix nefqa relatata ma’ proġetti kapitali jew investimenti infrastrutturali. In-nefqa fuq il-manutenzjoni kienet ta’ madwar €400,000 matul is-sena 2025, filwaqt li sal-lum fl-2026 tammonta għal madwar €200,000. Il-manutenzjoni tal-faċilitajiet titwettaq b’mod kontinwu u skont il-ħtiġijiet operattivi ta’ kull sit, sabiex dawn jibqgħu f’kundizzjoni tajba u jkunu jistgħu jkomplu jservu lill-utenti tagħhom. Minbarra l-manutenzjoni ta’ rutina, qed jitwettqu wkoll diversi interventi ta’ manutenzjoni straordinarja u titjib infrastrutturali, fosthom ix-xogħlijiet fuq is-saqaf u l-upgrade tas-sala prinċipali tal-Cottonera Sports Complex, li huma mistennija jitlestew sa Settembru. Qed jitmexxew ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-grawnd ta’ Ħal Kirkop permezz ta’ sejħa għall-offerti maħruġa mill-Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS), filwaqt li l-estensjoni tal-M’Assumpta Sports Complex tinsab għaddejja.

AIMS – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta' konsulenti li għandha l-AIMS, jgħid kemm tħallsu mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minnhom għadhom attivi u jekk humiex on a retainer basis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid: i.    jekk il-Gvern iqisx li t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa biżżejjed sabiex jindirizza r-riskji li jistgħu jirriżultaw minn kriżi internazzjonali li taffettwa kemm il-provvista tal-elettriku minn Sqallija kif ukoll il-provvista tal-LNG; ii.   x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Gvern f’każ li, minħabba kriżi internazzjonali jew ġeopolitika, Malta tiffaċċja diffikultajiet kemm fl-importazzjoni tal-elettriku kif ukoll fil-provvista tal-LNG; iii.   jekk sarux studji jew stress tests dwar ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija ta’ Malta f’xenarju fejn il-provvista tal-elettriku minn Sqallija u l-importazzjoni tal-LNG jiġu affettwati fl-istess ħin u jekk iva, meta saru u x’kienu l-konklużjonijiet ewlenin tagħhom; u iv.   x’miżuri addizzjonali qed jippjana l-Gvern sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija għal Malta u jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi ta’ enerġija importati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żieda tal-popolazzjoni – Studji dwar l-impatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux studji jew valutazzjonijiet dwar l-impatt li popolazzjoni ta' 800,000 persuna jkollha fuq l-infrastruttura, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u r-riżorsi naturali? Jekk iva, jista’ jqiegħed dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 1761.

Projezzjoni tal-popolazzjoni – Mudell ekonomiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex valida l-projezzjoni li għamel dwar popolazzjoni ta' madwar 800,000 sal-2040 taħt il-mudell ekonomiku attwali? Jekk iva, jista’ jgħid x'passi konkreti ttieħdu minn meta saret dik id-dikjarazzjoni sabiex il-mudell ekonomiku ta' Malta jsir aktar ibbażat fuq produttività u valur miżjud, milli fuq żieda fil-forza tax-xogħol?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 1761.

Projezzjoni tal-popolazzjoni – Politika ekonomika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jadotta bħala bażi tal-politika ekonomika tiegħu l-projezzjoni msemmija mill-Ministru għall-Finanzi li, jekk il-mudell ekonomiku attwali jibqa' l-istess, il-popolazzjoni ta' Malta tista' tilħaq it-800,000 sal-2040? Jekk le, jista’ jgħid x'inhi l-projezzjoni uffiċjali tal-Gvern illum?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-figuri relatati mal-popolazzjoni ta’ pajjiżna huma pubbliċi u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax projezzjonijiet tal-popolazzjoni ta’ Malta. Il-Gvern qed jimplimenta miżuri effettivi bħala parti mil-Labour Migration Policy. Din hija msejsa fuq il-prinċipju ewlieni li ħaddiema minn pajjiżi terzi jidħlu biss f'pajjiżna fis-setturi fejn verament hemm il-ħtieġa, fosthom is-saħħa, il-kura tal-anzjani u s-settur turistiku. Minn mindu ddaħħlet il-Labour Migration Policy, pajjiżna rreġistra t-tieni l-anqas bilanċ nett ta’ ħaddiema barranin mill-2017. Mill-banda l-oħra l-Gvern ma jaqbilx mal-pożizzjonijiet uffiċjali li ħadet l-Oppożizzjoni, fosthom ir-regolarizzazzjoni ta’ barranin li jinsabu f’pajjiżna llegalment u t-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema li jkunu għadhom jaslu f’pajjiżna. Dawn huma deċiżjonijiet żbaljati li jippermettu influss akbar ta’ persuni barranin lejn pajjiżna.

Mental Health Helpline 1579 - Persuni li għamlu użu minnha

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna għamlet użu mill-Mental Health Helpline 1579 mit-twaqqif tagħha sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-gruppi ta’ età kif ġej: i.    taħt it-18-il sena; ii.   18 sa 24 sena; iii.   25 sa 44 sena; iv.   45 sa 64 sena; u v.    65 sena jew aktar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Year Total number of persons Age Minors 18-24 25-44 45-64 65+ N/A 2022 (from 09/11/2022) 664 4 8 66 131 141 314 2023 2955 11 93 209 1295 662 685 2024 5728 27 171 718 2226 881 1705 2025 5326 25 164 652 2069 728 1688 2026 (till 18/07/2026) 3063 21 113 387 1152 436 954

Mental Health Helpline 1579 - Persuni li għamlu użu minnha

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna għamlet użu mill-Mental Health Helpline 1579 mit-twaqqif tagħha sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Year Total number of persons Gender Males Females No info 2022 (from 09/11/2022) 664 298 337 29 2023 2955 1368 1544 43 2024 5728 2647 3029 52 2025 5326 2481 2798 47 2026 (till 18/07/2026) 3063 1421 1604 38

Mental Health Helpline 1579 - Telefonati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irċeviet telefonati l-Mental Health Helpline 1579 mill-bidu tas-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: 2024 January 744 February 767 March 780 April 769 May 753 June 738 July 913 August 876 September 796 October 1018 November 885 December 791 2025 January 881 February 688 March 909 April 912 May 862 June 811 July 982 August 1062 September 1007 October 1340 November 1014 December 867 2026 January 847 February 717 March 693 April 768 May 783 June 773 July (till 18/07/2026 477

Mental Health Helpline 1579 - Telefonati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irċeviet telefonati l-Mental Health Helpline 1579 mit-twaqqif tagħha sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Year Total number of calls 2022 (from 09/11/2022) 911 2023 7636 2024 9830 2025 11335 2026 (till 18/07/2026) 5058 Grand total to date: 34770

POYC - Ħalib PaediaSure - Data ta’ skadenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1151 u jgħid għaliex il-ħalib PaediaSure li tqassam mill-POYC matul Lulju 2026 kellu data ta’ skadenza ta’ 07/2026 meta l-pazjenti normalment jingħataw provvista li tkun maħsuba biex isservihom għal xahrejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li s-CPSU dejjem jagħti stock li d-data ta' skadenza tiegħu tkun għadha valida.

Tobba, nurses u AHP - Riżenji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1150 u jgħid kemm irriżenjaw tobba, infermiera, Allied Health Professionals (AHP) f'kull grad, mis-settur pubbliku bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Skejjel – Textbooks – Involviment tal-edukaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-edukaturi humiex involuti b’mod dirett fl-għażla, ir-reviżjoni u l-evalwazzjoni tat-textbooks qabel ma jiġu introdotti fil-klassijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li li l-evalwazzjoni tar-riżorsi edukattivi hija proċess kontinwu li jsir permezz ta’ diversi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u feedback. Id-Direttorat jaħdem b’mod regolari mal-edukaturi u mat-tmexxija tal-iskejjel sabiex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom aċċess għal riżorsi edukattivi ta’ kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom.

Sena skolastika 2026-2027 – Textbooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew introdotti textbooks ġodda jew riveduti għas-sena skolastika 2026–2027? Jista’ jgħid ukoll jekk l-għalliema ngħatawx biżżejjed żmien biex jippreparaw ruħhom fid-dawl ta’ dawn il-bidliet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Direttorati u d-Dipartimenti rispettivi jirrevedu u jevalwaw b’mod regolari r-riżorsi edukattivi u t-textbooks użati fl-iskejjel, sabiex jiġi żgurat li jibqgħu allinjati mas-sillabi u mal-ħtiġijiet edukattivi. Meta jitqies meħtieġ, jiġu introdotti kotba jew edizzjonijiet ġodda, isiru aġġornamenti tar-riżorsi eżistenti jew jiġu adottati skemi differenti, wara l-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-edukaturi u mal-partijiet konċernati. Dan huwa proċess kontinwu li jsir skont il-ħtiġijiet pedagoġiċi u l-iżviluppi fil-kurrikulu, bil-għan li l-istudenti u l-edukaturi jkollhom aċċess għal riżorsi ta’ kwalità. Infurmat li d-Dipartiment tal-Malti jevalwa b’mod regolari kotba ġodda li jiġu ppubblikati u sottomessi mill-pubblikaturi. Il-kotba li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sillabu u l-kriterji pedagoġiċi jiġu inklużi fil-lista tal-kotba approvati, minn fejn l-għalliema jagħżlu r-riżorsi li jqisu l-aktar xierqa għall-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom. Matul dan il-proċess ġew introdotti xi kotba ġodda kemm fil-livell tal-Iskola Primarja kif ukoll tal-Iskola Medja fil-qasam tal-lingwa. Barra minn hekk, il-kotba tal-qari jiġu evalwati kontinwament kemm mid-Dipartiment tal-Malti kif ukoll mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, sabiex il-lista ta’ kotba rakkomandati tibqa’ aġġornata. Fir-rigward tal-letteratura fil-livell Sekondarju, saret reviżjoni tal-ktieb preskritt u ġiet ippubblikata ristampa tiegħu. Fil-qasam tal-Ingliż fil-Primarja, il-kotba wkoll jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni biex jiġi żgurat li jkunu allinjati mas-sillabu, filwaqt li l-iskejjel jagħżlu l-iskemi li l-aħjar jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom. F’oqsma oħra tas-sillabu, isiru evalwazzjonijiet perjodiċi bbażati wkoll fuq il-feedback tal-edukaturi. Pereżempju, fil-Primarja, qed tkun ippjanata evalwazzjoni tar-riżorsi tal-Istudji Soċjali li ser tibda matul din is-sena. Fir-rigward tal-bidliet fl-iskemi ta’ kotba, ma sarux tibdiliet sostanzjali, ħlief fil-każ tal-Matematika fil-Primarja, fejn numru ta’ skejjel talbu li jadottaw skema differenti. F’dawn il-każijiet, il-bidla saret b’koordinazzjoni bejn l-iskejjel u t-timijiet tad-Dipartiment tal-Matematika sabiex tiġi żgurata preparazzjoni adegwata. Fil-każ tas-suġġett tal-Engineering Technology, ġie introdott ktieb ġdid għal waħda mis-snin, żviluppat bil-kontribut dirett tal-edukaturi tas-suġġett.

Skejjel tal-Istat – Textbooks – Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi għall-provvista tat-textbooks fl-iskejjel tal-Istat matul l-aħħar tliet snin u jekk din l-allokazzjoni żdiditx?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-allokazzjoni għall-provvista tat-textbooks fl-iskejjel tal-Istat żdiedet fl-2024 u baqgħet tinżamm fil-livell meħtieġ fis-snin ta’ wara sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-proċess ta’ akkwist. Infurmat ukoll li, matul l-aħħar snin, in-nefqa baqgħet dejjem fi ħdan il-fondi allokati għal dan l-iskop. Fir-rigward tas-sena 2026, in-nefqa finali tkun tista’ tiġi stabbilita biss wara li jitlesta l-proċess kollu tal-akkwist u d-distribuzzjoni tat-textbooks kif jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Nefqa 2024 €1,731,762 2025 €1,478,698 2026 In-nefqa finali tiġi stabbilita wara li jitlesta l-proċess tal-akkwist u d-distribuzzjoni tat-textbooks.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 926 u 1116 u jgħid jekk sarx rapport tekniku jew stħarriġ strutturali dwar il-kundizzjoni tal-Maħras ta’ Tabibu, f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta sar u x’kienu l-konklużjonijiet tiegħu?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi filwaqt li s-Sovrintendenza għal Wirt Kulturali dejjem tħeġġeġ ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Patrimonju Kulturali, ġejt infurmat li ġie kkonfermat li l-binja msemmija mhijiex propjeta’ tal-Gvern.

BCA – Liġi Sussidjarja 623.08 – Kontravenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1001 u ċjoè; B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 574, jista' l-Ministru jgħid il-kontravenzjonijiet imsemmija għal kemm jammontaw bħala flus, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-flus tħallsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li b’kollox dawn il-kontravenzjonijiet jammontaw għat-total ta’ €463,300 u li minnhom tħallsu €349,050, kif ġej: Sena 2022: Il-liġi kienet għadha tiġi nfurzata minn entità oħra Sena 2023: Inħarġu b’kollox €143,450 u li minnhom tħallsu €108,300 Sena 2024: Inħarġu b’kollox €148,650 u li minnhom tħallsu €120,200 Sena 2025: Inħarġu b’kollox €120,050 u li minnhom tħallsu €93,850 Sena 2026: Inħarġu sa’ issa €51,150 u li minnhom tħallsu €26,700.

Ombudsman – Opinjoni finali dwar pensjoni tas-servizz ta’ grupp ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni beħsiebu jieħu l-Gvern rigward l-opinjoni finali tal-Ombudsman dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jittratta diskriminazzjoni ma’ grupp ta’ għalliema fil-pensjoni tas-servizz, u li ngħataw raġun mill-Ombudsman, liema rapport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Onor. David Agius fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2023 (P.L. 02597)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.