Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Rekords mediċi miżmuma

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1777 u tgħid x’tip ta’ rekords mediċi qegħdin jinżammu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fir-rigward tal-annimali li jinsabu taħt il-kura tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li meta annimal jidħol fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, jiġi assenjat Patient Number u jinħariġlu Admission Patient Medical Record li jkun abbinat miegħu.  Dan id-dokument jimxi mal-annimal meta jiġi trasferit għand il-kliniċi veterinarji (kemm interni kif ukoll privati) li jkunu qed jintużaw f’dak iż-żmien.  Id-dettalji tal-ewwel eżaminazzjoni tal-annimal jitniżżlu fuq dan id-dokument. Kwalunkwe eżaminazzjonijiet jew proċeduri li jsiru fil-futur jiġu mniżżlin fuq Examination Record (jekk issir internament) jew Follow-Up Patient Medical Record (jekk issir privatament). Apparti rekords fiżiċi, jinżammu wkoll dawk diġitali. Id-dettalji ġenerali, riżultati importanti ta’ testijiet tad-demm tal-annimal, u dettalji tal-Call tal-Ambulanza jitniżżlu f’Excel Sheets li jżommu detallji tal-pazjenti kollha li jkunu daħlu fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f’sena partikolari.  Rekords diġitali iktar dettaljati fuq pazjenti individwali jiġu miżmuma mis-sezzjoni relevanti (Qtates jew Klieb), fejn jitniżżlu problemi mediċi, trattamenti pjanati, dati ta’ vaċċini u trattamenti kontra l-parasiti, u kwalunkwe informazzjoni relevanti.

In-Naxxar – Każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ serq fin-Naxxar mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Imterpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar 2026 u il-21 ta’ Lulju tal-istess sena, fis-sistema elettronika tal-Pulizija ġew rreġistrati tmienja u tletin (38) rapport ta’ serq fin-Naxxar.

L-Iklin – Każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ serq fl-Iklin mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Imterpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar 2026 u il-21 ta’ Lulju tal-istess sena, fis-sistema elettronika tal-Pulizija ġew rreġistrati ħmistax (15) -il rapport ta’ serq fl-Iklin.

Ħal Lija – Każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ serq f’Ħal Lija mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar 2026 u il-21 ta’ Lulju tal-istess sena, fis-sistema elettronika tal-Pulizija ġew rreġistrati erba’ (4) rapporti ta’ serq f’Ħal Lija .

Birkirkara – Każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ serq f’Birkirkara mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar 2026 u il-21 ta’ Lulju tal-istess sena, fis-sistema elettronika tal-Pulizija ġew rreġistrati disa’ u disgħin (99) rapport ta’ serq f’Birkirkara.

Mediċini fis-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema mediċini fis-saħħa mentali, minbarra Sertraline u Escitalopram, qed jiġu kkunsidrati biex jingħataw b’xejn fuq il-ħames skeda? Jista' jgħid ukoll kemm ilu quddiem il-Ministeru għall-konsiderazzjoni r-rapport tal-esperti psikjatriċi li jirrakkomanda x’mediċini b’xejn għandhom jingħataw lill-pazjenti u jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-clinical pathway ġiet sottomessa fl-2021. Minn dak iż-żmien il-mediċini għaddew mill-proċessi ta’ evalwazzjoni u akkwist, b’uħud minnhom, inkluż is-Sertraline, diġà ġew introdotti u oħrajn bħall-Escitalopram u oħrajn mistennija jkunu disponibbli dalwaqt.

Mediċini Sertraline u Escitalopram

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-Gvern kien ilu s-snin jikkonsidra li jdaħħal fil-Formularju tal-mediċini b’xejn l-iktar żewġ mediċini użati f’Malta għall-ansjetà u d-dipressjoni u ċjoè; is-Sertraline u l-Escitalopram, u jgħid jekk dawn ġewx mixtrija mingħand l-aġent qabel l-aħħar ta’ Mejju 2026 imma għandhom ma ngħatawx? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex? Fid-dawl li l-Gvern issa ħabbar l-introduzzjoni tas-Sertraline fuq il-formolarju tal-Gvern, jista’ jagħti indikazzjoni ċara dwar meta l-mediċina Escitalopram ser issib postha fuq il-formolarju għall-benefiċċju ta’ pazjenti bi problemi ta' saħħa mentali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sertraline daħal fil-formularju u l-escitalopram wasal biex jidħol ukoll fil-futur qarib.

Mediċina Methylphenidate Slow Release

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bejn April u Mejju min kien intitolat għall-mediċina Methylphenidate Slow Release ġiex mogħti l-mediċina branded ‘Concerta’? Jekk iva, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni li minn Ġunju dawn il-pazjenti reġgħu bdew jingħataw mediċina ġenerika u ma baqgħux jingħataw mediċina ta' kwalità prima?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi minnu, persuni li kienu intitolati għal methylphenidate slow-release ngħataw mediċina ta’ marka partikolari li tirrifletti l-prodott li ġie mixtri u allura kien disponibbli (Concerta®).  Aktar tard, meta ġiet akkwistata ditta oħra ta’ l-istess mediċina, dawn il-pazjenti komplew il-kura tagħhom bit-tieni prodott, peress li l-intitolament tagħhom huwa għall-mediċina ġenerika u mhux għall-marka speċifika. Min-naħa l-oħra, pazjenti li fuq rakkomandazzjoni medika u approvazzjoni tal-bord kompetenti fi ħdan l-EMTC, ġew awtorizzati speċifikament għal Concerta®, kienu u baqgħu jingħataw Concerta®.

Mediċina Lisdexamphetamine

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: i.    għaliex il-mediċina Lisdexamfetamine (magħrufa bl-ismijiet kummerċjali Elvanse u Elvanse Adult), minkejja li hija awtorizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tirrappreżenta għażla terapewtika importanti b'mod partikolari għal dawk il-pazjenti li ma jirrispondux b'mod adegwat għall-methylphenidate, għadha mhijiex inkluża fil-Formularju tal-Gvern u għaldaqstant mhijiex aċċessibbli għall-pazjenti Maltin permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC); u ii.    jekk il-Ministeru hux beħsiebu jinkludi din il-mediċina fil-Formularju tal-Gvern,  u jekk iva, meta huwa mistenni li dan iseħħ, u jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li wasslu għal din id-deċiżjoni?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1913.

Formularju tal-Gvern – Mediċina Lisdexamphetamine

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hix diġà ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li tidħol fil-Formularju tal-Gvern il-mediċina importanti fl-ADHD magħrufa bħala Lisdexamphetamine? Jekk iva, jista' jgħid għalfejn dan id-dewmien sabiex din tidħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mediċina qed tiġi kkunsidrata flimkien mal- Guanfacine u mediċini oħra.  Qed isir kull sforz biex dawn il-mediċini jimxu ’l quddiem, sabiex ikollna firxa aktar wiesgħa ta’ għażliet terapewtiċi għall-immaniġġjar tal-ADHD.

Formularju tal-Gvern – Mediċina Guanfacine

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li l-mediċina Guanfacine 1, 2 u 3mg tidħol fil-Formularju tal-Gvern taħt il-ħames skeda peress li din hija l-iktar mediċina safe li tista' tintuża f'kundizzjonijiet ta' newrodiversità u hija għolja għall-konsumatur b'riskju li minflok, jintużaw  antipsikotiċi li mhumiex daqshekk rakkomandati fit-tfal?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirringrazzja lill-Onor. Interpellant tal-mistoqsija tiegħu, ninfurmah li din l-osservazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata.

Foster carers – Aċċess għal servizzi bl-eID

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rimedju qed jiġi offrut lil dawk il-persuni li bħalissa qed jaġixxu bħala foster carers u li ma jistgħux jużaw l-eID tagħhom biex jibbukkjaw it-trasport tal-iskola, jaċċessaw ir-riżultati tal-eżamijiet tat-tfal u r-riżultati relatati mas-saħħa tat-tfal fdati fil-kura tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Bus lanes ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ bus lanes ġodda ġew implimentati mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li juru l-effett tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu msemmi, ma ġewx implimentati bus lanes ġodda. Bħala parti mill-proġett Malta in Motion, l-istudji li qegħdin jitwettqu mill-kumpanija ARUP qegħdin jevalwaw il-ħtieġa u l-postijiet fejn jistgħu jiġu implimentati bus lanes ġodda.

Traffiku – Impatt ekonomiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet konkreti ttieħdu matul l-aħħar 12-il xahar biex it-traffiku ma jibqax jiswa lill-pajjiż madwar €67,000 kull minuta? Jista’ jgħid ukoll x'kien ir-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Transport Malta u Malta Public Transport – KPIs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-Key Performance Indicators (KPIs) uffiċjali li Transport Malta u Malta Public Transport huma obbligati jilħqu kull sena? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt ta’ konċessjoni għall-għoti tas-servizz tat-trasport pubbliku bejn Transport Malta u Malta Public Transport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-17 ta’ Frar 2016, fis-Seduta 358 tat-XII il-leġislatura.