Legislature:
Category:
Reset
Active:

Generators - Lista tal-lokalitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-lokalitajiet fejn intużaw generators temporanji, u għal kull lokalità tispeċifika t-toroq fejn intużaw, kif ukoll id-dati u t-tul ta’ ħin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta investiet f’numru ta’ generators li jintużaw primarjament waqt xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-grid, fejn ikun teknikament possibbli li jitqabbdu sabiex il-konsumaturi jibqgħu jingħataw il-provvista tal-elettriku matul it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, f’każ ta’ ħsarat fuq il-grid, il-generators jintużaw meta xi substations jiġu iżolati u ma jkunx possibbli li l-provvista tiġi restawrata immedjatament. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-konsumaturi affettwati jiġu provduti b’servizz temporanju permezz ta’ dawn il-generators sakemm jitlestew it-tiswijiet meħtieġa u terġa’ tiġi stabbilita l-provvista normali.

Qtugħ fil-provvista tad-dawl - Lista tal-lokalitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-lokalitajiet li mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari esperjenzaw qtugħ fil-provvista tad-dawl, u għal kull lokalità tgħid meta seħħ dan il-qtugħ u jekk dan kienx skedat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien jew minħabba ħsarat lokalizzati, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Klabb 3-16 u Skolasajf - Carers u tutors - Kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rriżultaw li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ carers u tutors fi Klabb 3-16 u Skolasajf li ma kellhomx iċ-ċertifikati u esperjenzi jew warrant neċessarji biex ikunu impjegati mat-tfal? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu rigward ta' dawn il-persuni u jekk dawn il-persuni ntalbux jippreżentaw id-dokumenti li kienu neqsin u jekk intalbux jagħmlu xi tip ta’ taħriġ? Jekk iva, fiex jikkonsisti tali taħriġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li Klabb 3-16 u Skolasajf jimpjegaw persuni f’diversi rwoli, fosthom homework tutors (fil-każ ta’ Klabb 3-16), playworkers u child support workers. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma stabbiliti skont ir-rwol. Homework tutors iridu jkunu għalliema fil-pussess ta’ warrant validu. Playworkers huma meħtieġa jkollhom kwalifika ta’ MQF Livell 3, filwaqt li child support workers iridu jkollhom kwalifika ta’ MQF Livell 4. (Matul il-programm Skolasajf ma jiġix offrut ir-rwol ta’ homework tutor.) Barra minn hekk, kull playworker u child support worker li jibda jaħdem mal-entità u li ma jkollux sfond fil-pedagoġija huwa obbligat jattendi taħriġ preparatorju ta’ disa’ sigħat, organizzat f’kollaborazzjoni mal-Institute for Education (IfE). Dan it-taħriġ jindirizza temi ewlenin bħall-immaniġġjar tal-gruppi, l-inklużjoni, il-ħidma ma’ tfal b’bżonnijiet edukattivi differenti, l-imġiba pożittiva, id-diversità u s-salvagwardja tat-tfal. Kull persuna li tiġi ingaġġata tkun meħtieġa tippreżenta d-dokumentazzjoni relevanti sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tagħha skont il-kriterji stabbiliti għar-rwol rispettiv qabel tibda taqdi d-dmirijiet tagħha.

Childcare Centres - POMA Clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa ż-żmien ta’ stennija li l-operaturi taċ-Childcare Centres idumu biex jirċievu risposta dwar Protection of Minors Applications (POMA) clearance rigward persuni li jixtiequ jimpjegaw? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qegħdin jittieħdu biex l-imsemmija operaturi jingħataw risposta mill-aktar fis possibbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’seduta ohra.

Skejjel tal-Istat – Lingwa uffiċjali tat-tagħlim

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hija l-lingwa uffiċjali tat-tagħlim fl-iskejjel tal-Istat f'Malta u Għawdex, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-lingwi uffiċjali ta’ tagħlim huma l-Malti u l-Ingliż, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti uffiċjali tal-lingwa.

Skejjel tal-Istat – Studenti ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti ta' nazzjonalità barranija fl-iskejjel tal-Istat, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji, u jaqsam din l-informazzjoni skola skola? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm nazzjonalitajiet differenti f'kull skola, u jaqsam din l-informazzjoni skola skola?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika li għaddiet, in-numru ta’ studenti barranin fl-iskejjel tal-Istat kien ta’; Kinder – 1,845 Primarja – 4,963 Middle u Sekondarja – 3,257

MCAST – Studenti li ggradwaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti kull sena minn meta beda x-xogħol tal-bini tal-MCAST il-ġdid, f'Raħal Ġdid, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll f’liema oqsma ggradwaw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni hija skont it-tabella annessi. Year 2002 2003 2004 2005 2006 2007 2008 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 Graduates 337 614 1094 1422 1635 1678 1905 1946 2198 2529 2502 2820 2663 2762 2937 Graduates Year Route 2017 2018 2019 2020 2021 2022 2023 2024 2025 Grand Total Aircraft Maintenance 4 4 Allied Health Sciences 50 59 75 47 45 58 51 76 50 511 Animal Management & Veterinary Nursing 54 38 45 35 40 48 47 79 60 446 Applied Sciences 71 56 57 54 62 63 76 91 80 610 Aquaculture & Fisheries 9 5 8 3 5 4 5 5 4 48 Art & Design 104 90 58 64 64 69 79 80 65 673 Aviation 16 16 Aviation Maintenance 12 31 54 34 109 35 50 47 77 449 Aviation Operations 6 5 11 5 7 11 7 14 18 84 Beauty Therapy 120 92 67 70 87 113 123 129 136 937 Biomedical Engineering 3 4 4 1 12 Building and Construction Engineering 88 103 94 74 76 89 74 88 90 776 Business Management & Commerce 432 382 396 402 409 363 306 432 434 3556 Chemical Technology & Pharmaceutical Sciences (Manufacturing) 15 10 15 14 15 13 4 11 1 98 Childcare 65 73 81 78 82 73 74 47 74 647 Creative Arts 16 26 20 18 14 32 25 34 21 206 Creative Media Production 88 104 73 63 75 60 84 105 56 708 Education 265 296 400 352 295 102 108 163 123 2104 Electrical and Electronics Engineering 112 81 78 39 67 89 87 98 88 739 Engineering 54 75 46 44 54 35 48 62 32 450 Environmental Sciences 32 19 19 9 10 51 17 16 13 186 Fashion Design & Retail 8 5 16 24 19 26 32 130 Finance 15 1 16 Fine Art 25 17 10 14 10 9 11 5 12 113 Game Development (Visual components) 20 9 5 17 9 16 12 12 10 110 Graphic Design 137 33 50 49 42 53 49 57 55 525 Health & Social Care 260 215 143 123 172 136 147 118 175 1489 Health and Safety 4 7 11 Heritage Conservation 3 2 4 3 4 13 10 39 Horticolture & Animal Care 8 7 8 8 9 5 10 9 6 70 Horticulture 7 8 4 1 1 3 11 5 40 Hospitality 3 3 6 22 44 78 Information Technology 297 206 194 167 209 208 215 348 310 2154 Interactive Media 4 9 19 9 9 14 5 7 8 84 Interior & Exterior Design 48 23 12 15 18 18 8 16 17 175 Journalism 7 3 4 5 3 2 4 28 Logistics 2 2 10 26 40 Marine Engineering 10 11 6 3 4 4 7 6 5 56 Maritime 35 20 19 6 18 18 13 20 26 175 Mechanical Engineering 184 103 109 93 92 102 134 120 107 1044 Mechatronics 3 1 4 Nursing 55 95 112 374 347 277 1260 Performing Arts 3 11 3 12 20 19 19 27 18 132 Personal skills 16 41 12 10 11 16 19 23 35 183 Pharmaceutical Sciences 13 5 8 6 4 7 6 7 14 70 Photography 13 6 21 15 18 17 20 20 15 145 Physical Education 2 2 Product Design 3 3 1 5 2 7 1 2 2 26 Public Policy 16 8 1 1 6 4 36 Research 20 16 23 15 27 25 24 150 Security 35 29 33 61 61 46 68 71 404 Software Development 202 148 169 169 184 157 196 172 179 1576 Sports & Coaching 69 83 100 116 144 139 139 202 176 1168 Tourism 15 14 29 Trade Skills 10 9 19 Vocational Education Pedagogy & Research 36 51 2 43 48 44 7 20 251 Grand Total 2950 2618 2615 2350 2753 2527 2806 3329 3144 25092

Att dwar il-Kompetizzjoni – Artikolu 9 – Investigazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 974 dwar investigazzjonijiet li saru da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) minħabba allegat ksur tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379), jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom pendenti dawn l-investigazzjonijiet?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi żewġ investigazzjonijiet infetħu fl-2016, u l-bqija tal-investigazzjonijiet infetħu fl-2021, 2023 u fl-2026 u li huma pendenti.

Att dwar il-Kompetizzjoni – Artikolu 5 – Investigazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 973 dwar investigazzjonijiet li saru da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) minħabba allegat ksur tal-artikolu 5 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379), jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom pendenti dawn l-investigazzjonijiet?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2016, fl-2021 u fl-2022 infetħu żewġ investigazzjonijiet fis-sena u li huma pendenti.

MCCAA – Prattiċi ta’ Ponzi schemes – Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hux qed jinvestiga prattiċi ta' Ponzi schemes f'Malta, li jikkostitwixxu ksur tal-Kapitlu 378 tal-liġijiet ta' Malta fuq bażi ta' unfair commercial practice? Jista' jgħid ukoll x'miżuri qed jittieħdu biex jiġu evitati prattiċi bħal dawn?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bħalissa qegħda tagħmel analiżi sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx elementi li jwasslu għall-ksur tal-liġijiet li jipproteġu l-konsumatur fid-dawl ta’ dak stabbilit fil-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Il-Foss tal-Imdina – Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser jerġa’ jibda jiffunzjona l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina, wara li għal darb’oħra reġa’ mhux qed jaħdem?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi elettriċi – Parkeġġi riservati għal karozzi elettriċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1239, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm (kwantità) parkeġġi riżervati għal karozzi elettriċi fejn dawn ikunu jistgħu jiċċarġjaw, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Kunsilli lokali – Ħaddiema bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1238 u tgħid kemm hemm kunsilli lokali li jimpjegaw persuni bi bżonnijiet speċjali u liema huma?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli rispettivi.

Kunsilli lokali – Kampanja ta’ għarfien – Saħħa mentali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1236 u tgħid jekk bħalissa hemmx kampanja ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali attiva fi ħdan il-kunsilli lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa jinsab għaddej programm nazzjonali ta’ taħriġ b'kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Ministeru għas-Saħħa. Dan huwa taħriġ rikonoxxut internazzjonalment bl-isem Mental Health First Aid li fost oqsma oħra jitratta fid-dettall l-għarfien dwar is-saħħa mentali.

Ir-Rabat, Malta - Żona tal-Għammieri - Lampi tat-toroq mitfija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jissewwew il-lampi tat-toroq fiż-żona tal-Għammieri fil-limiti tar-Rabat, Malta, minħabba li ilhom aktar minn sebat ijiem mitfija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-lampi fiż-żona indikata nxtegħlu.

Skejjel tal-Istat - Skrivani żejda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ skejjel tal-Istat li għandhom skrivani aktar min-numru allokat? Jista’ wkoll jindika n-numru ta’ skrivani żejda għal kull skola?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-iskrivani allokati fl-iskejjel kollha għandhom xogħol assenjat lilhom, filwaqt li huma 10 l-iskejjel fis-sitwazzjoni li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant.

Skejjel tal-Istat - Nuqqas ta’ skrivani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ skejjel tal-Istat li bħalissa għandhom nuqqas ta’ skrivani (staff klerikali)? Jista’ wkoll jindika n-numru ta’ skrivani neqsin għal kull skola?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm 15-il skola li għandhom bżonn skrivan u ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess ċentrali ta’ reklutaġġ bil-għan li tiġi indirizzata.

Qorti tal-Familja - Esperti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1687 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-esperti kollha li matul l-aħħar għaxar snin servew jew għadhom iservu lill-Qorti tal-Familja u, għal kull wieħed minnhom, jindika l-professjoni, il-kwalifiki akkademiċi u professjonali, il-warrant jew ir-reġistrazzjoni professjonali fejn applikabbli, l-ispeċjalizzazzjoni, is-sena tal-ħatra, kemm-il darba ġie maħtur f’kull waħda mill-aħħar għaxar snin, l-ammont imħallas lilu kull sena, jekk sarux ilmenti jew proċeduri dixxiplinarji kontrih u l-eżitu tagħhom, kif ukoll jekk għadux jagħmel parti mir-reġistru tal-esperti tal-Qrati? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji u l-proċedura għall-għażla tagħhom, il-kodiċi ta’ etika, il-linji gwida jew protokolli li jirregolaw il-ħidma tagħhom, il-proċeduri dwar kunflitti ta’ interess, il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti ta’ taħriġ kontinwu u, jekk teżisti,  is-sistema ta’ rotazzjoni jew allokazzjoni tal-esperti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’seduta ohra.

Qorti tal-Familja - Kawżi dwar kura, kustodja u aċċess

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1685 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja u għal kull waħda mill-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena, jgħid: a) kemm-il kawża dwar kura, kustodja u aċċess ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Familja; b) kemm ġew deċiżi; ċ) kemm għadhom pendenti; d) kemm damu bħala medja sabiex ġew deċiżi; e) kemm-il talba sabiex jerġa’ jingħata l-aċċess ġiet ippreżentata, kemm intlaqgħu, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti; u f) kemm-il assessjar psikoloġiku, psikjatriku jew multidixxiplinari ġie ordnat mill-Qorti u kemm-il darba r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti ġew segwiti jew ma ġewx segwiti mill-Qorti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’seduta ohra.

Qorti tal-Familja - Deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1684 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja u għal kull waħda mill-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena, jgħid: a) kemm-il każ u kemm-il tifel u tifla kienu suġġetti għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja li ordnat sospensjoni totali tal-aċċess ta’ wieħed mill-ġenituri, aċċess sorveljat, aċċess monitorjat jew ordni ta’ ebda kuntatt (“no contact”); b) kemm minn dawn id-deċiżjonijiet ingħataw permezz ta’ digriet proviżorju u kemm permezz ta’ sentenza finali; ċ) kemm minn dawn il-każijiet wasslu sabiex l-aċċess reġa’ ġie stabbilit, kemm għadhom pendenti u kemm spiċċaw f’sospensjoni permanenti jew għal żmien indeterminat; d) kemm kien hemm tfal li baqgħu mingħajr kuntatt ma’ wieħed mill-ġenituri tagħhom għal aktar minn sena, sentejn, tliet snin, ħames snin u għaxar snin; u e) x’inhu t-tul medju ta’ dawn is-sospensjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’seduta ohra.