Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inugwaljanzi - Tfal

Question

Jista’  l-Ministru jgħid x’azzjonijiet qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru jibqa' impenjat li jnaqqas l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal billi primarjament jiżgura aċċess aktar ugwali għal servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-appoġġ lill-familji. F'dan il-kuntest, qed jiġu implimentati: -       Il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030 li huwa mfassal biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja, id-drittijiet, u l-benesseri tat-tfal kollha; -       L-iStrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025-2035 li għandha l-għan li tnaqqas ir-rata ta' riskju ta' faqar (AROPE) bi 3.1% u tnaqqas il-faqar tat-tfal b'6% sal-2030; -       Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030.

Strateġija dwar l-ugwaljanza soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux strateġija nazzjonali speċifika dwar l-ugwaljanza soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali hija indirizzata b'mod trasversali permezz ta' diversi strateġiji, politiki u pjanijiet ta' azzjoni, li flimkien għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-opportunitajiet indaqs u jtejbu l-benesseri tal-individwi u tal-familji. Fost dawn hemm: Il-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna, li tistabbilixxi viżjoni fit-tul għal soċjetà aktar ġusta, inklużiva u reżiljenti, ibbażata fuq il-benesseri, l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali; L-Istrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025–2035, li tipprovdi qafas komprensiv biex jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri li jsaħħu l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni; Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal (2022–2030), li għandu l-għan li jiżgura li tfal f’sitwazzjoni vulnerabbli jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità, kura tas-saħħa, nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni xierqa; Il-Qafas ta' Politika għat-Tfal 2024–2030, li jippromwovi d-drittijiet, il-protezzjoni, il-parteċipazzjoni u l-benesseri tat-tfal, filwaqt li jsaħħaħ l-appoġġ lill-familji; L-Istrateġija Nazzjonali għall-Kapaċità Finanzjarja 2022–2025, li għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju u tgħin lill-individwi u lill-familji jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji aktar infurmati u sostenibbli. Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025–2030, li jipprovdi qafas ta' politika biex isaħħaħ il-benesseri tal-familji, jappoġġja r-reżiljenza tagħhom tul il-kors tal-ħajja u jippromwovi servizzi aktar koordinati u aċċessibbli. Dawn il-politiki u l-istrateġiji huma kumplimentari u flimkien jiffurmaw il-qafas strateġiku tal-Gvern għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, billi jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-inklużjoni u jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal opportunitajiet, servizzi u appoġġ skont il-ħtiġijiet tiegħu.

Żgħażagħ li bbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żagħżugħa bbenefikat minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni meħtieġa tinsab fit-tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.  L-informazzjoni miġbura tkopri minn mindu ġew varati l-iskemi u l-età ta’ żagħżugħa meħuda hija ta’ 30 sena ’l isfel.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet miċħuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ġiet miċħuda matul l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali li ġew miċħuda matul l-aħħar tliet snin qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ġiet approvata matul l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni miltuba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aċċess għall-akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-akkomodazzjoni għal kulħadd?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorità tad-Djar twettaq attivitajiet ta’ outreach ma’ NGOs u entitajiet oħra, bil-għan li l-professjonisti jkunu infurmati dwar il-proċeduri u l-assistenza li jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom matul il-proċess kollu, mill-istadju tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ’l quddiem. Parti integrali mill-outreach isir ukoll ma’ individwi fil-kommunitajiet bl-għan li nżidu l-għarfien dwar is-servizzi offruti mill-Awtorità tad-Djar.

Akkomodazzjoni soċjali – Blokok ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw iċ-ċwievet tal-appartamenti tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali li hemm ippjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali kollha li huma ppjanati biex jitlestew matul is-sena 2026 qed jimxu skont il-pjan stabbilit sabiex jitlestew fil-perjodu previst. L-għoti taċ-ċwievet lill-benefiċjarji jsir hekk kif jitlestew il-konnessjonijiet tas-servizzi essenzjali tad-dawl u tal-ilma mal-grid pubblika mill-entitajiet kompetenti.

Akkomodazzjoni soċjali – Blokok ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li sal-aħħar ta' din is-sena jinbnew xi blokok ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali u meta huwa ppjanat li jitlestew? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa tmiem l-2026 hemm ippjanat li jkun tlesta xogħol fuq blokok ġewwa l-lokalitajiet ta’ Żejtun, Il-Belt Valletta u Raħal Ġdid. Uħud mill-akkomodazzjonijiet ser ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

Proprjetajiet tal-Gvern – Rinnovazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern, inklużi garaxxijiet, li jinsabu fi stat li jeħtieġu rinnovazzjoni? Jista' wkoll jagħti timeframes ta' meta ser isiru dawn ir-rinnovazzjonijiet u jagħti stima ta' kemm se jiswew ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-garaxxijiet tal-Awtorità huma fil-maġġoranza tagħhom mikrija u, għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-inkwilin li jżomm il-garaxx mikri lilu/lilha fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Fejn ikun hemm bżonn ta’ xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fuq garaxxijiet speċifiċi, dawn isiru każ b’każ, partikolarment fejn ikun hemm preparazzjoni għall-bejgħ kummerċjali jew għall-kiri fit-tul b’kirja kummerċjali. Għaldaqstant, tali interventi jsiru skont il-ħtieġa u d-domanda li tinqala’ f’kull każ partikolari. Rigward il-proprjetajiet residenzjali tal-Awtorità tad-Djar, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rinnovazzjoni tagħhom hija proċess kontinwu li jsir skont programm annwali ta’ xogħlijiet. Kull sena, l-Awtorità tippjana li twettaq interventi ta’ rinovazzjoni fuq madwar 50 blokk, għalkemm fil-prattika dan in-numru normalment jinqabeż skont ir-riżorsi disponibbli u l-ħtiġijiet identifikati. Meta wieħed iqis li l-Awtorità hija responsabbli minn madwar 1,500 blokk, u li l-programm ta’ rinovazzjoni beda fl-2018, sal-lum ġew rinnovati 573 blokka. L-ispejjeż u l-perjodu ta’ twettiq tax-xogħlijiet ivarjaw skont il-kundizzjoni tal-proprjetà u n-natura tal-interventi meħtieġa, u għalhekk ma jistax jingħata terminu jew stima waħda li tapplika għall-każijiet kollha. Madankollu, minn meta beda l-programm ta’ rinovazzjoni sal-lum, l-ammont totali investit kien ta’ madwar €25.8 miljun.

Awtorità tad-Djar – Proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma mikrija mill-privat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorita tad-Djar għandha total ta’ 7893 proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali li minnhom 1,497 huma mikrijin mill-privat.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali li ilhom jistennew i.    aktar minn sena; ii.    aktar minn sentejn; u iii.    aktar minn tliet snin u kemm minnhom ġew miċħuda u approvati fl-aħħar tliet snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar tas-sena 2025, kien hemm 10 applikazzjonijiet li kienu għadhom qegħdin jinħadmu u kien hemm 304 applikazzjoni li ġew irrifjutati minħabba dokumenti nieqsa jew għax ma kinux eliġibbli u kien hemm 51 persuna li oġġezzjonaw id-deċiżjoni u kienu qegħdin jistennew deċiżjoni mill-Bord tar-Reviżjoni. L-informazzjoni qed titqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar ta' Ġunju 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Ġunju 2026 kien hemm 1794 applikazzjoni pendenti għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru – Każijiet irrappurtati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru matul l-aħħar sena u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li din l-informazzjoni tkun ippubblikata fir-Rapport Annwali tal-NCPE. Infurmata li kopja tar-Rapport Annwali tal-2025 diġa tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra

Ir-Rabat, Malta - Triq Borg Olivier - Heavy vehicles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex jiġi infurzat li l-heavy vehicles ma jgħaddux minn Triq Borg Olivier, fir-Rabat, Malta, minkejja d-diversi mistoqsijiet li diġà saru dwar dan? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri se jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li qegħdin iġarrbu r-residenti ta’ din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq rondi ta’ infurzar f’din iż-żona diversi drabi matul il-ġurnata. Barra minn hekk, f’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qiegħda tiġi evalwata soluzzjoni aktar permanenti sabiex jissaħħaħ l-infurzar u jitnaqqsu l-inkonvenjenzi f’din iż-żona.

Qtugħ fil-provvista tal-elettriku - Valutazzjoni tal-impatt finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni tal-impatt finanzjarju fuq l-ekonomija Maltija tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’pajjiżna mill-1 ta’ Lulju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jippubblika din il-valutazzjoni u jagħti rendikont tal-impatt finanzjarju stmat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Enemalta - Sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku - Proġettazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1159, tista’ l-Ministru tgħid fuq liema ċifri, stimi jew proġettazzjonijiet qed taħdem l-Enemalta sabiex tiddetermina l-kapaċità li għandu jkollha s-sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku? Tista’ tgħid ukoll kif dawn iċ-ċifri qed jintużaw biex jiġi ppjanat l-investiment meħtieġ fit-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti kollha relatati mat-tisħiħ tas-sistema għad-distribuzzjoni tal-elettriku jiġu ppjanati u aġġornati b’mod kontinwu mill-Enemalta fuq il-bażi ta’ analiżijiet tekniċi speċjalizzati li jqisu diversi fatturi, fosthom ix-xejriet storiċi tal-konsum tal-elettriku, it-tbassir tad-domanda futura, it-talbiet għal konnessjonijiet ġodda, l-iżviluppi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-popolazzjoni u l-attività ekonomika fejn rilevanti, kif ukoll il-ħtiġijiet operattivi tan-network fiż-żoni konċernati. Kull żvilupp jew talba għal konnessjoni ġdida tiġi evalwata biex jiġi stabbilit l-impatt tagħha fuq is-sistema tad-distribuzzjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet jiġu identifikati u implimentati l-investimenti meħtieġa fit-tisħiħ tal-infrastruttura elettrika, inklużi substations, feeders, cables u assi oħrajn tan-network. L-ippjanar tal-infrastruttura jsir ukoll fid-dawl tal-ħtieġa li tinżamm sistema reżiljenti, sigura u affidabbli, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-ġenerazzjoni lokali, l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinovabbli u l-investimenti strateġiċi li qegħdin isiru biex ikompli jissaħħaħ is-settur tal-enerġija.