Skejjel tal-Istat – Klassijiet mingħajr arja kkundizzjonata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ klassijiet fl-iskejjel tal-Istat f’Malta u Għawdex li m’għandhomx sistema tal-arja kkundizzjonata? Jista’ wkoll jagħti lista tal-iskejjel u n-numru ta’ klassijiet mingħajr arja kkundizzjonata li hemm f’kull skola?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diskors Parlamentari tiegħi waqt is-Seduta Nru: 036 - L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru, 2026, u li fih tajt elenku dettaljat tal-ħidma li qed nagħmlu biex iktar skejjel ikollhom arja kkundizzjonata, u dan anke kif ser nimmasimizzaw ir-riżorsi.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet Parlamentari numru 30 u 31 ta’ din il-leġiżlatura.
Dan filwaqt li differenti minn żmien ieħor, u Gvern ieħor, l-iskejjel ġodda li nlestu kull sena jkollhom installata din il- faċilità.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli interpellant għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta Parlamentari tat-2 ta’ Novembru 2026 fejn skont it-transcript provdut lili mill-Parlament qal waqt id-diskors tiegħu “B’€4.5 miljun taf x’konna nagħmlu? Konna nagħmlu l-air-condition kollu tal-iskejjel ta’ pajjiżna! (Onor. Membri: Hear, hear) U fuq din is-sabiħa taf x’inhi? Għadna ma wasalniex taf, għax xħin tilħaq il-qiegħ jibqa’ qiegħ ieħor taħtu…”
Din il-mistoqsija Parlamentari tirrifletti li l-Oppożizzjoni l-ewwel tfattar iċ-ċifri u d-dikjarazzjonijiet u wara tistaqsi sabiex tiprova tistabilixxi l-fatti. Kont nippretendi li din l-informazzjoni jafuha sew biex setgħet issir stima, u mhux qed tintalab mill-Oppożizzjoni wara!
Mhux ta’ b’xejn l-istima kienet waħda ħażina mill-bidu sal-aħħar u wera li m’għandomx idea tal-affarijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat mudell ġdid ta’ governanza għall-kulleġġi li jagħti aktar setgħat u responsabbiltajiet lill-maniġment tagħhom, filwaqt li jżomm mekkaniżmi ċari ta’ responsabbiltà u rendikont?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux studju li janalizza d-differenzi bejn il-kulleġġi f’termini ta’ daqs, popolazzjoni ta’ studenti, kuntest soċjali, ħtiġijiet edukattivi u riżorsi, sabiex il-politika edukattiva tkun tista’ tirrifletti dawn ir-realtajiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dan hu eżerċizzju kontinwu.
Jista’ l-Ministru jelenka liema deċiżjonijiet fil-qasam tar-riżorsi umani, l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni tat-tagħlim u l-allokazzjoni tar-riżorsi jistgħu jittieħdu direttament mill-kulleġġi, mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni ċentrali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull kulleġġ huwa responsabbli għall-allokazzjoni fl-iskejjel tiegħu tal-għalliema peripatetiċi u tal-kinder relievers assenjati lilu.
Fir-rigward tar-riżorsi umani, kull deċiżjoni f’dan il-qasam teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kap tal-Iskola u tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (HCN) qabel ma titressaq għall-approvazzjoni finali fil-livell ċentrali.
L-amministrazzjoni ġenerali tal-kulleġġ taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ. Din tinkludi l-koordinazzjoni tal-proġetti li fihom jipparteċipa l-kulleġġ, il-laqgħat mal-Kapijiet tal-Iskejjel u mal-ġenituri, l-organizzazzjoni tal-attivitajiet u aspetti amministrattivi oħra, fosthom l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-kulleġġ.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 30 - Contractual Services tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €150,000 (sena 2026) għal €250,000 (sena 2027)?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.
Baġit 2027 – Repair and Upkeep – Allokazzjoni finanzjarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 23 - Repair and Upkeep tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €3,000 (sena 2026) għal €30,000 (sena 2027)?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas totali li ser ikun qed iħallas il-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk l-iskema għall-vittmi tat-Thalidomide hux ser terġa’ tiftaħ fis-sena 2027?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-ammont totali ta’ €1,147,987.62 ingħata bħala kumpens mill-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide. Dan l-ammont huwa maqsum kif indikat fit-tabella t’hawn taħt:
L-Ewwel Sejħa
€1,086,008.62
Rendikont dettaljat ta’ din l-informazzjoni jinsab fit-tweġiba għall-PQ 25796
It-Tieni Sejħa
€61,979
Is-sejħa maħruġa aktar kmieni din is-sena kienet it-tieni u l-aħħar sejħa, fejn biha kwalifikaw żewġ persuni oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-fondi allokati għall-2026 effettivament intefqu fuq servizzi diretti għall-persuni b’diżabilità?
Response (FARRUGIA, JULIA)
B’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4601, ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, peress li s-sena kurrenti (2026) għadha għaddejja, l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tiġi pprovduta aktar ’il quddiem.
Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat – Fondi allokati għad-diżabilità u għall-volontarjat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mid-€69 miljun li ġew allokati għall-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat għas-sena 2026 ġew allokati speċifikament għad-diżabilità u kemm ġew allokati speċifikament għall-volontarjat?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għall-Estimi Finanzjarji tal-Baġit, li diġà tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm raħħala kummerċjali li ngħataw ilma potabbli b’xejn billi kull razzett ikun imqabbad mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Tista’ tgħid ukoll fejn huma dawn l-irziezet, maqsuma lokalità b'lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hija fin-negattiv.
Għajnuna għal faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa li rċevew għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2026 sa issa, il-bdiewa u r-raħħala li bbenefikaw minn għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita kienu 50.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala kummerċjali li ngħataw ilma potabbli b’xejn, billi kull razzett ikun imqabbad mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Jista’ jgħid ukoll fejn huma dawn l-irziezet, maqsuma lokalità b'lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li m’għadhomx jintużaw fejn għad m’hemmx provvista diretta ta’ New Water matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għoti ta’ aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li ma għadhomx jintużaw, f’żoni fejn għad ma hemmx provvista diretta ta’ New Water, jifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, skont il-Miżura 17 tal-Manifest Elettorali 2026.
L-għan ta’ din il-miżura huwa li jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-aċċess għall-ilma bejn żoni agrikoli differenti u tingħata soluzzjoni ġusta u sostenibbli għall-isfida tan-nuqqas ta’ ilma għall-agrikoltura, partikolarment fejn il-provvista ta’ New Water għadha mhijiex direttament disponibbli.
Il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex din il-miżura tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura. Għaldaqstant, f’dan l-istadju għad m’hemmx individwi li bbenefikaw minn din il-miżura u, konsegwentement, ma hemmx data x’tingħata maqsuma xahar b’xahar jew skont il-kategoriji msemmija fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa ġenwini u bdiewa żgħażagħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm bdiewa gawdew minn din l-iskema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-avvenimenti organizzati mill-Ministeru matul din is-sena, tqassmu b’kollox 450 siġra tat-tut iswed (
Morus nigra
) lil 125 individwu.
Ninfurmah ukoll li l-Gvern, b’konformità mal-Miżura 14 tal-Manifest Elettorali 2026, li tifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, se jkompli jsaħħaħ il-preservazzjoni tal-bijodiversità lokali permezz tat-tqassim ta’ aktar siġar tal-frott indiġeni mingħajr ħlas.
F’dan ir-rigward, il-Ministeru qiegħed ifassal pjan sabiex matul l-2027 jitqassmu aktar siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa, lis-sidien tar-raba’, lill-kunsilli lokali u lill-iskejjel, skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà rispettivi. Din l-inizjattiva se tkompli tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura bil-għan li tissaħħaħ l-identità agrikola u kulturali ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riċerka saret fuq il-varjetajiet indiġeni ta’ dwieli u pjanti oħra fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2021 ġiet stabbilita kollezzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli Maltin fiċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett, bil-għan li dawn il-varjetajiet jiġu kkonservati u studjati. Matul l-2024, żewġ varjetajiet indiġeni tad-dwieli, il-Girgentina u l-Ġellewża, ġew inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet.
Saret ukoll identifikazzjoni preliminari ta’ kloni ta’ varjetajiet indiġeni miżmuma fil-kollezzjonijiet taċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali f’Ħal Lija. Permezz tal-Laboratorju tal-Bijoteknoloġija, għaddejja riċerka bil-għan li jiġu stabbiliti kloni ħielsa mill-mard ta’ diversi varjetajiet lokali tad-dwieli, sabiex dawn ikunu jistgħu eventwalment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-suq lokali.
Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll studji fenotipiċi sabiex varjetajiet lokali oħra eżistenti jiġu kkaratterizzati fid-dettall, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet u jingħataw valur akbar.
Il-front ta’ Buġibba - Sistema tad-drenaġġ - Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ fuq is-sistema tad-drenaġġ fuq il-front ta’ Buġibba, bejn Triq San Xmun u Triq ix-Xitwa, biex jiġi assigurat li l-ħsara li hemm tiġi msewwija kemm jista’ jkun malajr?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rriżultalhiex li kien hemm ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ fiż-żona indikata.
Raħal ġdid – Triq Għajn Dwieli – Xogħlijiet u nfiq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għax-xogħol ta’ resurfacing ta’ Triq Għajn Dwieli, (li tgħaqqad Raħal Ġdid mal-Kottonera), li sar qabel l-aħħar ta’ Mejju 2026? Fid-dawl li l-wiċċ tat-triq qed jerġa’ jitħaffer biex isiru xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), jista’ jgħid kemm hi l-ispiża stmata biex din it-triq terġa’ tiġi asfaltata u rrestawrata għall-istat li kienet fih wara r-resurfacing riċenti? Jista’ jgħid ukoll jekk din hix ser titħallas minn Infrastructure Malta jew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jekk le, min se jħallas?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 3090. Għat-tieni parti, nitlob lill-Onor Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Home Care, skont l-aħħar ċifri disponibbli?
Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ilhom jistennew:
i. inqas minn tliet xhur;
ii. bejn tliet xhur u sitt xhur;
iii. bejn sitt xhur u sena; jew
iv. aktar minn sena?
Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-itwal żmien li persuna ilha tistenna?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda servizz bl-isem ta’ Home Care taħt il-Ministeru għas-Saħħa. Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tiċċara għal liema skema qed tirreferi.
Ta’ Qali – Park Nazzjonali – Jogging u cycling tracks
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet tal-jogging track u s-cycling track fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali? Tista’ wkoll tindika d-data prevista għat-tlestija u l-ispiża ta’ dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol relatat mal-proġett tal-jogging track u cycling track jinsab fl-aħħar fażijiet tal-proċess tal-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Id-data għat-tlestija hi marbuta mal-ħruġ tal-permess. Hu stmat li l-ispiża ser titla madwar 6 miljun ewro.