Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar - Bajja ta’ ħdejn il-Veċċja - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitwettaq ix-xogħol meħtieġ u approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tisħiħ tal-blat u protezzjoni tal-bajja ta’ ħdejn il-Veċċja f’San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll jekk inħarġux u ġewx allokati t-tenders għal dan ix-xogħol? Jekk it-tender ingħata, tista’ tgħid min ser iwettaq ix-xogħol?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f'dan l-istadju, t-tender għal dawn ix-xogħlijiet għadu ma ġiex allokat.

San Pawl il-Baħar - Bajja tax-Xama’ - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi preparamenti saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għax-xogħlijiet meħtieġa fil-bajja ż-żgħira tax-Xama’, ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħlijiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ssottometta applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jittejjeb l-aċċess għal din il-bajja. Kopja tal-pjanti relatati ma' din l-applikazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Taxxa dwar it-turiżmu - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-fondi mit-taxxa dwar it-turiżmu, li mill-1 ta’ Lulju 2026 żdiedet għal €1.50 kuljum, jibdew jgħaddu (kollha jew in parti) lill-kunsilli lokali? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ħlas li jinġabar, għandux massimu marbut miegħu (simili għall-massimu ta’ €5 li kien hemm qabel)? Jekk iva, x’inhu dan il-massimu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kontribuzzjoni ambjentali ta’ €1.50 kull lejl minn kull adult (18+) hi sa massimu ta’ €22.50 għal kull żjara.  Din il-kontribuzzjoni ambjentali titħallas minn dawk kollha li joqogħdu f’akkomodazzjoni liċenzjata għat-turiżmu.  Eventwalment parti minn dawn il-fondi se jibdew jitqassmu lill-Kunsilli Lokali.

Community Police - Servizz għal matul il-lejl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet żdied is-servizz tal-Community Police għal matul il-lejl (jew parti minnu)? Jista’ jgħid ukoll jekk dan is-servizz żdiedx fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li apparti s-Swieqi anke Pembroke jingħata s-servizz tal-Community Police matul il-lejl. Il-lokalitajiet li qed tirreferi għalihom l-Onor Interpellanta jkunu koperti 24 siegħa kuljum minn skwadri oħra u pulizija tad-distrett.

Awtorità tad-Djar – Akkomodazzjoni għall-anzjani – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju jew analiżi mill-Awtorità tad-Djar li fuqu bbaża l-politika tiegħu dwar l-akkomodazzjoni għall-anzjani?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Istrateġija ta’ Riċerka tal-Awtorità tad-Djar għall-2026–2027 identifikat ir-residenti anzjani bħala wieħed mill-gruppi demografiċi ewlenin li għandhom jiġu mifhuma aħjar fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-akkomodazzjoni. Link għall-Istrateġija ta’ Riċerka: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Research-Strategy-2026-2027-1.pdf Wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-Istrateġija, l-Awtorità tad-Djar ippubblikat stħarriġ dettaljat, il-Malta Housing Satisfaction Survey, sabiex tipprovdi valutazzjoni komprensiva u bbażata fuq l-evidenza dwar kif persuni differenti f’Malta jesperjenzaw il-kundizzjonijiet tad-djar tagħhom. L-istudju għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi punt ta’ referenza sabiex jinftiehem kif dawn l-esperjenzi jkomplu jevolvu maż-żmien. Billi jibni fuq l-Istrateġija ta’ Riċerka, l-istħarriġ jaqsam il-kampjun f’diversi gruppi demografiċi, inkluż il-popolazzjoni anzjana. Link għall-Istħarriġ: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/07/Malta-Housing-Satisfaction-Survey-2026.pdf Il-pubblikazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, “More than Just a Roof”, tiddokumenta inizjattivi riċenti għal mudelli alternattivi ta’ akkomodazzjoni mmirati lejn komunitajiet vulnerabbli, inkluż il-proġett ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali fil-Belt Valletta. Dan tal-aħħar, li huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta, iġib flimkien residenti anzjani u adulti żgħażagħ fi ħdan l-istess komunità. Studju tekniku ieħor jiżviluppa għodda ta’ gwida għall-bini ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali ta’ dan it-tip fil-futur. Link għal “More Than Just a Roof”: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2025/11/More-Than-Just-a-Roof.pdf Link għall-Għodda ta’ Politika dwar l-akkomodazzjoni interġenerazzjonali: https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Building-a-Community-within-a-Community.pdf

Awtorità tad-Djar – Proġetti ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi mill-Awtorità tad-Djar fuq proġetti ta’ akkomodazzjoni mfassla speċifikament għall-anzjani matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tipprovdi diversi forom ta’ assistenza li minnhom jibbenefikaw ukoll persuni anzjani, bil-għan li jingħataw l-appoġġ meħtieġ fir-rigward tal-akkomodazzjoni tagħhom. Fil-fatt, matul il-ħames snin imsemmija, permezz tal-iskemi Skema għal Persuni b’Diżabilità ( DIS), Kirjiet Protetti ta’ Qabel l-1995 ( SKP), Sussidju għal Xogħlijiet ta’ Adattament ( ADP), Tiswija ta’ Strutturi Perikolużi ( SSP) u Skema ta’ Benefiċċju għall-Akkomodazzjoni ( HBS), in-nefqa relatata ma’ assistenza li minnha bbenefikaw persuni anzjani kienet tammonta għal €50,895,009, filwaqt li n-numru ta’ benefiċjarji anzjani rreġistrati taħt dawn l-iskemi kien ta’ 5,715.

Akkomodazzjoni soċjali – Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani ngħataw akkomodazzjoni soċjali matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu anzjani li jgħixu waħedhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-aħħar ħames snin, ġew allokati 448 post lil persuni anzjani ta’ 60 sena jew aktar (jiġifieri persuni mwielda fl-1966 jew qabel). Minn dawn il-448 persuna, 90 kienu miżżewġin u 23 kienu ġenituri waħedhom, skont l-istat ċivili tagħhom fil-mument tal-applikazzjoni. Nirreferi għat-Tabella 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont sena b’sena.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija – Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija f’kull lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 286 applikazzjoni ta’ persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Nirreferi għat-Tabella, li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont ta’ kull lokalità.

Atleti li jirrappreżentaw lil Malta – Spejjeż imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm atleti magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta li kellhom iħallsu, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni jew spejjeż oħra relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jindika n-numru ta' każijiet, id-dixxiplini sportivi involuti u r-raġuni għaliex dawn l-ispejjeż ma ġewx koperti minn fondi pubbliċi jew mill-entità sportiva rispettiva?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-Kumitat Olimpiku Malti huma korpi awtonomi u indipendenti li jamministraw l-affarijiet tagħhom b’mod indipendenti. Għaldaqstant, dan il-Ministeru ma jistax jiprovdi l-informazzjoni kif mitluba. Fl-istess ħin hemm diversi iskemi f’dan ir-rigward li jiġu mogħtija minn SportMalta u l-Ministeru u huma amministrati mill-entità stess skont il-proċeduri u l-kriterji tagħha.

Atleti b’diżabilità – Fondi allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi sabiex jiġu sostnuti atleti b'diżabilità, inklużi atleti paralimpiċi u dawk li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet organizzati minn Special Olympics Malta, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika, għal kull sena, l-ammont allokat, il-programm jew l-iskema ta' finanzjament, il-benefiċjarji u l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt: Sena Assoċjazzjoni Ammont Allokat Skema 2024 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2024 Malta Paralympic Committee €91,736.38 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2024 Malta Paralympic Committee €20,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali 2025 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2025 Malta Paralympic Committee €94,510.58 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2025 Malta Paralympic Committee €25,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali 2026 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2026 Malta Paralympic Committee €250,000 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2026 Malta Paralympic Committee €30,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali

CYPS - Każijiet ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew riferuti każijiet ġodda lis-servizzi li qabel kienu joperaw bħala Child and Young People’s Services (CYPS) u li llum jiffurmaw parti miċ-Child and Adolescent Services (CAYS), matul l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont il-gruppi ta’ età?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1727.

CYPS - Każijiet ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew riferuti każijiet ġodda lis-servizzi li qabel kienu joperaw bħala Child and Young People’s Services (CYPS) u li llum jiffurmaw parti miċ-Child and Adolescent Services (CAYS), matul l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont il-ġeneru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz tas-CRHT - Persuni segwiti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien in-numru ta’ persuni li ġew segwiti mis-servizz tal-Crisis Resolution Home Treatment (CRHT)? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni ma kellhomx bżonn jiġu rikoverati fl-Isptar Mount Carmel u kemm kellhom bżonn jiġu rikoverati wara li ġew segwiti mis-servizz, minn meta twaqqaf is-servizz, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li mill-20 ta’ Diċembru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2026, il-Crisis Resolution Home Treatment (CRHT) irċeviet 1,734 referral, li minnhom 1,600 (92.3%) ma kellhomx bżonn jiġu rikoverati fl-isptar Mount Carmel, filwaqt li 134 (7.7%) ġew ammessi f’ Mount Carmel. It-tabella ta’ hawn taħt tinkludi l-istatistika bejn id-dati msemmija hawn fuq: Year Persons followed by CRHT Did not need admission to MCH Needed admission to MCH Admissions by CRHT Admissions by EPS/MDH % Total Admission Per Year % Did not need admission per Year 2021 8 8 0 0 0 0.0% 100.0% 2022 334 313 21 11 10 6.3% 93.7% 2023 362 336 26 17 9 7.2% 92.8% 2024 409 384 25 14 11 6.1% 93.9% 2025 343 309 34 19 15 9.9% 90.1% 2026 (till 30 Sept) 278 250 28 10 18 10.1% 89.9% Total 1,734 1,600 134 71 63 7.7% 92.3%

Community Mental Health Services - Persuni riferuti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew riferuti persuni għall-Community Mental Health Services minn sptarijiet, tobba tal-familja u servizzi oħra matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sors tar-referenza?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1723.

Community Mental Health Services - Każijiet attivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm każijiet attivi li qed jiġu segwiti mill-Community Mental Health Services, maqsuma skont il-klinika?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1723.

Community Mental Health Services - First appointments

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw first appointments fi ħdan il-Community Mental Health Services matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani intitolati li jkollhom carer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1013 u jgħid liema kategoriji ta’ anzjani huma intitolati li jkollhom carer?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità toffri s-servizz ta’ Carer fid-Dar u s-Servizz ta’ Respite fid-Dar. Carer fid-Dar Biex persuna tkun eliġibbli għas-servizz ta’ Carer fid Dar irid ikollha ’l fuq minn 60 sena u tkun persuna dipendenti. Respite fid-Dar Dan is-servizz joffri carer lill-persuna fid-dar tagħha waqt li jagħti ftit ħin ta’ mistrieħ lill-persuna li tkun qed iddur biha. Dan is-servizz japplika għal: •    Persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena, li huma dipendenti u li jgħixu f’residenza privata; jew •    Persuni li jbatu bid-dimensja u/jew għandhom problemi serji fl-imġieba; jew •    Persuni anzjani li għandhom diffikultà biex jiġu trasportati minn post għall-ieħor u/jew fejn ikun hemm diffikultà biex iħallu       djarhom; jew •    Persuni anzjani li għandhom bżonn kura speċjali u li tali ma tistax tiġi pprovduta f’respite residenzjali; jew •    Persuni anzjani li għandhom xi problemi fis-sistema immunitarja jew li jeħtieġu kura ta’ iżolazzjoni.

Ħal Qormi – Ġnien Ta’ Farsina – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Ta’ Farsina, f’Ħal Qormi, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li qed jassumi li l-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellanta jinsabu qrib Triq ir-Rebbiegħa u Wesgħat Renald Falzon. Il-proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fl-2020 kien jinvolvi t-trasformazzjoni ta’ din iż-żona fi ġnien għall-użu tal-komunità. Qabel ma twettaq dan il-proġett, l-istess żona kienet tintuża primarjament bħala spazju għall-ipparkjar tat-trejlers. F’dan ir-rigward, m’hemm l-ebda reġistru ta’ xogħlijiet speċifiċi ta’ manutenzjoni li saru f’dan is-sit qabel ir-riġenerazzjoni tal-2020, peress li l-inħawi ma kinux jikkostitwixxu ġnien jew spazju pubbliku rreġistrat bħala tali qabel dan l-intervent ta’ riġenerazzjoni.

Il-Belt Valletta – Ġnien Laparelli – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Laparelli, fil-Belt Valletta, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2019?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma sar il-proġett biex inħoloq dak li llum huwa magħruf bħala Ġnien Laparelli, li jinsab fil-foss taħt is-swar fid-daħla tal-Belt Valletta, iż-żona kienet mitluqa u tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi. B’investiment ta’ madwar €5 miljun, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) ittrasformat il-foss fi spazju pubbliku miftuħ, b’għexieren ta’ siġar u eluf ta’ pjanti indiġeni, li huwa aċċessibbli minn żewġ naħat tal-Belt Valletta.