Legislature:
Category:
Reset
Active:

EHIC – Pazjenti li jiġu ammessi għal aktar kura

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ċittadin tal-Unjoni Ewropea fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111) li, wara li jattendi d-Dipartiment tal-Emerġenza, ikollu bżonn ammissjoni bħala pazjent residenti (inpatient) jew proċeduri mediċi jew kirurġiċi, jibqax intitolat għal servizz bla ħlas? Jekk le, jista' jgħid jekk dan il-pazjent jiġix iċċarġjat mill-isptar għal dawn is-servizzi u b’liema tariffi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-EHIC tkopri kura medika urġenti li ma tkunx ippjanata waqt żjara temporarja skont dak li jiddeċiedi t-tabib mediku responsabbli għall-kura tal-pazjent.

EHIC – Rimborż mill-pajjiż tal-oriġini tal-pazjent

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża mill-Isptar Mater Dei u mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jintalab u jinġabar rimbors mill-pajjiż tal-oriġini ta' ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jattendi d-Dipartiment tal-Emerġenza u li jkun fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-proċedura hija bbażata fuq dak li hu stabbilit fir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Attendenzi – EHIC

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kemm minn dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li attendew id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, kienu fil-pussess tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC, li ħadet post il-formola E-111)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu Marzu – Awwissu 2026, in-numru ta’ pazjenti rreġistrati bl-użu tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) ġewwa l-Isptar Mater Dei kien kif ġej: Xahar                 Numru Marzu                 433 April                   472 Mejju                  591 Ġunju                 704 Lulju                   963 Awwissu             1040

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Attendenzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna li mhijiex ċittadina Maltija attendiet id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, maqsuma bejn ċittadini ta' pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta' pajjiżi terzi (non-EU)?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema administrattiva tal-Isptar Mater Dei, n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza minn April sa Settembru 2026 jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Number of Registered A&E Attendances Hospital identification/ID card letter April to September 2026 (provisional) Maltese & Gozitan (M,L,P, G, H) 57684 Non-Maltese Residents and Registered EU Nationals (A) 13752 Foreigners and non-registered EU Nationals (F) 7634 New Born/Children (C) 350

L-Isptar Mater Dei – Psychiatric Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proġett biex jinfetaħ is-Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx identifikati infermiera speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex imexxu dan il-unit, u jekk iva, x’taħriġ ingħataw?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unit tal-Psikjatrija se tiftaħ bħala parti mill-proġett tal-espansjoni tal-Emerġenza fi ħdan l-Isptar Mater Dei, liema proġett inbeda x-xogħol fuqu f’ Awwissu li għadda. Infurmat li ġew identifikati numru ta’ nfermiera biex jaħdmu fis-sala Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei. L-infermiera huma speċjalizzati fil-psikjatrija u mħarrġa fl-isptar Monte Karmeli, u għandhom esperjenza ta’ xogħol fis-swali varji fosthom fis-swali tal-Admissions tal-Isptar Monte Karmeli. L-infermiera li jaħdmu Monte Karmeli għandhom esperjenza vasta tax-xogħol fil-psikjatrija.

Vetturi liċenzjati għal kull kilometru kwadru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati għal kull kilometru kwadru f’Malta u kif din iċ-ċifra titqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Vetturi ġodda reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati vetturi ġodda mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-kategorija tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Il-problema tat-traffiku – Diskussjonijiet fil-Kabinett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Kabinett iddiskuta formalment il-problema tat-traffiku matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet fil-Kabinett huma ta’ natura kunfidenzjali u l-kunfidenzjalità tagħhom hija mħarsa bl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496).

L-Istrateġija Malta in Motion

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Istrateġija Malta in Motion hix qed tissostitwixxi n-National Transport Master Plan 2030 jew jekk hijiex strateġija addizzjonali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illii n- National Transport Master Plan qiegħed jistabbilixxi l-prijoritajiet li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp tas-settur tat-trasport sal-2030, filwaqt li l-pjan Malta in Motion jifforma parti mill-istess qafas ta’ ħidma u huwa msiejjes mill-istess direzzjoni politika. Għaldaqstant, Malta in Motion mhijiex strateġija separata u lanqas hija maħsuba biex tissostitwixxi l- Master Plan ; hija parti mill-istess proċess ta’ implimentazzjoni, li permezz tiegħu il-Gvern qed imexxi ’l quddiem l-investiment u l-miżuri meħtieġa sabiex is-sistema tat-trasport tkompli tiżvilupa b’mod aktar koordinat, effiċjenti u sostenibbli.

L-Istrateġija Malta in Motion – Pjan ta’ implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ implimentazzjoni u t-timeline tal-Malta in Motion Strategy?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

National Transport Master Plan 2030 – Rakkomandazzjonijiet implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema rakkomandazzjonijiet tan-National Transport Master Plan 2030 ġew implimentati, liema għadhom pendenti u liema ġew abbandunati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n- National Transport Masterplan ġie mniedi f'Jannar 2026 u jistabbilixxi qafas ta' implimentazzjoni sal-2030. Minn dak iż-żmien 'l hawn, bdiet il-ħidma fuq numru ta' miżuri u inizjattivi previsti fil-pjan, li jinsabu fi stadji differenti ta' żvilupp u implimentazzjoni.

Il-Mosta – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema toroq se jkun qed jinbeda xogħol ta' rikostruzzjoni, titjib ta' servizzi u għoti ta' tarmac ġdid fil-lokalità tal-Mosta sa tmiem is-sena 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tal-Mosta ser isir xogħol infrastrutturali f’parti minn Triq Sant’Anton Abbati, parti minn Triq l-Isperanza, Triq il-Kurat Bezzina, parti minn Triq il-Htajriet u parti minn Triq Baskal Buhagiar.

Identità – Impjegati – Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji, f'tabella, dwar kemm impjegati preżenti fi ħdan Identità rċevew taħriġ speċjalizzat fil-verifika tal-identità, is-cybersecurity u l-ġlieda kontra l-frodi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B'referenza għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant, nirreferih għat-tabella t'hawn taħt; Courses Cybersecurity 304 LMS Cybersecurity 356 Fraud/Money Laundering 6 Document Verification/Fraud 189

Ħal Tarxien – Ġnien Mark Farrugia – Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tax-xogħlijiet li se jsiru fi Ġnien Mark Farrugia, f’Ħal Tarxien, inkluż il-method statement tax-xogħlijiet? Tista’ wkoll tispjega x'intervent se jsir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1824.

Iż-Żejtun – Provvista tal-elettriku - Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-inħawi ta’ Triq it-Tamburin, iż-Żejtun, qed jesperjenzaw problemi relatati mal-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x’inhu l-pjan biex tissolva din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta wettqet u qed twettaq xogħol kontinwu biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-netwerk fil-lokalità indikata minnu f’din il-mistoqsija parlamentari u domandi oħrajn. Ninsab infurmata li lill-Enemalta ma jirriżultalhiex li hemm problema bil-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku fejn indikat. F’każ li xi ħadd jesperjenza diffikultajiet għandu jinforma lill-Enemalta.

CfT: Framework Agreement to supply, install, commission and maintain pre-fabricated, automatic, self-cleaning public conveniences in touristic areas - Ministry for Tourism (CT2030/2022)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet is-sejħa għall-offerti ‘CfT: Framework Agreement to supply, install, commission and maintain pre-fabricated, automatic, self-cleaning public conveniences in touristic areas - Ministry for Tourism (CT2030/2022)’ dwar self-cleaning public conveniences f’postijiet turistiċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat u l-Imġarr, Malta – Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-inħawi ta’ Binġemma, tas-Salib u l-Għammieri fir-Rabat, u l-Imġarr, qed jesperjenzaw qtugħ ta’ dawl spiss, fosthom nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-ġurnata indikata rriżultat ħsara f’cable ta’ vultaġġ medju li affettwat il-provvista tal-elettriku fl-inħawi ta’ Binġemma, tas-Salib u l-Għammieri fir-Rabat kif ukoll f’partijiet tal-Imġarr. Infurmata wkoll li l-provvista bdiet tingħata lura lill-klijenti fi ftit minuti minn meta oriġinat u ġiet identifikata l-ħsara mit-timijiet tekniċi tal-Enemalta sakemm ġiet restawrata b’mod gradwali.

Raħal Ġdid - Triq tal-Borg u t-toroq tal-madwar - Qtugħ ta’ dawl

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 577 u 1133, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ vultaġġ għoli jew baxx aktar min-normal fi Triq tal-Borg, f’Raħal Ġdid u t-toroq tal-madwar, u kemm kien hemm minn dawn ir-rapporti minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bejn Settembru 2025 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati erba’ rapporti. Wara l-verifiki u l-investigazzjonijiet tekniċi meħtieġa, l-inġiniera tal-Enemalta wettqu aġġustamenti fis-settings tas-substation li tforni din iż-żona.

Il-Qawra - Skola Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-klassijiet u n-numru ta’ studenti fil-bidu ta’ kull waħda mis-snin skolastiċi minn mindu nfetħet l-Iskola Primarja tal-Qawra? Jista' jgħid ukoll liema faċilitajiet li kienu jiffurmaw parti mill-iskola kellhom jitneħħew biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-klassijiet f’dik l-iskola? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li l-istess skola titkabbar biex tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ tfal fl-inħawi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għal din is-sena skolastika l-iskola tal-Qawra se jkollha 61 klassi li fihom se jilqgħu 1074 student. Il-Ministeru jkompli jissorvelja l-ħtiġijiet tal-infrastruttura edukattiva madwar il-pajjiż kontinwament u kwalunkwe intervent jew investiment futur jiġi evalwat skont il-ħtiġijiet edukattivi, id-domanda u l-prijoritajiet stabbiliti fiż-żmien rispettiv.

Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet approvati - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.