Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Isptar Mater Dei – Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4489 u jgħid kemm hemm konsulenti jaħdmu fl-Isptar Mater Dei preżentement, maqsuma skont il-linja tal-mediċina li jipprattikaw fiha?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei jaħdmu 368 konsulent f’għoxrin dipartiment, li jkopru l-firxa sħiħa tal-ispeċjalitajiet kliniċi u dijanjostiċi.

Sptar Reġjonali Ċensu Moran – Persuni li għamlu użu mis-servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4488 u jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li għamlu użu minn xi wieħed mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran, mill-ftuħ tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Ottubru 2025 u l-31 ta’ Ottubru 2026, kien hemm total ta’ 256,396 pazjent li għamel użu minn wieħed jew aktar mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran.

Birżebbuġa - Kunsill Lokali - Riżorsi mogħtija mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika

Question

Tista’ l-Ministru tindika r-riżorsi umani u finanzjarji mogħtija mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għaż-żamma tal-istess lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li skont ftehim iffirmat fil-31 ta’ Mejju 2024 mas-CMD, dawn qed jipprovdulhom disa’ persuni u huma mqassma hekk: •       Seba’ persuni assenjati għat-tindif tat-toroq. •       Żewġ persuni assenjati għaż-żamma u tindif ta’ żewġ latrini pubbliċi. Barra minn hekk, id-Divizjoni tieħu ħsieb ukoll b’mod regolari ż-żamma tal-indafa tal-bajjiet u l-promenade tal-istess lokalità.

Għalliema ġodda kwalifikati – Warrants temporanji/pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4106 u jgħid kemm mill-għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) ilhom b’warrant temporanju għal aktar minn sena skolastika, u kemm minnhom għandhom applikazzjoni pendenti għal warrant permanenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li preżentament hemm 145 għalliem u infurmat ukoll li tnejn minnhom għandhom applikazzjoni pendenti għal warrant permanenti.

Għalliema ġodda kwalifikati – Warrant temporanju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4105 u jgħid kemm hemm għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) li bħalissa qed jipprattikaw il-professjoni b’warrant temporanju, u jekk jista’, jipprovdi din iċ-ċifra maqsuma separatament bejn skejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u skejjel indipendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bħalissa hemm 155 fl-iskejjel tal-istat.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Rapport dwar ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4382 u jgħid f’liema data l-Awtorità tad-Djar irċeviet l-ewwel rapport dwar il-ħsarat fis-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa, f’liema data ġiet iċċertifikata bħala dangerous structure, u jqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4381 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34052 tal-Erbatax-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-periti li ġew ingaġġati b’direct order għall-proġett tat-tiswija tas-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa, f’liema data ngħatat id-direct order, u x’inhu l-valur tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4380 u jgħid kif inqasmet l-ispiża tat-tiswija tas-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa, bejn l-Awtorità tad-Djar, Infrastructure Malta, il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u s-sidien tal-garaxxijiet? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallas s’issa u lil min?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3732 u 4424 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għandu numru ta’ skemi li minnhom jibbenefikaw numru kbir ta’ NGOs.  Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ NGOs li ġew mgħejjuna fl-aħħar sentejn.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3730 u 4422 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ġie ffurmat f’Ġunju tal-2026. Sa issa qed jikkollabora ma' LBGTIQ+ Gozo biex jipprovdu servizzi lill-komunità LBGTIQ+ u l-familjari tagħhom f'Għawdex.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3729 u 4421 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Il-Ministeru għal Ugwaljanza u Drittijiet Ċivili fil-ħidma tiegħu jikkollabora ma’ ħafna organizzazzjonijiet biex jaqdi l-missjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, fis-snin imsemmija, il-Ministeru, id-dipartimenti u l-entitajiet marbuta miegħu għaddew fondi lil entitajiet mhux governattivi bħal: Malta Women's Lobby, TAMA, Malta Girl Guides Association, Fondazzjoni Saghtar, Friends of Thouret - Dar Hosea, The Good Shepherd Sisters - Dar Merħba Bik Foundation, SOS Malta, St Jeanne Antide Foundation, National Council of Women, Malta Chamber Foundation, Men Against Violence, KOPIN, CORE Platform, Allied Rainbow Communities, Malta LGBTIQ Rights Movement, LGBTI+ Gozo, Migration Policy Group, The Malta Foundation for Human Resources Development (FHRD) u oħrajn.

Ta' Sannat, Għawdex – Triq Ta' Ċenċ – Tisħiħ tad-dawl pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkunsidrat li jissaħħaħ id-dawl pubbliku f’punti kruċjali fid-daħla tat-triq prinċipali (Triq ta' Ċenċ) f'Ta’ Sannat, liema triq mhux biss qiegħda ta’ periklu għal min jgħaddi minnha b'xi vettura jew bil-mixi, iżda hija wkoll suġġett għal diversi abbużi? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadu ma sarx dan it-titjib u jekk hemm il-ħsieb li jsir, jgħid meta ser isir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ta’ Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Dwal installati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tħaddim u l-manutenzjoni tad-dwal installati bħala parti mill-proġett tal-pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, Għawdex jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali jew tal-Gvern Ċentrali? Jista’ jgħid ukoll għaliex, f’diversi okkażjonijiet, il-medda minn Triq Sannat sa Pjazza Santa Margerita tispiċċa fid-dlam, u x’passi se jittieħdu biex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ta' Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Xogħlijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex iż-zebra crossing fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, għadha ma saritx, minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-pjazza, li ġiet irranġata b'fondi pubbliċi permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat u l-Ministeru għal Għawdex? Tista’ tgħid ukoll meta huwa previst li ssir din iż-zebra crossing u jekk għadx fadal xogħlijiet oħra pendenti marbuta mal-istess proġett? Jekk iva, tista’ tispeċifika liema huma u meta mistennija jitlestew?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li l-Kunsill jinsab fil-proċess li ż-zebra crossing issir, tant li diġà hemm il-pelikan lights installati.  Dwar xogħol pendenti, dan huwa relatat mal-aerial cables li qegħdin fil-proċess li jitniżżlu fis-service culvert eżistenti.

Ta' Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Xogħlijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iż-zebra crossing fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, għadha ma saritx, minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-pjazza, li ġiet irranġata b'fondi pubbliċi permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat u l-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa previst li ssir din iż-zebra crossing u jekk għadx fadal xogħlijiet oħra pendenti marbuta mal-istess proġett? Jekk iva, jista’ jispeċifika liema huma u meta mistennija jitlestew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli Lokali – Detenturi tal-Blue Badge – Talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċevew talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji għad-detenturi tal-Blue Badge kull Kunsill Lokali mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’tabella maqsuma skont il-kunsill u s-sena? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Għat-talbiet miċħuda, tista’ tagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-kriterji li ġew applikati?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Kunsilli Lokali – Detenturi tal-Blue Badge – Talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji għad-detenturi tal-Blue Badge kull kunsill lokali mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’tabella maqsuma skont il-kunsill u s-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Għat-talbiet miċħuda, jista’ jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-kriterji li ġew applikati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.