Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1088 u jgħid kemm għandna carers f’pajjiżna li rċevew taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll fiex jikkonsisti dan it-taħriġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li fir-rigward ta’ taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimensja, 521 carer irċieva taħriġ provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunita’ bejn l-2023 u l-2026. Dan it-taħriġ għandu l-għan li jsaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet prattiċi tal-parteċipanti sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kura u appoġġ ta’ kwalità lill-persuni li jgħixu bid-dimensja, abbażi ta’ approċċi person-centred.
It-taħriġ jinkludi introduzzjoni għad-dimensja u l-aktar tipi komuni tagħha, l-għarfien tas-sinjali u s-sintomi tal-kundizzjoni, strateġiji effettivi ta’ komunikazzjoni verbali u mhux verbali, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ mġiba li tista’ tkun ta’ sfida. Issir wkoll enfasi fuq l-importanza li jiġu mħarsa l-indipendenza, l-awtonomija u d-dinjità tal-persuna, kif ukoll fuq l-użu ta’ attivitajiet sinifikanti biex jiġu promossi l-involviment, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja.
Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Infurmata mill-Kunsill Lokali li l-Kunsill kiseb il-permessi kollha meħtieġa minn TM sabiex jimplimenta s-sinjali tal-veloċità massima u għaldaqstant jiffaċilita l-infurzar mill-Pulizija.
Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fit-22 ta’ Lulju 2026, l-Awtorità rċeviet talba għall-awtorizzazzjoni ta’ sinjali tat-traffiku relatati mal-limitu tal-veloċità fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja. Din it-talba bħalissa qiegħda tiġi evalwata mill-Awtorità.
Matul is-snin ġew approvati diversi miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku f’din it-triq, inklużi road humps (fl-1996 u fl-2021), kif ukoll pedestrian crossing (fl-2021).
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 812 u 1192 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS), li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ‘l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Is-Swieqi u San Ġwann – Triq il-Pellikan – Qtugħ ta’ ħaxix u siġar
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1191 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u tara li jinqatgħu l-ħaxix u s-siġar li hemm ħiereġ fi Triq il-Pellikan, bejn is-Swieqi u San Ġwann, li qed jostakola l-passaġġ u jkun ta' ħsara għal vetturi li jgħaddu minn din it-triq?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li x-xogħol relatat ma qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar fi Triq il-Pellikan, tlesta.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fl-Imġarr, Malta, mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fl-Imġarr matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, tlestew żewġ kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju ġodda taħt l-art fl-Imġarr bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku.
F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laħqet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli.
Enemalta se tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar f’partijiet differenti tal-Imġarr bħala parti mill-programm kontinwu tagħha ta’ modernizzazzjoni u tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-network u ttejjeb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku għall-konsumaturi fil-lokalità.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fil-Mellieħa mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fil-Mellieħa matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar erba’ kilometri ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art fil-Mellieħa bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku.
F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli.
Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.
San Pawl il-Baħar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku f’San Pawl il-Baħar mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni f’San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art f'San Pawl il-Baħar bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku.
F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli.
Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta 31 li sservi r-rotta tal-isptar, u li kienet qiegħda tgħaddi minn Triq it-Turisti, f’San Pawl il-Baħar, fil-perjodu meta kien hemm il-pjazza ta’ Buġibba magħluqa, hix ser tkompli taqdi l-inħawi ta’ Triq it-Turisti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara diversi suġġerimenti, inkluż dak mill-Kunsill Lokali rispettiv, sabiex ir-rotta 31 tkompli tgħaddi minn Triq it-Turisti, Transport Malta għamlet modifika fis-servizz ta’ din ir-rotta.
Ir-rotta 31, li matul il-ħinijiet l-aktar impenjattivi topera bi frekwenza ta’ erba’ vjaġġi fis-siegħa, inqasmet f’żewġ rotot distinti: 31 u 31A.
Ir-rotta 31 kompliet tgħaddi minn Triq Ġulju, filwaqt li r-rotta 31A bdiet tgħaddi minn Triq it-Turisti. Kull waħda minn dawn ir-rotot topera bi frekwenza ta’ żewġ vjaġġi fis-siegħa. Dan it-tibdil daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2026.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet qed isir fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin fejn qed jiġu rrappurtati irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jekk dan jinkludix monitoraġġ waqt il-ħinijiet meta r-residenti jirrappurtaw li l-problema tkun tinħass l-aktar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja b’mod regolari fil-lokalitajiet imsemmija permezz ta’ diffusion tubes installati f’dawn it-toroq:
San Ġiljan
Triq San Ġorġ – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Claire E. Engel – nitrogen dioxide.
Is-Swieqi
Triq Sant’ Andrija – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Esprit Barthet – nitrogen dioxide.
Pembroke
Triq P. D’Armenia – nitrogen dioxide u sulphur dioxide.
Ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ huma disponibbli fuq medja ta’ xahar. Il-monitoraġġ permezz tad-diffusion tubes isir matul il-perjodu kollu ta’ teħid tal-kampjuni u r-riżultati jiġu evalwati fuq medja ta’ xahar. Dan il-metodu huwa maħsub biex jevalwa l-kwalità tal-arja ambjentali b’mod ġenerali.
Mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja ambjentali, in-netwerk ta’ monitoraġġ tal-ERA jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. F’dan il-kuntest, in-netwerk huwa mfassal biex jevalwa l-kwalità tal-arja b’mod ġenerali.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Ilmenti dwar irwejjaħ u emissjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċevewx ilmenti mingħand residenti tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin dwar irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Awwissu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċevietx ilmenti fuq is-sistema tagħha dwar irwejjaħ, dħaħen jew emissjonijiet mill-impjant inkwistjoni li kienu identifikati bħala ġejjin mil-lokalitajiet tas-Swieqi, Pembroke jew San Ġiljan. Matul l-istess perjodu, l-ERA rċeviet tmintax-il ilment relatati ma’ dan l-impjant minn residenti tal-Iklin, in-Naxxar u San Ġwann.
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-miżuri li l-Gvern implimenta jew għandu l-ħsieb jimplimenta sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-indafa, l-infurzar, il-vandaliżmu, l-imġiba antisoċjali u l-preservazzjoni tal-karattru residenzjali tal-lokalità tas-Swieqi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.
Is-Swieqi – Sinjali tat-traffiku mwaqqa’ jew bil-ħsara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex infurmata dwar każijiet ta’ sinjali tat-traffiku mwaqqgħa jew bil-ħsara fil-lokalità tas-Swieqi? Jista' jgħid ukoll kemm-il rapport ġie rreġistrat u f’kull każ kemm damu biex jissewwew jew jiġu sostitwiti?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jagħti aktar setgħat u riżorsi lill-kunsilli lokali sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw regolamenti relatati mal-indafa pubblika, l-imġiba antisoċjali u kwistjonijiet li jolqtu l-kwalità tal-ħajja?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-infurzar lokali permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-Kunsilli Lokali u mal-entitajiet kollha responsabbli mill-infurzar. Fil-fatt, dan huwa rifless ukoll fil-wegħdiet elettorali ta’ dan il-Gvern li jagħrfu l-ħtieġa ta’ infurzar aktar effettiv u koordinat sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ serq fil-Madliena mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar 2026 u t-23 ta’ Settembru tal-istess sena, fis-sistema elettronika tal-Pulizija ġew rreġistrati sebgħa (7) rapporti ta’ serq fil-lokalità tal-Madliena fis-sistema elettronika tal-Pulizija.
Il-Fgura – Triq Ħaż-Żabbar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq Ħaż Żabbar, il-Fgura, qed jesperjenzaw qtugħ frekwenti fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta wettqet diversi xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Fgura u fl-inħawi tal-madwar matul l-aħħar snin, u qed tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar fil-lokalità sabiex issaħħaħ l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista. Billi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura, hija waħda distributorja u twila mhux ħażin tant li hija fornuta minn diversi substations, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika ż-żona konċernata b’mod aktar speċifiku.
Iż-Żejtun – Triq San Mikiel – Problemi ta’ vultaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq San Mikiel, iż-Żejtun, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati tliet rapporti. L-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta ma indikawx problema fil-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Madankollu, bħala parti mill-programm kontinwu tagħha, Enemalta qed tippjana aktar investimenti fl-infrastruttura li sservi ż-żona biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizz.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu ż-żmien medju li jgħaddi bejn meta titressaq talba għal rimborż lil pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u meta effettivament jasal il-ħlas, u jekk hemmx talbiet li ilhom pendenti aktar minn sena? Jekk iva, jista’ jgħid x'passi qed jittieħdu biex dawn jinġabru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti jaqgħu taħt il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropeja bin-numru 987/09.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-valur totali tat-talbiet għal rimborż imressqa lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-EHIC matul l-aħħar sitt xhur, effettivament tħallas u daħal fil-kaxxa ta' Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u liema pajjiżi għandhom l-akbar ammonti pendenti?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il talba għal rimborż tressqet mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111) għal servizzi mogħtija fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur u x'kien il-valur totali ta' dawn it-talbiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026, l-Isptar Mater Dei irreġistra 3,892 każ relatat ma’ pazjenti koperti taħt is-sistema EHIC/E-111, bil-kontijiet tagħhom jiġu riferuti lill-Uffiċċju tal- Entitlement biex issir it-talba ta’ rimbors mill-pajjiż rispettiv.
Il-valur totali mitlub għal dawn il-kontijiet ammonta għal €3,729,853.94.