Visas – Applikazzjonijiet minn ċittadini Libjani – Proċedura għall-approvazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jispjega l-proċedura li kienet tintuża għall-eżamijiet u l-approvazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet għal visas ippreżentati minn ċittadini Libjani, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif inbidlet din il-proċedura matul dan il-perjodu u min kellu l-awtorità finali biex japprova jew jiċħad applikazzjoni?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel mistoqsijiet illi jaqgħu fil-mansjoni ta’ dan il-Ministeru
Visas maħruġa lil ċittadini Libjani għal skopijiet mediċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu visas għal skopijiet mediċi lil ċittadini Libjani mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll liema kontrolli kien hemm biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tad-dokumenti mediċi u tal-appuntamenti ppreżentati mal-applikazzjonijiet?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
L-Onor. Interpellant għandu jkun informat sew dwar ir-responsabiltajiet ta’ dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal visas minn ċittadini Libjani mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew approvati, miċħuda, irtirati jew baqgħu pendenti, u jagħti ċ-ċifri skont it-tip ta’ visa?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
L-Onor. Interpellant għandu jkun informat illi dan il-Ministeru ma joħroġx visas.
B’referenza għall-ħidma tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM) fiż-żona ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR) ta' Malta matul l-2025, jista’ l-Ministru:
i. jikkonferma li l-AFM irrispondiet għal inqas minn 1% tal-565 każ ta' periklu rreġistrati fiż-żona SAR tagħha u ħalliet 'il fuq minn 23,500 persuna f'periklu;
ii. jgħid jekk hux minnu li l-gwardja tal-kosta Libjana tħalliet tidħol fiż-żona SAR ta' Malta mill-inqas 34 darba fl-2025 biex tirritorna bil-forza 'l fuq minn 1,500 persuna lejn il-Libja; u
iii. jgħid x'inhi l-bażi legali għall-koordinazzjoni ta' tali ritorni u dan kif jallinja mal-obbligi ta' Malta taħt il-prinċipju ta' non-refoulement u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm telqu avukati li kienu impjegati mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mis-sena 2022 sat-30 ta’ Setembru 2026, filwaqt li kien hemm 58 avukat li ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, irrezenjaw 16-il avukat (li 9 minnhom saru membru tal-gudikatura jew court attorney).
Birżebbuġa – Żamma tal-paċi pubblika u d-dekor pubbliku – Infurzar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru azzjonijiet ta' infurzar tal-liġi mill-awtoritajiet kompetenti rigward short-lets u ż-żamma tal-paċi pubblika u d-dekor pubbliku fil-lokalità ta' Birżebbuġa, bejn Ġunju u Awwissu 2026?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat illi fix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awissu 2026, il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mat-Tim tal-Pulizija għall-Komunità f’Birżebbuġa, komplew jieħdu inizjattivi konkreti biex jindirizzaw u jnaqqsu l-każijiet ta’ imġieba anti-soċjali, bħal ksur tal-paċi u l-ordni pubblika, imġiba indeċenti u problemi relatati ma’ abbużi minn akkomodazzjoni short-let.
Bħal ma sar f’lokalitajiet oħra, dan kien jinvolvi ħafna siegħat ta’ ronda, matul dan il perjodu. Il-Pulizija żammet kuntatt dirett mar-residenti u mal-komunità matul il-perjodu kollu u f’kull ħin ħadet azzjoni abbażi ta’ informazzjoni, u rapporti li rċeviet, kif ukoll ħadet azzjoni dwar inċidenti li ġew osservati minnha waqt il-qadi tad-doveri tagħha.
Fuq kull rapport ta’ ksur ta’ ordni u paċi pubblika, il pulizija ħadet azzjoni abbażi ta’ ċirkustanzi ta’ kull każ. Kien hemm żewġ każi dwar diċenza pubblika fejn il-persuni responsabbli ingħataw taħrika li tħallset on the spot. L-azzjonijiet tal-pulizija huma kontinwi u bil-kollaborazzjoni mal-pubblika u l-Kunsill Lokali, ser tibqa’ taħdem b’mod preventiv biex jiġu evitati tali offiżi u oħrajn, u waqt li kull ilment jiġi segwit, ir-residenti tal-lokalità jgħixu f’ambjent kwiet u sigur.
Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi umani u finanzjarji mogħtija mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika lill-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa għaż-żamma tal-istess lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-ġejjieni sabiex isir l-investiment meħtieġ sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Birżebbuġa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi allokati għall-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Birżebbuġa tramite r-Reġjun Nofsinhar, liema lokalità qed tiffaċċja sfidi kbar fl-immaniġġjar tal-iskart domestiku u kummerċjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Marsaskala – Żamma tal-paċi pubblika u d-dekor pubbliku – Infurzar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru azzjonijiet ta' infurzar tal-liġi mill-awtoritajiet kompetenti rigward short-lets u ż-żamma tal-paċi pubblika u d-dekor pubbliku fil-lokalità ta' Marsaskala, bejn Ġunju u Awwissu 2026?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat illi fix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awissu 2026, il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mat-Tim tal-Pulizija għall-Komunità f’Marsaskala, komplew jieħdu inizjattivi konkreti biex jindirizzaw u jnaqqsu l-każijiet ta’ imġieba anti-soċiali, bħal ksur tal-paċi u l-ordni pubblika, imġiba indeċenti u problemi relatati ma’ abbużi minn akkomodazzjoni short-let. Dan involva diversi siegħat ta’ ronda, matul dan il perjodu.
Permezz ta’ aktar preżenza fit-toroq, kontrolli u infurzar, kif ukoll kuntatt aktar dirett mar-residenti u mal-komunità, qed ikomplu jsiru sforzi biex jiġu identifikati u indirizzati sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ inkonvenjent jew ta’ theddida għall-kwalità tal-ħajja fil-lokalità, u biex jiġi assigurat illi l-lokalità tibqa’ lokalità sigura, nadifa u paċifika.
Dawn l-inizjattivi wasslu biex kien hemm tnaqqis drastiku ta’ rapporti u kwereli li s-soltu jidħlu l-għassa tal-lokal, tant li fir-rigward ta’ residenzi short-lets, it-tim tal-lokal kellu rapport wieħed biss, f’dan il-perjodu, li ġie solvut wara li ttieħdu azzjonijiet neċessarji u immedjati. Il-kollaborazzjoni bejn il-Pulizija, il-Kunsill Lokali u r-residenti ser tkompli biex każi kif indikati fil-mistoqsija u oħrajn jiġu indirizzati b’mod effettiv u kontinwu.
Jista’ l-Ministru jgħid min ħa u meta ttieħdet id-deċiżjoni relatata mal-policies il-ġodda mħabbra fl-20 ta' Awwissu 2026 mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA)?
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema laqgħa tal-bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ġew diskussi l-policies imħabbra fl-20 ta' Awwissu 2026 mill-istess awtorità? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm qbil unanimu waqt il-laqgħa tal-bord dwar it-tali policies?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal risposta numru 2511.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policies ġodda mħabbra mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) fl-20 ta' Awwissu 2026 humiex konformi mal-liġijiet u l-proċeduri rispettivi li jirregolaw il-proċess biex istituzzjonijiet edukattivi jingħataw liċenzja ta' università jew stat ta' awtoakkreditazzjoni? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll minn liema lat huma konformi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għandu jirreferi għall-Kapitolu 607 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-policies imħabbra mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) fl-20 ta' Awwissu 2026 ġew diskussi qabel it-tnedija tagħhom mal-istituzzjonijiet edukattivi li għandhom liċenzja mill-istess awtorità? Jista’ jgħid ukoll kif tmexxa dan il-proċess ta' konsultazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-policies imħabbra mill-entita msemmija fl-20 ta' Awwissu 2026, ġew diskussi fl-10 ta’ Ġunju 2026, matul it-13-il laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-MFHEA. Dan il-Kumitat jinkludi rappreżentanti ta’ fornituri edukattivi pubbliċi u privati liċenzjati, kif ukoll partijiet interessati rilevanti.
Infurmat li Matul il-laqgħa, il-membri ġew mistiedna jissottomettu aktar ‘feedback’ bil-miktub, liema ‘feedback’ ġie debitament ikkunsidrat u, fejn xieraq rifless fil-policies finali qabel l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom fl-20 ta’ Awwissu 2026.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw Epipens lill-adulti minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2026, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt:
2026
Epipens lill-Adulti
Epipens lill-Minorenni
Jannar
0
0
Frar
0
0
Marzu
3
0
April
35
2
Mejju
70
29
Ġunju
83
46
Lulju
90
39
Awwissu
72
48
Settembru
54
49
Ta’ min jinnota li dawn l-Epipens bdew jitqassmu lejn l-aħħar ta’ Marzu 2026, wara l-istqarrija annessa
https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2026/03/17/PR260438.aspx