Legislature:
Category:
Reset
Active:

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx audit intern jew investigazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ġie sottomess l-ebda rapport, ilment jew informazzjoni lill-Awtorità f’Malta li kienet tiġġustifika l-ftuħ ta’ audit intern jew investigazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ rmiġġi matul ix-xhur msemmija.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Revoka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew revokati rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 u għal liema raġuni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar u Mejju tas-sena 2026 ġew revokati erbgħa u erbgħin (44) permess ta’ rmiġġ. Dawn il-permessi ġew revokati minħabba ħlasijiet pendenti li baqgħu ma tħallsux.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jirrevedi s-sistema tal-waiting lists sabiex ikun hemm aktar trasparenza u ġustizzja fl-allokazzjoni tal-irmiġġi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità, flimkien mal-Ministeru, tevalwa u tirrevedi b’mod kontinwu l-proċessi amministrattivi tagħha, bil-għan li tkompli ssaħħaħ it-trasparenza, il-konsistenza u l-effiċjenza fis-servizzi offruti.

Is-Swieqi – Diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn sabiex jiġu diskussi l-problemi relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li matul l-aħħar sentejn saru diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet konċernati u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex niddiskutu l-kwistjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-laqgħat isiru b'mod regolari ma' kull Kunsill Lokali.

Kura komunitarja - Investiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’investiment sar fil-kura komunitarja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diversi investimenti fil-kura komunitarja biex jgħinu lill-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, u li kontinwament qegħdin ikomplu jiġu estiżi u introdotti. Fost dawn ġew introdotti s-servizzi u investimenti msemmija hawn taħt: 1.  Ċentri għall-Anzjanità Attiva 2.  Skema ta’ Carer fid-Dar 3.  Servizz ta’ Konsulent Ġerjatriku fil-Komunità 4.  Servizz ta’ Psikjatra fil-Komunità 5.  Servizz ta’ Psikoterapija 6.  Servizz ta’ Kontinenza 7.  Ċentri tal-Attività tad-Dimensja 8.  Interventi mit-Tim tad-Dimensja 9.  Servizz Dijetetiku Domiċiljari 10.   Servizz ta’ Tabib tal-Familja fil-Komunità 11.   Servizz Domiċiljari ta’ Infermier u Carer 12.   Servizz ta’ Handyman 13.   Servizz għall-Immaniġġjar tad-Dijabete fid-Dar 14.   Servizz ta’ Home Help 15.   Kiri ta’ Sodod Motorizzati 16.   Servizz ta’ Meals on Wheels 17.   Servizz ta’ Night Shelter 18.   Servizz ta’ Occupational Therapy 19.   Servizz ta’ Flebotomija (Teħid tad-Demm) 20.   Servizz ta’ Fiżjoterapija 21.   Servizz ta’ Podjatrija 22.   Respite fid-Dar 23.   Servizz ta’ Silver-T 24.   Social Work 25.   Servizz ta’ Telecare 26.   Telecare on the Move 27.   Roħs fuq il-Kera tat-Telefown 28.   Skontijiet għall-Anzjani 29.   Klinika Multidixxiplinari ġewwa Dar Padova, f’Għajnsielem, Għawdex

Djar tal-anzjani - Carers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm carers impjegati fi djar tal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ carers impjegati mal-Anzjanita’ Attiva u l-Kura fil-Komunita’ fid-djar tal-anzjani huwa ta’ 190; filwaqt li t-total ta’ carers impjegati f’San Vinċenz de Paule hu ta’ 201.

Tħaddim tal-iskema BCRS

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar it-tħaddim tal-iskema BCRS, inkluż kemm inġabru kontenituri tax-xorb minn meta bdiet titħaddem l-iskema? Fid-dawl tal-miżuri li ttieħdu biex il-kwalità tal-ilma tal-vit f’Malta titjieb u jiżdied il-konsum tiegħu, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu stmat li ntużaw inqas jew ġew evitati fliexken tal-plastik b’riżultat ta’ konsum aktar għoli tal-ilma tal-vit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema BCRS kompliet tissaħħaħ kemm fuq livell operattiv kif ukoll regolatorju, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tas-servizz offrut lill-pubbliku. Fost il-miżuri ewlenin li ttieħdu, ġew introdotti standards aktar stringenti dwar l-uptime tal-magni (RVMs) u l-ħin li fih magna tkun “bin full”, flimkien ma’ żieda fil-frekwenza tat-tindif u tal-ġbir. Il-Licence Agreement aġġornat jistabbilixxi, għal kull RVM, uptime ta’ mill-inqas 90% fuq bażi ta’ ġimgħa matul il-ħinijiet stabbiliti ta’ operat, filwaqt li “bin full” m’għandux jaqbeż 4% fuq bażi ta’ ġimgħa. Sar ukoll titjib fir-rotot sabiex tiżdied il-frekwenza tat-tbattil tal-magni, u matul is-sajf f’lokalitajiet b’domanda għolja l-ġbir isir filgħodu u filgħaxija, filwaqt li żdiedu wkoll ir-rotot ta’ billejl. Mill-bidu tal-Iskema f’Novembru 2022 sat-tmiem ta’ Ġunju 2026, inġabru kumulattivament madwar 817.7 miljun kontenitur. Fl-istess waqt, tnediet skema ta’ għajnuna permezz ta’ Malta Enterprise biex tħeġġeġ aktar investiment f’RVMs mill-bejjiegħa bl-imnut u b’hekk tkompli tissaħħaħ in-network ta’ punti ta’ ġbir. Fir-rigward tat-tnaqqis fil-fliexken tal-plastik attribwibbli għal konsum ogħla tal-ilma tal-vit, ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed mill-għanijiet tal-investimenti u l-miżuri li ttieħdu sabiex titjieb il-kwalità tal-ilma tal-vit huwa proprju li aktar persuni jagħżlu l-ilma tal-vit bħala alternattiva sostenibbli għall-ilma bbottiljat, bil-benefiċċji ambjentali li dan iġib miegħu permezz ta’ tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart u fl-użu tal-plastik. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-ilma ma jiġix ikkunsmat esklussivament minn kontenituri li jaqgħu taħt l-Iskema BCRS u għalhekk id-dejta tal-Iskema tista’ tagħti biss stampa parzjali. Id-dejta disponibbli tindika li bejn l-2024 u l-2025, it-total ta’ kontenituri PET imqiegħda fis-suq naqas minn 174.83 miljun għal 173.12 miljun, tnaqqis ta’ madwar 1.72 miljun kontenitur. Fl-istess perjodu, il-fliexken PET ta’ ilma mhux aromatizzat naqsu minn 114.97 miljun għal 113.73 miljun, jiġifieri tnaqqis ta’ madwar 1.24 miljun flixkun. Għaldaqstant, madwar 71% tat-tnaqqis kollu fil-PET kien attribwibbli għat-tnaqqis fil-fliexken tal-ilma, filwaqt li fl-istess sena t-tqegħid fis-suq lokali tal-kontenituri kollha taħt l-Iskema żdied b’madwar 2.9 miljun. Dawn iċ-ċifri huma konsistenti mal-għanijiet tal-politika tal-Gvern li tinkoraġġixxi għażliet aktar sostenibbli fil-konsum tal-ilma u tnaqqis fid-dipendenza fuq prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Il-Marsa – Proġett ta’ riġenerazzjoni – Xogħlijiet mill-Enemalta u WSC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed iwettqu l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni fiċ-ċentru tal-Marsa? Tista’ tagħti dettalji dwar l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, inkluż il-cables ġodda ta’ vultaġġ medju u baxx, kif ukoll dwar ix-xogħlijiet fuq il-pajpijiet tal-ilma tax-xorb u l-infrastruttura tad-drenaġġ, u tgħid x’benefiċċji se jġibu dawn ix-xogħlijiet għar-residenti u n-negozji fiż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan mhuwiex sempliċiment proġett biex il-qalba tal-Marsa jkollha dehra ġdida, imma proġett li qed jgħaqqad ir-riġenerazzjoni tal-ispazji ta’ barra ma’ investiment fl-infrastruttura essenzjali li taqdi lill-lokalità. Qed nużaw din l-opportunità biex inġeddu l-infrastruttura taħt it-toroq tagħna, intejbu l-ispazji pubbliċi u l-aċċessibbiltà, u noħolqu ambjent aħjar għar-residenti, għan-negozji u għal kull min juża din iż-żona. Huwa important li dawn l-interventi differenti jsiru b’mod kordinat bħala parti minn proġett wieħed komprensiv, u għalhekk il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed tikkoordina x-xogħlijiet f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, il-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-komunità lokali. Min-naħa tal-Enemalta qed isir investiment ta’ madwar €400,000 biex issaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona. Dan jinkludi tqegħid ta’ 2.5 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju u ta’ vultaġġ baxx. Filwaqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel investiment ta’ madwar €690,000 biex tbiddel il-pajpijiet prinċipali tal-ilma tax-xorb eżistenti u tinstalla pajp prinċipali ġdid ta’ 350mm qrib il-knisja u tul Triq is-Salib tal-Marsa. Il-Korporazzjoni se ttejjeb ukoll l-infrastruttura tad-drenaġġ f’din l-istess żona.

Binġemma – Frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddi minn Binġemma, fil-limiti tar-Rabat (Malta), jiżdied għal darba kull siegħa minflok darba kull sagħtejn sabiex ir-residenti ta’ din iż-żona jkollhom aċċess aħjar għat-trasport pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura – Problemi strutturali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Tista’ tassigura li m’hemm l-ebda periklu għall-pubbliku u għar-residenti tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell – Rapport tal-konsultazzjoni pubblika

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-parks nazzjonali proposti f’Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali proposti għal Manoel Island, il-White Rocks u Fort Campbell saret bejn Diċembru 2025 u April 2026 permezz tal-pjattaforma ParksinMalta.mt. Matul dan il-proċess, ġew sottomessi aktar minn 6,000 kontribuzzjoni. Project Green organizzat madwar 100 workshop u focus groups li fihom ħadu sehem madwar 6,000 persuna oħra, fosthom residenti, studenti, familji, anzjani, Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi. B’hekk, il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal għal madwar 12,000 kontribuzzjoni u parteċipant u qed jgħin biex jiġu identifikati l-prijoritajiet, l-aspettattivi u l-ideat tal-pubbliku qabel ma jiġu żviluppati aktar il-pjanijiet ta’ riġenerazzjoni għat-tliet siti. Il-feedback ta’ din il-konsultazzjoni qed tgħin biex ikunu żviluppati l-pjani għat-tliet parks nazzjonali proposti.

Ir-Rabat, Malta – Triq Għeriexem – Solar Footpath

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kWh ta’ enerġija ġew iġġenerati mis-Solar Footpath tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Għal kull sena, jista’ jgħid ukoll: i.    il-valur monetarju tal-enerġija ġġenerata; ii.   jekk kienx hemm perjodi li matulhom is-sistema ma kinitx operattiva u jekk iva, kemm damu dawn il-perjodi; u iii.  għal liema raġuni s-sistema ma kinitx operattiva matul dawk il-perjodi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.

Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna finanzjarja lill-bdiewa

Question

B’referenza għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa milquta mill-maltempata Harry, jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm applikazzjonijiet ġew sottomessi; ii.   kemm applikazzjonijiet ġew approvati; iii.  kemm applikazzjonijiet ġew miċħuda u għal liema raġunijiet; iv.  kemm applikazzjonijiet għadhom qed jiġu evalwati; u v.   jekk il-Ministeru bagħatx komunikazzjoni uffiċjali lill-applikanti dwar l-istat tat-talba tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-maltempata “Harry”, il-Ministeru nieda minnufih proċess strutturat ta’ ġbir u verifika ta’ data sabiex jiġu evalwati b’mod preċiż l-impatti fuq il-bdiewa, ir-raħħala u s-settur agrikolu inġenerali. Din l-evalwazzjoni preliminari kienet pass indispensabbli biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali tas-settur u biex kwalunkwe intervent potenzjali jkun ibbażat fuq evidenza ċara, kif meħtieġ mill-qafas Ewropew dwar l-Għajnuna mill-Istat. F’dan l-istadju, ma tnediet l-ebda skema formali ta’ għajnuna, peress li l-prijorità kienet li jitwettaq studju komprensiv tad-danni u tal-impatti ekonomiċi kkawżati mill-maltempata. Għalhekk, informazzjoni dwar applikazzjonijiet, approvazzjonijiet jew pagamenti ma tistax tingħata, billi skema ta’ appoġġ għadha ma ġietx stabbilita.

Il-Buskett – Latrini Pubbliċi – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sejħa għall-offerti marbuta max-xogħlijiet fuq il-latrini pubbliċi fil-Buskett ġietx aġġudikata? Jekk iva, tista’ tgħid jekk dawn ix-xogħlijiet bdewx u f’liema data, meta huma mistennija li jitlestew u meta huma mistennija li jkunu operattivi għall-użu pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti relatata mal-upgrading u r-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet sanitarji pubbliċi fil-Buskett waslet fl-aħħar stadji tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, bil-perjodu għall-preżentazzjoni ta’ appelli skada fil-5 ta' Ottubru 2026. Suġġett għall-konklużjoni tal-proċeduri kollha previsti mil-liġi u għall-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, Ambjent Malta tkun tista’ tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt u l-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett. Il-kuntratt jipprevedi perjodu ta’ sitt xhur għat-twettiq tax-xogħlijiet mill-ħruġ tal-ordni tal-bidu. Għalhekk, huwa mistenni li x-xogħlijiet jitlestew fl-2027, sabiex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jitqiegħdu għas-servizz tal-pubbliku.

Edu Infrastructure – Elenku tax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku tax-xogħlijiet li ġew imwettqa mill-Edu Infrastructure mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Edu-Infrastructure Programme tnieda f’Jannar 2025 bil-għan li jimmodernizza l-faċilitajiet edukattivi f’Malta u jipprovdi ambjenti aktar siguri, aċċessibbli, sostenibbli u funzjonali għall-istudenti u għall-edukaturi. Il-programm jinkludi rinnovazzjonijiet interni u esterni, estensjonijiet, titjib tal-aċċessibbiltà, swali u spazji miftuħa, kif ukoll modernizzazzjoni tas-servizzi u tal-faċilitajiet. Matul l-2025, saret rinnovazzjoni estensiva fl-Iskola Primarja Adrian Borg f’Birkirkara, li inkludiet klassijiet u sala ġodda, tiġdid tas-sistemi tal-elettriku u tad-drenaġġ, titjib tal-ground u tal-bejt, pannelli fotovoltajċi, arja kkundizzjonata, lift u faċilitajiet sanitarji aċċessibbli. Rinnovazzjonijiet simili jinsabu fl-ewwel fażi tagħhom fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, fl-Iskola Primarja tas-Sliema u fi tliet blokok tal-Iskola Medja tal-Blata l-Bajda ukoll l-ewwel fażi tar-rinnovazzjoni tal-Iskola Primarja tal-Belt Valletta. Ġew rinnovati l-ALP Hall, is-Sala tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u s-sala tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, filwaqt li għaddejjin xogħlijiet fis-swali tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel u tal-Iskola Primarja taż-Żurrieq. Fl-Imrieħel tlestiet ukoll librerija ġdida u ġiet imtejba ż-żona tal-canteen. Il-programm jinkludi wkoll l-implimentazzjoni tal-iskema Open Horizons għat-tisħiħ tat-tagħlim tas-suġġetti STEM, ir-rinnovazzjoni tal-Migrant Learners’ Unit fin-Naxxar u tal-Home Economics Hub, kif ukoll titjib tal-ispazji esterni fl-iskejjel primarji tax-Xgħajra u tal-Luqa. Barra minn hekk, saru interventi f’diversi skejjel fuq il-bjut, il-faċċati u l-faċilitajiet sanitarji, sabiex titkompla tissaħħaħ il-kwalità tal-ambjenti edukattivi.

Foundation for Tomorrow’s Schools – Elenku tax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku tax-xogħlijiet li ġew imwettqa mill-Foundation for Tomorrow’s Schools mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lista ta’ xogħlijiet ewlenin f’dan il-perjodu hi kif qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Kawżi għas-sentenza pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammont eżatt ta' kawżi għas-sentenza pendenti li għandu kull Imħallef u Maġistrat u għal kull ġudikant jikklassifikahom f’kemm minnhom ilhom pendenti inqas minn sena, bejn sena u sentejn, bejn sentejn u tlieta, bejn tliet snin u erbgħa, bejn erba’ snin u ħamsa, u aktar minn ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-anzjani – Lista ta’ stennija – Anzjani fil-komunità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar

Il-Mosta – Dar tal-Anzjani – Xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar

Ix-Xewkija, Għawdex – Inċident f’residenza – Passi investigattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, wara l-ewwel intervent b’rabta mal-każ li seħħ fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Settembru 2026 f’residenza fix-Xewkija, sarux żjarat oħra mill-Pulizija fir-residenza inkwistjoni, kif ukoll x’passi investigattivi ttieħdu, inkluż jekk itteħdux stqarrijiet, sarux spezzjonijiet jew inġabritx xi evidenza?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

L-informazzjoni mitluba sparixxiet!