Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li kienu ngħataw visa ma telqux minn Malta jew miż-żona Schengen fiż-żmien stipulat, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom sussegwentement applikaw għall-ażil, għal permess ta’ residenza jew għal status ieħor?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali (IPA) ma tiġborx u ma tirreġistrax speċifikament din l-informazzjoni fid-database tagħha. Madankollu, permezz ta’ verifika manwali ġie stabbilit li, mill-2013 sal-lum, 386 persuna li kellhom visa Maltija applikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’Malta, filwaqt li 1,197 persuna li kellhom visa Maltija applikaw għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew revokati jew annullati visas wara li nħarġu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika r-raġunijiet għar-revoka jew l-annullament u kemm minn dawn il-każijiet ġew riferuti lill-Pulizija jew lil awtorità oħra għall-investigazzjoni?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk itteħditx azzjoni wara rapporti li kien hemm drenaġġ fil-baħar f’Wied il-Mielaħ, Għawdex fit-8 ta’ Settembru 2026, għad-detriment tas-saħħa pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment rigward drenaġġ fil-baħar fiż-żona indikata. Madankollu, hekk kif l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa f’Għawdex sar jaf bis-sitwazzjoni fid-9 ta’ Settembru 2026, informa minnufih lit-Taqsima tal-
Wastewater Operations Unit
fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Ninsab infurmat li l-każ kien dovut għal ħsara fil-pompa tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ, li wasslet li xi drenaġġ sab triqtu lejn il-baħar. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet azzjoni immedjata billi wettqet ix-xogħlijiet ta’ tiswija meħtieġa u naddfet iż-żona affettwata.
MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għal-lukandi ġodda għandhom l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), għalkemm għadhom ma nbnewx? Jista’ jgħid ukoll kemm kmamar huma approvati, ta’ liema klassi u f’liema lokalitajiet jinsabu separatament?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2026 ġew approvati 30 proġett għal lukandi ġodda. Dawn jinsabu f’Buġibba, Gżira, Ħamrun, Marsa, Msida, Qawra, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Sliema, Swieqi, Ta’ Xbieb u l-Belt Valletta.
Ta’ min jiċċara li din l-istatistika tirrigwarda approvazzjonijiet maħruġa mill-MTA. L-Awtorita’ m’għandhiex informazzjoni dwar l-istat tal-iżvilupp, ċioe’ jekk dawn il-proġetti ġewx effettivament mibnija jew le.
MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta’ lukandi li għandhom l-approvazzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għall-żieda ta’ kmamar? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn il-lukandi separatament għal kull lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm kmamar huma approvati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2026, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kellha talba ta’ 24 proġett ta’ estensjoni b’total ta’ 815 kmamar ġodda. Dawn jinsabu f’Ħal Għaxaq, Msida, Pietà, Ir-Rabat, San Lawrenz, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, l-Belt Valletta, Victoria Għawdex, Ix-Xagħra u Iż-Żebbuġ.
Ta’ min jiċċara li din l-istatistika tirrigwarda approvazzjonijiet maħruġa mill-MTA. L-Awtorita’ m’għandhiex informazzjoni dwar l-istat tal-iżvilupp, ċioe’ jekk dawn il-proġetti ġewx effettivament mibnija jew le.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tittieħed azzjoni biex jitnaddfu l-inħawi ta’ Triq il-Mielħa l/o Rabat/Dingli, minn makkinarju, karozzi mitluqa u oġġetti oħra?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li wara spezzjoni li saret fuq il-post, ma kkonfermatx il-preżenza ta’ vetturi mitluqa f’din it-triq.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet fuq stabbilimenti li jistgħu jipproduċu jew jużaw skart likwidu ta’ natura kimika jew tossika, matul l-aħħar tliet snin? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew identifikati każijiet ta’ ksur u x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2461,
ninsab infurmata li matul l-aħħar tliet snin (2023-2025) saru 13,695 spezzjoni fi stabbilimenti kummerċjali u industrijali mis-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Minn dawn inħarġu 760 Notices to Comply u 110 Ittri Legali biex jiġu regolarizzati nuqqasijiet li jvarjaw minn nuqqas ta’ dokumentazzjoni għal rimi ta’ trade effluent b’parametri kimiċi ogħla minn dak stipulat fil-liġi.
Sistema tad-drenaġġ – Miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ għal sustanzi tossiċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ hemm biex jiġi identifikat jekk sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi humiex qed jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ, fejn jispiċċaw sussegwentement, u jekk il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ humiex mgħammra biex jittrattaw dawn it-tip ta’ sustanzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2461.
Stabbilimenti industrijali u kummerċjali – Rimi ta’ sustanzi tossiċi – Kontrolli
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern, permezz tal-awtoritajiet kompetenti, iwettaqx kontrolli regolari fuq stabbilimenti industrijali, fabbriki, ristoranti, lukandi u stabbilimenti kummerċjali oħra sabiex jiġi żgurat li sustanzi bħaż-żjut, kimiċi, deterġenti industrijali u materjali oħra potenzjalment tossiċi jew ta’ ħsara għall-ambjent ma jkunux qed jintremew direttament fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Is-sezzjoni tad-Discharge Permitting fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforza r-regolamenti dwar ir-rimi ta’ skart likwidu fid-drenaġġ permezz ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti industrijali u kummerċjali u l-ġbir ta’ kampjuni ta’ trade effluent sabiex jiġi verifikat li l-parametri kimiċi jkunu konformi mal-limiti stabbiliti mil-liġi. Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi wkoll verifikat li sustanzi tossiċi jew perikolużi jiġu maniġġjati u mormijin skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-iskart, u li tkun disponibbli d-dokumentazzjoni neċessarja li turi li tali materjal ingħata lil operaturi awtorizzati għall-immaniġġjar u r-rimi tiegħu.
Sustanzi li huma permessi li jidħlu fis-sistema tad-drenaġġ fil-limiti stabbiliti mil-liġi jiġu trattati permezz tas-sistema tad-drenaġġ u tal-faċilitajiet tat-trattament tal-Korporazzjoni. Min-naħa l-oħra, sustanzi perikolużi li ma jistgħux jiġu rilaxxati fid-drenaġġ għandhom jiġu maniġġjati u mormijin permezz ta’ sistemi awtorizzati għall-immaniġġjar tal-iskart skont il-liġi.
Il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ huma operati skont il-parametri u l-kundizzjonijiet regolatorji applikabbli. Għalhekk, il-kontrolli, il-monitoraġġ u r-rekwiżiti imposti fuq ir-rimi fid-drenaġġ huma maħsuba biex jiżguraw li l-effluwent li jidħol fis-sistema jkun kompatibbli mal-proċessi ta’ trattament.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33419 tal-leġislatura preċedenti, tista’ l-Ministru tispjega kif s’issa għadu ma sar l-ebda xogħol fuq il-parti minn Wied Speranza li kienet ċediet mal-ewwel xita, wara li kien għadu kif ġie rinovat u inawgurat, u li kellu jiġi rranġat f'Mejju 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ċediet parti mill-ħajt f’Wied Speranza, u minħabba l-valur ekoloġiku tas-sit, Project Green ingaġġat espert sabiex tiġi stabbilita l-kawża tal-ħsarat u l-aħjar mod kif isiru x-xogħlijiet meħtieġa. L-ispezzjoni setgħet issir biss wara li niżel il-livell tal-ilma fil-wied. Konsegwentement, mill-istħarriġ li sar irriżulta li l-ħajt ċeda minħabba numru ta’ fatturi fosthom il-kundizzjonijiet tas-sit, il-ħamrija li żammet ħafna ilma iżjed minn dak previst u pressjoni tal-ilmijiet fuq il-ħajt, li ma kienux taħt il-kontroll ta’ Project Green jew il-kuntrattur.
Ġie deċiż li minflok il-ħajt jerġa’ jinbena bl-istess metodu oriġinali, titħejja soluzzjoni aktar adattata għall-kundizzjonijiet tas-sit. Project Green, flimkien mal-espert, ħejjiet disinji ġodda li ġew ippreżentati lill-entitajiet konċernati, fosthom l-ERA u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u dawn ġew approvati. Peress li dawn ix-xogħlijiet huma aktar estensivi u profondi minn dawk li kienu ppjanati oriġinarjament, kien meħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali. Minħabba n-natura ambjentali tal-wied, ix-xogħlijiet jistgħu jsiru biss matul ix-xhur meta ma tkunx ix-xita.
Project Green flimkien mal-kuntrattur qed tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex iż-żona tinżamm sigura għal dawk li jaċċessawha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex kien hemm pazjenti li kienu fuq lista ta’ stennija għal air mattress (ġew infurmati li m’hemmx biżżejjed bejn l-1 u s-6 ta’ Lulju)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm air mattresses available fl-Isptar Mater Dei?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Mater Dei ikun hemm domanda kontinwa għal saqqijiet tal-arja għall-pazjenti. Infurmat li għaldaqstant, inħarġet sejħa b’tender għall-akkwist ta’ 60 saqqu tal-arja ġdid sabiex tkompli tissaħħaħ il-provvista ta’ dawn it-tip ta’ saqqijiet fl-Isptar. Infurmat li s’issa hemm 371 saqqu tal-arja disponibbli.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw Epipens lill-minorenni taħt it-18-il sena minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1862 u jagħti dettalji, f'tabella, dwar kemm hemm impjegati fi ħdan Identità sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema grad jaħdmu u l-livell ta' kwalifiki tagħhom (MQF level)?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 120, 798 u 1690 u jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’April, f’Mejju u f’Ġunju 2026, separatament għal kull xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien hemm 67 inġagg u 15 -il terminazzjoni bejn Jannar u Settembru 2026.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 114, 556 u 1474 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni impjegati fl-isptarijiet differenti tal-Gvern, u jaqsam din l-informazzjoni skont il-kategoriji ta’ impjiegi stabbiliti għas-servizzi varji li huma meħtieġa f’kull livell? F’kull kategorija ta’ impjieg, jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità mhux Maltija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Każi mediċi u mwiet relatati ma’ temperaturi ambjentali għoljin
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ ammissjonijiet fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex relatati ma’ problemi ta’ saħħa kkawżati minn temperaturi ambjentali għoljin matul ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju 2026? Kif jitqabblu dawn iċ-ċifri ma’ dawk għall-istess perjodu fl-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew iċċertifikati mwiet li kienu konsegwenza diretta tal-effett tas-sħana f’Malta matul l-istess perjodi fl-2026 u fl-2025?
Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè - Dipartiment tal-Artijiet - Encroachments maħruġa
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista dettaljata tal-encroachments kollha maħruġa mid-Dipartiment tal-Artijiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè, u tgħid jekk hux qed tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li jkun hemm identifikazzjoni ċara u trasparenza akbar dwar l-art mogħtija bħala encroachment, inkluż li, fejn applikabbli, din tkun indikata fuq il-post?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar il-progress li għamlet il-Climate Action Authority fir-rigward tad-69 charging pillar li qabel kienu mmexxija mill-kumpanija GOTO? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom jinsabu operattivi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 104 charging points, li kienu tal-GoTo qegħdin joperaw taħt is-sistema ChargeMyRide.
Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, Gżira u n-Naxxar - Żieda ta’ Charging pillars għall-vetturi elettriċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li matul l-2026 u l-2027 jiżdiedu ċ-charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, il-Gżira u n-Naxxar? Jekk iva, kemm ser jiżdiedu f’kull lokalità u fejn huma ppjanati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalitajiet imsemmija, din is-sena ġew miżjuda 34 charging point, li jinsabu fi Triq Ċensu Xerri, Triq Sir Adrian Dingli, Triq ix-Xatt c/w Triq Bisazza u Għar id-Dud f’Tas-Sliema; fil-Pjazza tal-Balluta u Tigullio Parking f’San Ġiljan; fi Triq Slielam Triq il-Keffa fis-Swieqi; fi Triq Testaferrata, Triq Edgar Bernard, Pjazza Meme Scicluna, Triq ta’ Bieb it-Torri, Vjal De La Salle u Triq tas-Sliema (Parking Lot) fil-Gżira; u fi Vjal il-21 ta’ Settembru, Triq Luqa Briffa u Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar.
Bħalissa għaddej il-proċess ta’ identifikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-postijiet fejn ser jiġu installati charging pillars addizzjonali skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.