Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija – Laqgħa pubblika mal-ERA
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadha ma ngħatat ebda tweġiba għat-talba magħmula f’isem residenti ta’ Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija sabiex issir laqgħa pubblika mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-problema persistenti ta’ rwejjaħ insapportabbli u l-kwalità tal-arja fl-inħawi? Tista’ tgħid ukoll jekk hux ser tintlaqa’ t-talba sabiex issir din il-laqgħa pubblika u, jekk iva, meta ser issir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kellha laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar is-suġġett imsemmi, li matulha ġew diskussi diversi aspetti relatati mal-ilmenti li tqajmu. Għandhom isiru wkoll laqgħat simili ma’ Kunsilli Lokali oħrajn. L-ERA għandha fiduċja sħiħa fir-rwol tal-Kunsill Lokali li jirrappreżenta l-interessi u t-tħassib tar-residenti, kif ukoll li jgħaddi lill-Awtorità l-mistoqsijiet u l-punti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiġu mqajma mill-komunità. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tqis li d-djalogu dirett u kontinwu mal-Kunsilli Lokali jipprovdi mezz effettiv biex jiġu diskussi u indirizzati l-materji ta’ tħassib li jaffettwaw lir-residenti.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta lista ta' rakkomandazzjonijiet li l-Kummissarju għall-Anzjani għamel lill-Gvern mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-każijiet riferuti lill-Kummissarju għall-Anzjani f'kull sena, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu jirrigwardaw allegat abbuż, negliġenza jew sfruttament finanzjarju ta' persuni anzjani? Jista' jgħid ukoll x'azzjoni ttieħdet f'dawn il-każijiet?
Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani – Ilmenti/każijiet ta’ ksur tad-drittijiet
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irċieva lmenti jew każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-anzjani l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ingħalqu?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien il-baġit allokat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm effettivament intnefaq minn dawn l-allokazzjonijiet?
Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule – Street furniture
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża totali tal-istreet furniture li ġiet installata jew se tiġi installata fi Pjazza Antoine De Paule, Raħal Ġdid, bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u jagħti rendikont tal-ispiża skont it-tip ta’ street furniture? Jista’ jgħid ukoll jekk din l-istreet furniture hix se tiġi mċaqalqa temporanjament meta jiġu organizzati festi, attivitajiet jew avvenimenti oħra fil-pjazza? Jekk iva, kemm hu stmat li se tkun l-ispiża biex isir dan iċ-ċaqliq u terġa’ titqiegħed f’postha kull darba? Min se jkun responsabbli sabiex jagħmel dan ix-xogħol u minn min se titħallas din l-ispiża?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-istreet furniture tpoġġa fil-pjazza minn Infrastructure Malta bħala parti mill-kollaborazzjoni li l-Aġenzija għandha mal-Kunsill Lokali ta’ Paola.
Huwa maqbul bejn il-partijiet li l-immaniġġjar tal-għamara, inkluż iċ-ċaqliq temporanju, il-manutenzjoni u t-tisqija, ser ikun f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Paola.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li x-xogħol sar wara proċess skont ir-regolamenti tal-akkwist pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Earthquake Emergency Response Plan speċifiku u aġġornat? Jekk iva, jista’ jgħid meta ġie approvat, meta ġie rivedut l-aħħar, u liema entitajiet huma responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta għandha Earthquake Emergency Response Plan li kien aġġornat fl-2025 u hu presedut mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġodda ġew impjegati fl-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw promozzjonijiet interni matul l-istess perjodu? Jista’ wkoll jipprovdi d-dettalji mitluba separatament għal kull entità u awtorità?
Software programs għat-tagħlim tal-Matematika u x-Xjenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex identifikat jew ipprovdut software programs alternattiv għall-għalliema tal-Matematika u x-Xjenza li jkollu l-istess funzjonalitajiet tal-programmi ActiveInspire, SMART Board u StarBoard, fosthom għodod bħal compass, protractor u graph paper, kif ukoll il-possibbiltà li jinħolqu u jitwasslu lezzjonijiet interattivi fuq il-laptops u l-apparat interattiv fil-klassijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3031.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-materjal edukattiv diġà maħluq mill-għalliema permezz tas-software programs ActiveInspire, SMART Board u StarBoard għadux aċċessibbli sabiex ikun jista’ jintuża permezz ta’ programm alternattiv? Jekk le, x’passi qed jittieħdu biex ma jintilifx il-materjal u x-xogħol li sar matul is-snin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3031.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-għalliema jew ma’ rappreżentanti tagħhom dwar x’impatt kien ser ikun hemm fuq it-tagħlim u fuq il-materjal edukattiv li kien diġà nħoloq bl-użu tas-software programs ActiveInspire, SMART Board u StarBoard, qabel ittieħdet id-deċiżjoni biex dawn il-programmi jitneħħew?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3031.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża annwali għall-Gvern sabiex jinżammu l-liċenzji tas-software programs ActiveInspire, SMART Board u StarBoard? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet tkun l-ispiża biex dawn il-liċenzji jiġu mġedda għas-sena skolastika attwali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-investiment mistenni jkun il-fuq minn €350,000 għal ħames snin skolastiċi li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ser tittieħed sabiex jinqatgħu l-abbużi, fosthom dawk relatati ma’ sustanzi tad-droga, li qed iseħħu taħt il-blokka tal-housing soċjali ta’ ħdejn is-suq f’Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll għaliex minkejja li għal snin twal ilhom isiru appelli mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u minn diversi residenti sabiex f’dan il-post isir rixtellu li jingħalaq matul il-lejl, din it-talba baqgħet ma ntlaqgħetx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li
l-Awtorità tad-Djar, għandha l-poter legali li tinvestiga u tindirizza lmenti relatati mal-oqsma li jaqgħu taħt il-liġijiet kontemplati fil Il-Kapitolu 261 (L-Att dwar l-Awtorità tad-Djar) kif ukoll Il-Kapitolu 604 (L-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati).
Il-ġurisdizzjoni tagħha hija limitata strettament għal kwistjonijiet ta' akkomodazzjoni u kirjiet, u kull meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni ta' reati kriminali oħra — bħall-abbuż jew it-traffikar tad-droga — il-każ jiġi mgħoddi immedjatament f'idejn il-Korp tal-Pulizija ta' Malta jew awtoritajiet oħra kompetenti għal aktar investigazzjoni.
Bil-għan illi l-informazzjoni tkun waħda preċiża u korretta l-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi mitlub jipprovdi site plan li tindika il-post preċiż imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid, fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema huma l-lokalitajiet li:
i. għandhom għassa tal-Pulizija li qed tkun miftuħa għall-pubbliku;
ii. għandhom għassa tal-Pulizija, iżda din mhix qed tinfetaħ għall-pubbliku;
iii. m’għandhomx għassa tal-Pulizija; u
iv. fil-każ tal-għases imsemmija f’punt (i), x’inhuma l-ġranet u l-ħinijiet li fihom kull għassa tkun miftuħa għall-pubbliku?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ta’ fejn huma l-lokalitajiet bl-għassa miftuħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-lokalitajiet l-oħra l-għassa hija magħluqa.
Visas – Applikazzjonijiet minn ċittadini Libjani – Ħlasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi ħlasijiet uffiċjali relatati ma’ applikazzjonijiet għal visas minn ċittadini Libjani mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx irrappurtati ħlasijiet addizzjonali jew mhux awtorizzati mitluba minn intermedjarji u x’azzjoni ttieħdet dwarhom?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema elettronika tal-visas iżżommx rekord ta’ min daħal f’kull applikazzjoni, min biddel l-informazzjoni u min approvaha? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew identifikati każijiet ta’ aċċess mhux awtorizzat, tibdil mhux ġustifikat jew nuqqas ta’ dokumentazzjoni, u x’azzjoni ttieħdet?
Visas – Sistema tal-ipproċessar – Verifiki/awditjar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru verifiki jew awditjar fuq is-sistema tal-ipproċessar tal-visas mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti, ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni li ħarġu minn dawn il-verifiki, filwaqt li tiġi protetta kull informazzjoni kunfidenzjali?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet interni, amministrattivi, dixxiplinarji, tal-Pulizija jew maġisterjali dwar allegati irregolaritajiet fil-proċess tal-ħruġ tal-visas? Mingħajr preġudizzju għal proċedimenti pendenti, jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn l-investigazzjonijiet, x’kien l-ambitu tagħhom u jekk ġewx konklużi?