Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karigi ġudizzjarji - Nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa meta mqabbla ma’ rġiel f’karigi ġudizzjarji, inklużi mħallfin u maġistrati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi n-numru ta’ Mħallfin, inkluż il-Prim Imħallef, huwa ta’ tletin (30). Minn dawn, sbatax (17) huma nisa u tlettax (13) huma rġiel. In-numru ta’ Maġistrati huwa ta’ tletin (30), bi tmintax (18)-il mara u tnax (12)-il raġel. Barra minn hekk ta’ min jinnota li ħarġet sejħa għal żewġ (2) maġistrati oħra. Dan huwa l-aktar darba li qatt kellna ġudikanti u qed inkomplu naraw li nsaħħu l-bank tal-ġudikatura.

Is-Settur pubbliku - Ugwaljanza bejn il-ġeneri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li d-Diviżjoni tan-Nies u l-Istandards (People and Standards Division) tfassal il-politiki tar-riżorsi umani u tal-ugwaljanza fl-Amministrazzjoni Pubblika sabiex tiżgura li l-postijiet tax-xogħol jibqgħu inklużivi u ġusti. Fil-fatt id- Diviżjoni ingħatat il-marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE. Din tingħata lil organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li jqisu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inklużjoni bħala valuri fundamentali. Id-Diviżjoni tan-Nies u l-Istandards, li topera taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tiggwida l-implimentazzjoni tal-valuri tas-Servizz Pubbliku. Id-Diviżjoni tan-Nies u l-Istandards tiżgura li l-operat tas-settur pubbliku jkun allinjat mal-prinċipji kostituzzjonali ta’ non-diskriminazzjoni, li jkopru s-sess, l-età, ir-razza, ir-reliġjon u d-diżabilità. Tippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru (gender mainstreaming) u standards ta’ ugwaljanza madwar l-entitajiet pubbliċi, flimkien ma’ oqfsa regolatorji bħall-Kodiċi ta’ Ġestjoni tas-Servizz Pubbliku (Public Service Management Code) kif ukoll permezz tal-Equality Policy. L-Uffiċjali fi ħdan id-Diviżjoni jingħataw taħriġ mill-NCPE.

Nisa fil-politika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qegħdin jittieħdu biex jiżdied in-numru ta’ nisa fil-politika apparti l-mekkaniżmu tal-ġeneru?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor Interpellanta illi, wieħed mit-tmien objettivi strateġiċi tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Mainstreaming tal-Ġeneru (GEMSAP 2022-2027) huwa li jinħoloq bilanċ bejn il-ġeneru fl-isfera politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Kull sena, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem jorganizza l-Gender Mainstreaming Conference, fejn nista  nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jiddiskutu l-ħtieġa ta’ aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika. Min-naħa tagħha, l-NCPE taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, permezz t'artikli fil-gazzetti u fil-mezzi soċjali.

Intraprenditorija fost in-nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’fondi ġew allokati biex jinkoraġġixxu l-intraprenditorija fost in-nisa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-miżuri ta’ appoġġ għal intraprenditorija huma mfassla fuq bażi inklussiva u ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali. L-iskemi huma miftuħa għal kull intraprenditur eliġibbli, inklużi n-nisa, u jimmiraw li jiffaċilitaw aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ finanzjament u tkabbir.  Il-fondi disponibbli huma suffiċjenti biex jappoġġjaw kull proġett vijabbli, u huma allinjati mal-limiti massimi permessi skont ir-regoli tal-EU State Aid. Il-Malta Enterprise tagħti appoġġ addizzjonali lill-intrapriżi immexxija min-nisa, permezz tal-iskema Micro Invest, li toffri inċentivi fiskali lil start-ups u SMEs sabiex jinvestu u jespandu l-operat tagħhom.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal fiċ-ċentri ta’ detenzjoni irtira matul l-aħħar 12-il xahar; u mistenni jirtira matul it-12-il xahar li ġejjin?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul l-aħħar 12-il xahar, irtiraw 7 uffiċjali, filwaqt li fir-rigward tat-12-il xahar li ġejjin, 7 uffiċjali huma mistennija jirtiraw.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Persuni ingaġġati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li diġà għandhom impjieg, jiġu ingaġġati maċ-ċentri ta’ detenzjoni, humiex ser iżommu l-impjieg tagħhom jew jekk humiex ser jittrasferixxu għas-servizz taċ-ċentri ta’ detenzjoni?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna li tiġi ingaġġata mal-Aġenzija, jekk tkun diġà uffiċjal pubbliku, iżżomm il-post sostantiv tagħha fis-Servizz Pubbliku u tiġi assenjata mal-Aġenzija permezz ta’ detailing. Persuni li ma jkunux ġejjin mis-Servizz Pubbliku jiġu impjegati direttament mill-Aġenzija permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg maħruġ mill-istess Aġenzija.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Persuni b’ ingaġġ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkunu ingaġġati persuni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li diġà huma impjegati f’xogħol ieħor mas-settur pubbliku jew privat?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġaladarba ikun hemm ingaġġ inkun nista’ nwiegeb din il-mistoqsija.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Persuni b’ingaġġ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: meta ser ikun hemm ingaġġ ġdid fiċ-ċentri tad-detenzjoni; taħt liema grad jew pożizzjoni ser ikunu dawn l-impjegati ġodda; u jekk dawn hux se jkunu ingaġġati permezz ta’ sejħa pubblika jew mod ieħor?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull ingaġġ isir skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi u mill-ftehimiet applikabbli. Fir-rigward tal-mistoqsijiet l-oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 247

Ċentri ta’ Detenzjoni - Kapaċità massima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-kapaċità massima ta’ kull ċentru ta’ detenzjoni u kemm minn dawn il-postijiet huma okkupati bħalissa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fiċ-ċentri jistgħu jkunu akkomodati 1116 detenut, waqt li fil-preżent hemm 197.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Karozzi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi rreġistrati mal-ministeru tiegħu u kemm hi l-ispiża annwali biex jinżammu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninsab infurmat li hemm karozza waħda reġistrata fuq il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli għall-użu tas-servizz pubbliku.

OHSA – Spezzjonijiet u azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm saru żjarat ta’ spezzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA); ii.   kemm postijiet tax-xogħol jew siti distinti ġew spezzjonati; iii.   kemm minn dawn kienu siti tal-kostruzzjoni; iv.   kemm inħarġu ordnijiet uffiċjali jew Avviżi għal Titjib; v.    kemm inħarġu ordnijiet ta’ waqfien tax-xogħol jew ta’ projbizzjoni; vi.   kemm inbdew proċeduri kriminali; u vii.   kemm ġew imposti multi amministrattivi u x’kien il-valur totali tagħhom, minn Jannar tal-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-OHSA tagħmel diversi spezzjonijiet u tieħu l-miżuri meħtieġa f’każijiet fejn ir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ma jkunux qed jiġu osservati. Matul is-sena 2026, sa Settembru, l-OHSA wettqet 19,246 spezzjoni, li minnhom 14,498 kienu fuq siti tal-kostruzzjoni. Matul l-istess perjodu nħarġu 2,119-il avviż għal titjib u 2,392 ordni, filwaqt li nħarġu 655 ordni ta’ waqfien tax-xogħol. Inbdew ukoll 116-il proċedura kriminali.

Il-Foss tal-Belt Valletta – Protezzjoni taċ-ċisterni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex jiġu protetti ċ-ċisterni ta’ żmien il-Kavallieri u karatteristiċi storiċi oħra fil-Foss tal-Belt Valletta?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Belt Valletta – Cisterna della Quarantena – Tindif, restawr u użu futur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex iċ-Cisterna della Quarantena fil-Belt Valletta tiġi restawrata bil-għan li terġa’ taqdi l-funzjoni oriġinali tagħha u jekk is-sit huwiex ippjanat li jsir attrazzjoni turistika ladarba jitlesta x-xogħol ta’ tindif u ta’ restawr?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-intervent ippjanat f’dan l-istadju fuq iċ-Cisterna della Quarantena jikkonsisti fir-rikostruzzjoni tal-parti taċ-ċisterna li kkrollat, bil-għan li terġa’ tinkiseb l-integrità strutturali tagħha.

Il-Belt Valletta – Cisterna della Quarantena – Studji arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji arkeoloġiċi, storiċi jew tekniċi fuq il-mina u/jew fuq partijiet oħra li ġew skoperti waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena fil-Belt Valletta? F’każ li l-istudji tlestew, jista’ jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra u għal kull struttura identifikata jgħid x’kienet il-funzjoni storika tagħha?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta – Proprjetà amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-artijiet u l-bini kollha fil-Mosta li huma amministrati mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office, u għal kull proprjetà, jindika: i.    l-indirizz tal-proprjetà; ii.    id-daqs; iii.   jekk hijiex mibnija jew le; iv.   jekk hijiex okkupata; u v.    f’każ li okkupata, it-tip ta’ titolu, id-data tal-bidu u tal-iskadenza u ċ-ċens (ground rent)?

Response (BONNICI, OWEN)

Fid-dawl tan-natura u l-ambitu tal-informazzjoni mitluba, u in vista tal-fatt li t-talba tirrigwardja numru sostanzjali ta’ proprjetajiet, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jispeċifika l-proprjetà jew proprjetajiet partikolari li dwarhom qed tintalab l-informazzjoni, sabiex tkun tista’ tingħata risposta preċiża u rilevanti għat-talba magħmula.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Ġnien tan-Nigra – Restawr tal-ġibjun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq il-ġibjun li jinsab fi Triq il-Ġnien tan-Nigra, fil-limiti tar-Rabat, Malta, peress illi r-riabilitazzjoni ta’ dan il-ġibjun tkun ta’ benefiċċju kbir għall-bdiewa tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull sena jsiru diversi manutenzjonijiet ta’ ġibjuni madwar Malta.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – WSC – Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u/jew entitajiet oħra taħt ir-responsabbiltà tagħha fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, meta hu skedat li jitlesta x-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol li qed isir f'din it-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-investiment biex isir titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u fis-sistema tad-drenaġġ fit-triq indikata huwa stmat li se jammonta għal madwar €2.9 miljun u huwa mmirat li jitlesta lejn it-tieni kwart tas-sena 2027.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol li Infrastructure Malta wettqet aktar kmieni din is-sena fi Triq Għajn Dwieli f'Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll f’liema data tlesta x-xogħol ta’ Infrastructure Malta f’din it-triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta wettqet interventi ta’ manutenzjoni temporanja, li kienu jinkludu l-kisi ta’ ħofor kbar u ‘depressions’ li kienu qed joħolqu riskji għall-utenti tat-triq u li ma setgħux jistennew aktar.