Legislature:
Category:
Reset
Active:

Hornets – Laqgħat mal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat saru, meta u x’follow up kien hemm mal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, dwar il-problema fejn il-hornets qed joqtlu l-kolonji tan-naħal f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-Mistoqija Parlamentari Nru 2618.

Hornets – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex tiġi kkontrollata l-popolazzjoni ta’ hornets li qed tiżdied b’mod allarmanti u qed taffettwa l-kolonji ta’ naħal f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed isegwi t-tħassib dwar iż-żieda fil-preżenza tal-bagħal taż-żunżan, magħruf ukoll bħala l- Oriental Hornet , u l-impatt tiegħu fuq il-kolonji tan-naħal f’Malta. Tul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru ħa diversi miżuri biex itejjeb l-għarfien dwar dan l-insett u jgħin lil dawk li jrabbu n-naħal. Dawn il-miżuri kienu jinkludu kollaborazzjoni teknika ma’ espert fil-qasam, it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ materjal informattiv dwar l-identifikazzjoni, iċ-ċiklu tal-ħajja u l-kontroll tal- bagħal taż-żunżan , kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għan-naħħala. Permezz tal-AgriConnect ġie wkoll ikkomunikat disinn ta’ nassa li tista’ tinbena u tintuża lokalment. Din in-nassa ġiet addottata minn numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal u ntużat bħala għodda biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett. Il-Gvern introduċa wkoll skema ta’ għajnuna finanzjarja għal dawk irreġistrati li jrabbu n-naħal sabiex tikkumpensa parzjalment għat-telf finanzjarju u għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, filwaqt li tappoġġa miżuri preventivi, inkluż ix-xiri u t-tqegħid ta’ nases. Il-metodi ta’ trażżin huma bbażati prinċipalment fuq miżuri fiżiċi u preventivi. Dawn jinkludu l-użu ta’ nases adattati, partikolarment sabiex jinqabdu l-irġejjen fil-perjodu opportun, kif ukoll it-tneħħija professjonali tal-bejtiet.  L-iskart organiku jew l-ikel għall-annimali espost, kif ukoll it-tmigħ tal-annimali f’postijiet pubbliċi, jistgħu jattiraw dan l-insett u jikkontribwixxu għall--preżenza u t-tixrid tiegħu. Il-Ministeru qiegħed iżomm kuntatt kontinwu permezz tal-fora stabbiliti u permezz ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tas-settur tal-apikultura dwar l-impatt tal-bagħal taż-żunżan u l-miżuri meħtieġa. Matul dawn id-diskussjonijiet ġie rikonoxxut li n-nases jibqgħu għodda utli biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett, pero’ mhux biżżejed. Għalhekk, il-Ministeru qed ikompli jevalwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li qed jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ miżuri ulterjuri, inkluż il-kontroll tal-bejtiet ta’ dan l-insett fiż-żoni urbani, it-tnaqqis tal-fatturi li jiffavorixxu l-proliferazzjoni tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ appoġġ lin-naħħala biex isaħħu u jirkupraw il-kolonji tan-naħal. L-esperjenza tas-snin riċenti tindika li l-miżuri meħuda għandhom jiġu kkumplimentati b’approċċ aktar mifrux u ikkoordinat li jindirizza wkoll il-preżenza tal-bagħal taż-żunżan f’żoni urbani u residenzjali.

Il-Mellieħa - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità tal-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) u jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju l-Għadira, Selmun, u l-kumplament tal-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 11,827 servizz tad-dawl u 10,586 servizz tal-ilma.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tal-ilma u d-dawl - Talbiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u dawl li għadhom pendenti fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 13 fil-każ tas-servizz tal-ilma u 10 għas-servizz tad-dawl.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma li ngħataw fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) bejn l-2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (f’kull parti tal-lokalità) u, jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju Buġibba, Burmarrad, l-Imbordin, il-Qawra, ix-Xemxija u l-kumplament tal-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 28,470 servizz tad-dawl u 26,220 servizz tal-ilma.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi (ta’ kull klassi) ġew approvati kull sena mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn il-permessi li diġà ġew approvati u kemm huwa n-numru hekk approvati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2578, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ applikazzjonijiet li huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukandi ta’ klassijiet differenti, maqsuma skont il-klassi? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2577, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

ERA – Votazzjoni dwar proġett f’Kemmuna

Question

B’referenza għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett f’Kemmuna, li jinvolvi fost oħrajn 800 siġra, 44 pixxina, 16-il villa u 140 kamra ta’ lukanda, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il membru tal-Bord ivvota favur, kemm ivvotaw kontra u kemm astjenew, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti u d-dokumentazzjoni relatata mal-votazzjoni? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Membri tal-Bord li pparteċipaw fid-deċiżjoni ddikjarawx kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u jekk iva, x’kienu dawn id-dikjarazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Skeda tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li jsiru fil-pubbliku huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.

Permessi ta’ żvilupp – Appelli pendenti – Sospensjoni tax-xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-konsultazzjoni li għaddejja dwar ir-riforma tas-sistema tal-appelli fl-ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li, meta jkun hemm appell pendenti kontra permess ta’ żvilupp, ix-xogħlijiet relatati ma’ dak il-permess jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-appell? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern iqisx li dan il-prinċipju għandu jiġi introdott sabiex jiġi evitat li jsiru xogħlijiet li, jekk l-appell jintlaqa’, ma jkunux jistgħu jiġu rriversjati jew li l-ambjent ma jkunx jista’ jiġi rrestawrat għall-istat preċedenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed imexxi proċess leġislattiv. L-Abbozz ta’ Liġi għadda mill-Ewwel Qari fil-Kamra tar-Rappreżentanti fis-27 ta’ Lulju 2026. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tnieda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, liema proċess l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax fih, akkumpanjat minn dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, sabiex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati u tal-pubbliku. L-Abbozz issa jinsab fl-istadji tal-proċess parlamentari.

ERA – Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti jkunu trasparenti, imparzjali u bbażati fuq kriterji tekniċi u xjentifiċi ċari? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan biex jippubblika b’mod aktar dettaljat il-kriterji, valutazzjonijiet u raġunijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ dan it-tip?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti bħal dawn jittieħdu b’mod trasparenti f’laqgħa miftuħa għall-pubbliku, li matulha jitqiesu l-valutazzjonijiet tal-konsulenti involuti fl-istudji u tad-Direttorat fi ħdan l-Awtorità, kif ukoll il-kummenti tal-applikant u tal-pubbliku. Il-proċess innifsu, u l-istħarriġ li fuqu tkun imsejsa l-valutazzjoni tal-proġett, isegwu l-gwida li r-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (L.S. 549.46) jipprovdu dwar kriterji tekniċi, xjentifiċi u proċedurali. L-informazzjoni kollha rilevanti, bħad-Deskrizzjoni tal-Proġett, l-eżitu tal-iskrutinju tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali (VIA), ir-rapport dettaljat tal-VIA, ir-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat lill-Bord, u d-deċiżjoni meħudin, ilkoll ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.

Kemmuna – Protezzjoni tal-ambjent naturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kemmuna – Permess ta’ żvilupp – Proċeduri legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permess ta’ żvilupp relatat mal-proġett f’Kemmuna, maħruġ fl-2025, huwiex suġġett għal proċeduri legali jew sfidi quddiem il-qrati kompetenti minn organizzazzjonijiet ambjentali, u x’inhu l-istatus attwali ta’ dawn il-proċeduri? Jista’ jgħid ukoll jekk, sakemm dawn il-proċeduri jkunu għadhom pendenti, hemmx xogħlijiet relatati mal-permess li diġà bdew jew li jistgħu jibdew, u jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jieħu miżuri biex jiġi evitat żvilupp irriversibbli sakemm jintemm il-proċess legali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-permess ta’ żvilupp PA/04777/20 kien is-suġġett ta’ appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. It-Tribunal kien ċaħad l-appell u kkonferma l-permess fil-11 ta’ Novembru 2025. Sussegwentement, id-deċiżjoni tat-Tribunal ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Appell u, b’sentenza tal-4 ta’ Mejju 2026, il-Qorti annullat id-deċiżjoni tat-Tribunal u bagħtet il-każ lura lit-Tribunal sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid. Għaldaqstant, il-proċeduri fir-rigward tal-permess għadhom pendenti quddiem it-Tribunal. B'mod ġenerali, rigward is-sospensjoni awtomatika tal-permessi, din hija s-suġġett tar-riforma tas-sistema tal-appelli ppubblikata għall-konsultazzjoni mill-Gvern, u li hemm proċess Parlamentari marbut magħha li jinsab għaddejj.

Produzzjoni tad-drenaġġ – Żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni ċara u sostanzjata dwar fejn qiegħed jispiċċa d-drenaġġ prodott f’Malta, inkluż f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal Tas-Sliema? Tista’ tgħid ukoll kif il-Gvern qed jindirizza ż-żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi li jirriżulta mill-kostruzzjoni ta’ bini ġdid u mit-tkabbir tal-irħula u ż-żoni residenzjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġbor u titratta d-drenaġġ urban li jiġi ġġenerat minn kull żona tal-pajjiż. Dan jgħaddi minn proċess sħiħ ta’ trattament u tindif f’erba’ impjanti, tlieta f’Malta u wieħed f’Għawdex, qabel ma jerġa’ jintuża jew jintrema b’mod sigur fil-viċinanza tal-istess impjanti. Il-monitoraġġ tal-proċess isir skont kif elenkat fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament tad-Drenaġġ. Parti kbira mill-ilma li jiġi ffiltrat fl-impjanti jgħaddi minn proċess addizzjonali ta’ trattament iktar intensiv biex jinbidel fi New Water li qed jintuża fis-settur agrikolu billi dan jiġi mgħoddi lill-bdiewa għat-tisqija tal-uċuh tar-raba’ tagħhom. Il-produzzjoni ta’ dan l-ilma ta’ kwalitá għolja qed tilħaq l-ammont ta’ 1.6 miljun metru kubu fis-sena. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qed jippjana u jimplimenta investimenti biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tad-drenaġġ tibqa’ tlaħħaq mal-ħtiġijiet attwali u dawk futuri tal-pajjiż.  F’dan il-kuntest qed jiġi aġġornat il-pjan ta’ investimenti tal-Korporazzjoni, filwaqt li qed jiġu kkunsidrati wkoll l-obbligi regolatorji u dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Baġit 2026 - Miżuri li għadhom ma ġewx implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri mħabbra fil-Baġit 2026 għadhom ma ġewx implimentati u jipprovdi l-istadju ta’ implimentazzjoni ta’ kull waħda minnhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Arretrati ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fiżiċi u kemm hemm kumpaniji li għandhom arretrati ta’ taxxa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma kif ġej: i.    €100,001 sa €500,000; ii.    €500,001 sa €1,000,000; iii.    €1,000,001 sa €5,000,000; u iv.    aktar minn €5,000,000?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ taxxa mhux miġbura sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont il-kategoriji mitluba kienet: Individwi Kumpanniji €100,001 sa €500,000 427 867 €500,001 sa €1,000,000 27 89 €1,000,001 sa €5,000,000 9 43 aktar minn €5,000,000 0 3

Taxxa dovuta mhux miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ammont ta’ taxxa dovuta iżda mhux miġbura, huwa suġġett għal pjanijiet ta’ ħlas, kemm jinsab taħt appell jew kontestazzjoni, u kemm huwa meqjus bħala rkuprabbli, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ taxxa mhux miġbura sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont il-kategoriji mitluba kienet: Pjanijiet ta’ ħlas € 212,874,305 Taħt appell jew kontestazzjoni € 2,304,900 Meqjus bħala rkuprabbli [1] € 412,899,776 [1] L-ammont muri fil-kategorija ta’ “pjanijiet ta’ ħlas” huwa inkluż fl-ammont meqjus bħala rkuprabbli