Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-sid, ġaladarba huwa l-awtur, tar-rapport sħiħ dwar il-popolazzjoni li kien ipprepara u ppreżenta lill-Prim Ministru fl-2018?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 5203.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Sqaq it-Tokk fl-Imtarfa huwiex proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-għan illi l-informazzjoni tkun waħda preċiża u korretta l-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi mitlub jipprovdi site plan li tindika il-post preċiż imsemmi.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 35863 u 35948 tal-14-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-promozzjonijiet fir-rank ta’ lieutenant, kaptan u maġġur li ġew deċiżi mill-aħħar Bord tal-Inġustizzji?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn jiġu ppubblikati ladarba jitlestew il-proċessi meħtieġa.
KM Malta Airlines – Titjiriet diretti lejn Lourdes, fi Franza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija KM Malta Airlines għandhiex il-ħsieb li terġa’ topera titjiriet diretti bl-iskeda jew chartered lejn Lourdes, fi Franza, u lura? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn it-titjiriet humiex ser ikunu skedati jew chartered, kemm ser isiru titjiriet, meta se jibdew u jieqfu, u kemm il-kumpanija KM Malta Airlines qiegħda tipprospetta li ġġorr passiġġieri? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija nazzjonali tal-ajru, KM Malta Airlines, m’għandhiex il-ħsieb li topera titjiriet diretti skedati lejn Lourdes, fi Franza.
Fl-2027 il-kumpanija ser topera numru ta’ chartered flights lejn Lourdes u it-tabella hawn taħt turi t-tqassim xahar b'xahar tas-servizzi chartered li ser topera, li tinkludi wkoll in-numru ta’ passiġġieri li huwa stmat li ser jinġarru:
2027
Numru ta’ Chartered Flights
Numru Totali Stmat ta’ Passiġieri
April
4
360
Mejju
4
360
Lulju
4
360
Awwissu
4
360
KM Malta Airlines – Titjiriet lejn Lourdes fi Franza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm titjiriet skedati u/jew chartered lejn Lourdes, fi Franza, u lura, minn meta bdiet topera l-linja nazzjonali tal-ajru KM Malta Airlines? Jekk iva, jista’ jgħid kemm saru titjiriet u kemm inġarru passiġġieri kull sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
Sena
Numru ta’ Chartered Flights
Total ta’ Passiġieri
2024
16
1402
2025
12
1128
2026
16
1388
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta hijiex responsabbli mill-installazzjoni tad-dawl fit-toroq (street lighting) li jkun qed isir għall-ewwel darba meta tinbena binja ġdida? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx applikazzjonijiet biex jiġi installat tali dawl fi Triq tas-Sisla, is-Swatar, quddiem l-appartamenti tal-Gvern?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li lampi ġodda f’żoni residenzjali huma responsabbiltà tal-Kunsill Lokali rispettiv. Il-proċedura hija li meta l-Kunsill Lokali jwaħħal lampi ġodda f’żoni residenzjali issir applikazzjoni lill-Enemalta biex wara li jkun sar ix-xogħol dawn jitqabbdu mal-linji tal-provvista tal-elettriku. Ninsab infurmata li l-Enemalta ma rċeviet l-ebda applikazzjoni simili fir-rigward tat-triq indikata f’din il-mistoqsija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4252 u 5062 u jgħid kemm saru hip replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 281 operazzjoni ta’ hip replacements f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4251 u 5000 u jgħid kemm saru knee replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 760 operazzjoni ta’ knee replacements f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.
Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet – Żmien ta’ proċessar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2947, 4566 u 4975 u jgħid x’kien iż-żmien medju li ħadet l-Aġenzija Identità biex tipproċessa u tiddeċiedi applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont il-kategorija tal-applikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet wara li skada ż-żmien statutorju stabbilit mil-liġi, u kemm applikazzjonijiet għadhom pendenti llum, lil hinn minn dak iż-żmien?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra
Proprjetajiet residenzjali tal-Gvern - Akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5021 u jgħid kemm proprjetajiet residenzjali tal-Gvern intiżi għall-akkomodazzjoni soċjali kienu għadhom vojta sal-aħħar ta’ Ottubru 2026? Jista’ wkoll jipprovdi rendikont skont il-lokalità u jindika kemm minnhom ilhom vojta għal aktar minn sitt xhur, sena u sentejn, kif ukoll kemm jinsabu lesti biex jiġu allokati immedjatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Ottubru 2026 kien hemm 69 proprjetà residenzjali tal-Gvern intiżi għall-akkomodazzjoni soċjali li kienu għadhom vojta u disponibbli għall-allokazzjoni. Minn dawn, 15 ilhom vojta inqas minn sitt xhur, 16 bejn sitt xhur u sena, 18 bejn sena u sentejn u 20 aktar minn sentejn.
Ta’ min jinnota li fost ir-raġunijiet għaliex ċerti proprjetajiet jistgħu jibqgħu vojta għal perjodu ta’ żmien hemm il-ħtieġa li jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tiswijiet jew interventi oħra meħtieġa sabiex dawn il-proprjetajiet ikunu fi stat adegwat qabel ma jiġu allokati lill-benefiċjarji.
Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal - Każijiet relatati mal-protezzjoni tat-tfal - Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5020 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ każijiet relatati mal-protezzjoni tat-tfal li kienu għadhom fuq il-lista ta’ stennija tas-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal sal-aħħar ta’ Ottubru 2026? Jista’ wkoll jipprovdi rendikont ta’ kemm ilhom jistennew dawn il-każijiet, inkluż kemm ilhom aktar minn sitt xhur u aktar minn sena, u jindika x’inhu l-itwal żmien ta’ stennija rreġistrat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li hija
policy
tal-FSWS li l-istatistika ġenerali tagħha tkun ippubblikata darbtejn fis-sena. Jiġifieri f’ Ottubru ta’ kull sena fejn jirrapporta dwar l-ewwel sitt xhur ta’ dik is-sena partikolari u f’ April ta’ kull sena fejn ikun irrapportat l-andament tas-sena preċedenti sħiħa minn Jannar sa Diċembru. Dwar listi ta’ stennija, il-
policy
hija li din l-informazzjoni tkun ippubblikata fit-tmiem ta’ kull sena ħalli jkun hemm il-possibilità li jiġi evalwat l-andament fuq sena sħiħa.
Infakkar li kien dan il-Gvern li daħħal trasparenza sħiħa fuq dan is-suġġett sensittiv u beda jitkellem fl-apert dwar din il-materja. L-aħħar rapport anwali jista jinkiseb minn fuq is-sit elettroniku tal-FSWS.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4922 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ infermiera u ħaddiema fil-kura (carers) minn pajjiżi terzi (TCNs) impjegati fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi f’Malta u Għawdex, b’rendikont skont il-faċilità? Jista’ wkoll jindika x’perċentwal tal-persunal f’dawn il-karigi huwa magħmul minn TCNs u kemm kienu l-postijiet vakanti f’dawn il-karigi li mtlew minn TCNs matul l-aħħar sentejn?
TCNs – Taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4921 u jagħti rendikont tat-total ta’ taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs) impjegati f’Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika x’perċentwal dawn jirrappreżentaw mit-total tad-dħul miġbur minn dawn is-sorsi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba, maħruġa mill-informazzjoni li l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana rċeviet taħt il-Final Settlement System, hija ppreżentata fit-tabella li ġejja:
Sena
Total ta’ Taxxa
Perċentwal
Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali (employee share)
Perċentwal
2023
115,687,438
9.40%
69,462,564
15.17%
2024
160,604,030
11.14%
91,710,717
18.02%
2025
176,797,432
12.01%
110,417,280
20.63%
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4920 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ negozji Maltin, partikolarment fost l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern wettaqx analiżi dwar il-kontribut ta’ dawn il-ħaddiema għall-produttività, it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà tal-operat tan-negozji Maltin, u jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi għal Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm huwa l-ammont ta’ inkjesti pendenti quddiem l-erba’ Maġistrati li jieħdu ħsieb dawn l-inkjesti, minn meta l-inkjesti ġew miftuħa, maqsuma sena b’sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt.
Rimarka: Mill-1 ta’ April 2024, ġew assenjati erba’ Maġistrati esklussivament fuq it-tmexxija tal-Inkjesti Maġisterjali. Kif rifless fl-istatistika li tkopri l-perjodu mill-2024 sal-lum, turi li ngħalaq numru sostanzjali ta’ inkjesti. Sussegwentement, l-informazzjoni tas-sena 2026 tkopri sal-aħħar ta’ Ottubru 2026.
Sena
2022
2023
2024
2025
2026
Inkjesti ġodda
888
775
774
774
605
Inkjesti mgħaluqa
658
714
939
1392
688
Pendenti
1656
1598
1514
803
1188
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3092 u jagħti l-ammont eżatt ta' kawżi għas-sentenza pendenti li għandu kull Imħallef u Maġistrat u għal kull ġudikant jikklassifikahom f’kemm minnhom ilhom pendenti inqas minn sena, bejn sena u sentejn, bejn sentejn u tlieta, bejn tliet snin u erbgħa, bejn erba’ snin u ħamsa, u aktar minn ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella b’informazzjoni miġbura sat-12 t’Ottubru 2026.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kontijiet awditjati tal-Public Broadcasting Services (PBS) Limited għas-sena li għaddiet?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kontijiet awditjati għas-sena li għaddiet jkunu jistgħu jingħataw wara li jiġu approvati mil-Laqgħa Ġenerali Annwali.
Pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ €37,624 fis-sena
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4970 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ €37,624 fis-sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-ammont ikkwotat minnha huwa b’rabta mal-miżura tat-taxxa fuq il-pensjoni, liema miżura imsemmija, tikkonċerna kull pensjoni li potenzjalment tista’ titħallas u mhux biss tas-sigurtà soċjali. Dawn jinkludu wkoll pensjonijiet privati, tas-servizz u oħrajn. Eluf ta’ pensjonanti jirċievu aktar minn pensjoni waħda, u dawn kollha ikunu qed igawdu mill-miżura jekk tqabbel mas-sitwazzjoni kif kienet sal-2015, u mhux biss dawk li jista’ jkun għandhom pensjonijiet fl-ammont imsemmi jew iżjed.
Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jkollux l-informazzjoni dwar kull pensjoni li residenti Maltin ikunu qed jirċievu għaliex jista’ jkun xi ħadd għadu mhux jirċievi pensjoni tas-sigurtà soċjali jew it-tip ta’ pensjoni li jirċievi ma taffetwax il-pensjoni tas-sigurta soċjali.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2968, 3302, 3496, 4174 u 4747 u jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2969, 3303, 3497, 4175 u 4746 u jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5217.