Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani bil-kundizzjoni tad-dimenzja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1087 u 2065 u jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3078 u jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-anzjani - Lista ta’ stennija - Anzjani fil-komunità

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3079 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern wettaqx impact assessment dwar l-effett kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, tal-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-Iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, tal-FuelEU Maritime u tal-obbligi relatati mal-avjazzjoni? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull impact assessment, economic model, studju jew konsultazzjoni li saret dwar l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq: (a) l-ispiża tat-trasport marittimu u bl-ajru lejn Malta; (b) l-importazzjoni ta’ ikel, mediċini u prodotti essenzjali; (c) l-ispejjeż tal-fertilizzanti, l-imballaġġ, ir-refriġerazzjoni, il-ħażna u d-distribuzzjoni; (d) l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja; (e) il-kompetittività tal-importaturi u n-negozji Maltin u Għawdxin; u (f) ir-riskju li dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumatur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Gvern Malti dejjem ħadem b’reqqa fin-negozjati fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jitħarsu l-interessi u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta bħala Stat Membru insulari, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnettività marittima u tal-ajru, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-kompetittività tan-negozji, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u l-impatti possibbli fuq il-konsumaturi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew riflessi fil-pożizzjonijiet li Malta ressqet matul id-diskussjonijiet dwar il-Carbon Border Adjustment Mechanism (CBAM), l-EU Emissions Trading System, inkluż l-estensjoni tiegħu għat-trasport marittimu, il-FuelEU Maritime u strumenti Ewropej oħra relatati mat-tranżizzjoni klimatika. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-miżuri msemmija fil-mistoqsija ġew adottati fil-livell Ewropew permezz tal-proċess leġiżlattiv bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. L-Awtorità kompetenti flimkien ma’ entitatjiet oħra, qiegħda twettaq ħidma sabiex jiġu evalwati l-effetti individwali u kumulattivi ta’ dawn il-mekkaniżmi fuq Malta. Bħala parti minn din il-ħidma, qegħdin isiru analiżijiet tekniċi u ekonomiċi, ġbir ta’ data, konsultazzjonijiet mas-setturi milquta, sessjonijiet ta’ informazzjoni u seminars.

Excess Mortality u Temperature Attributable Mortality

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern jikkalkulax l-excess mortality u t-temperature-attributable mortality waqt temperaturi estremi u heatwaves u, jekk iva, jispeċifika: (a) is-snin u l-perjodu użati sabiex jiġi stabbilit il-baseline tal-imwiet mistennija; (b) jekk il-baseline jiġix aġġustat għat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ix-xejriet fit-tul u l-varjazzjoni staġjonali; (c) liema kejl tat-temperatura jintuża u jekk jiġux ikkunsidrati l-umdità, it-temperaturi minimi ta’ billejl, it-tul u l-intensità tal-heatwave; (d) jekk jiġux ikkunsidrati l-effetti differiti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara; (e) jekk l-analiżi tiġix aġġustata għal fatturi oħra, fosthom it-tniġġis tal-arja u l-prevalenza ta’ mard infettiv; u (f) liema definizzjoni operattiva ta’ heatwave tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta? Jista’ jiddentifika d-dati tal-heatwaves jew tal-livelli ta’ twissija tas-saħħa relatati mas-sħana bejn Ġunju u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026? Jekk il-Gvern ma jikkalkulax l-excess mortality jew it-temperature-attributable mortality, jista’ jgħid għaliex dawn l-istimi ma jsirux u jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-mard u tal-mortalità attribwibbli għas-sħana?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala: (a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew (b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess,  gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar? Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu: (a) l-imwiet osservati minn kull kawża; (b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet; (c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u (d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali? Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika?  Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qtugħ fil-provvista tal-Elettriku - Impatt finanzjarju - Valutazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2126, 2966 u W523, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx valutazzjoni tal-impatt finanzjarju fuq l-ekonomija Maltija tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’pajjiżna mill-1 ta’ Lulju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, tista’ tippubblika din il-valutazzjoni u tagħti rendikont tal-impatt finanzjarju stmat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fir-rigward tal-provvista tad-dawl u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija tal-pajjiż, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akbar telf u saħansitra staġnar fit-tul, l-ekonomija tal-pajjiż iġġarrabhom meta l-prezzijiet tad-dawl, u anke tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u l-petrol, jogħlew minn xahar għal xahar mingħajr l-ebda ħjiel ta’ stabbiltà. Il-Gvern preżenti dan għarfu sa mill-bidu nett u ħa deċiżjonijiet kuraġġużi biex fost l-oħrajn wettaq b’suċċess il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Din il-qalba ma għenitx biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll biex il-Gvern, kif kien wiegħed minn qabel, raħħas il-kontijiet tal-dawl, u anke tal-ilma, għall-familji u n-negozji kollha. Dan is-serħan il-moħħ li ġabet magħha l-politika tal-Gvern preżenti kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku li pajjiżna tant kien jeħtieġ u grazzi għal dawn id-deċiżjonijiet għaqlin, ilkoll kemm aħna, qed ingawdu minn stabbiltà ekonomika. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi. Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna. Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh. Konna, għadna u se nibqgħu innovattivi, proattivi u deċiżivi. L-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima u d-domanda, dejjem togħla, għall-elettriku se nkomplu nindirizzawhom ukoll – kemm f’dik li hija ġenerazzjoni, kemm fid-distribuzzjoni u anke fejn tidħol l-affordabilità għall-konsumatur. Din hija ċ-ċertezza li f’dawn l-aħħar snin żammitna ‘l bogħod minn telf ekonomiku jew saħansitra riċessjoni. Din hija ċ-ċertezza li kontinwament baqgħet tagħti lil pajjiżna stabbiltà ekonomika. Din hija ċ-ċertezza li tagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji tagħna.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Taħriġ prattiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed isir it-taħriġ prattiku tal-istudenti tal-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine, speċjalment fir-rigward tal-annimali tal-irziezet, il-prattika ekwina, il-biċċerija u s-saħħa pubblika (spezzjonijiet)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-taħriġ prattiku relatat mal-annimali tal-irziezet isir f’irziezet privati, permezz ta’ arranġamenti ma’ min imexxi dawn l-irziezet, kif ukoll f’faċilitajiet tal-Università Awtonoma ta’ Barċellona. Is-suġġetti relatati mal-prattika ekwina, mal-biċċerija u mas-saħħa pubblika jibdew jiġu mgħallma matul l-aħħar sentejn tal-kors.

Masters Degree in Veterinary Medicine

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine jingħatax kollu kemm hu f’Malta? Jekk le, liema partijiet mill-kors huma previsti li jsiru barra minn Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-maġġoranza assoluta tal-kors Veterinarju jingħata f’Malta.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Studenti rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti rreġistrati fil-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine bħalissa, flimkien ma’ tqassim tal-iskrizzjoni maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm huma barranin, inkluż in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-istudenti li bdew il-kors matul l-aħħar tliet snin huma mqassma kif ġej: * L-ewwel sena: 9 studenti * It-tieni sena: 5 studenti * It-tielet sena: 8 studenti Minn dawn l-istudenti, persuna waħda biss hija ta’ nazzjonalità barranija.

MCAST - Masters Degree in Veterinary Medicine - Edukaturi u veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati edukaturi u veterinarji mill-MCAST biex jgħallmu l-Masters Degree in Veterinary Medicine u kemm minnhom għandhom esperjenza preċedenti fit-tagħlim u taħriġ post-terzjarju rikonoxxut?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-lum, ġew ingaġġati 14-il edukatur fuq bażi full-time u 4 edukaturi fuq bażi part-time.

Skejjel tat-tagħlim tal-Ingliż bħala lsien barrani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2279 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u jgħid jekk s’issa hemmx stimi preliminari ta’ kemm kien hemm differenza fil-bookings fl-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż bħala lsien barrani għas-sajf tal-2026 meta mqabbel mas-sajf tal-2025?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Skejjel tat-tagħlim tal-Ingliż bħala lsien barrani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2279 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u jgħid jekk s’issa hemmx stimi preliminari ta’ kemm kien hemm differenza fil-bookings fl-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż bħala lsien barrani għas-sajf tal-2026 meta mqabbel mas-sajf tal-2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-istatistika għall-2026 se tinġabar u tiġi ppubblikata mill-NSO f’April 2027.

Qtates imsewwija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il qattus u qattusa ġew imsewwija fis-snin 2024 u 2025?  Tista’ tgħid ukoll: i.    kemm minn dawn il-qtates kienu taħt il-kura ta’ NGOs jew voluntiera; ii.   kemm minnhom kienu taħt il-kura tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali; u iii.  kemm kienet in-nefqa fis-snin 2024 u 2025 biex dawn l-interventi setgħu jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords amministrattivi tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, in-numru ta’ qtates li ġew imsewwija permezz tal-interventi reġistrati mid-Direttorat kien ta’ 1,861 fis-sena 2024 u 2,757 fis-sena 2025. In-nefqa mid-Direttorat fir-rigward ta’ dawn l-interventi kienet ta’ €127,483 fis-sena 2024 u €176,255 fis-sena 2025. Il-qtates inklużi f’dawn iċ-ċifri kienu reġistrati bħala li jinsabu taħt il-kura tad-Direttorat meta sar l-intervent. Għaldaqstant, dawn iċ-ċifri ma jinkludux interventi li setgħu ġew organizzati jew iffinanzjati direttament minn NGOs, voluntieri, kunsilli lokali jew persuni privati mingħajr l-involviment tad-Direttorat. Id-Direttorat m’għandux informazzjoni komprensiva dwar tali interventi indipendenti.

Animal Honours Awards - Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa totali biex tittella’ s-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards?  Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali tal-ħames edizzjonijiet preċedenti, maqsuma edizzjoni b’edizzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kontaminazzjoni tal-Asbestos – Imwiet irreġistrati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew irreġistrati mwiet taħt il-kategoriji ICD-10 C45 mesoteljoma, J61 pnewmokonjożi minħabba l-asbestos u J92.0 plakka plewrali bil-preżenza tal-asbestos, għal kull sena mill-2016 sal-2025, separatament għal Malta u Għawdex? Għal kull kategorija, jista’ jiddistingwi bejn każijiet fejn il-kundizzjoni kienet il-kawża sottostanti tal-mewt u każijiet fejn kienet kawża kontribwenti?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Siti brownfield – Definizzjoni, kriterji u database nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jew l-Awtorità tal-Ippjanar adottawx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u jekk tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti? Jekk iva, jista’ jqiegħed id-definizzjoni, il-kriterji, il-metodoloġija użata u l-lista ta’ siti ‘brownfield’ fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’adottatx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u għalhekk ma tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti.

Tipjip f’postijiet ipprojbiti – Spezzjonijiet u kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet ta’ infurzar relatati ma’ tipjip f’postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu kontravenzjonijiet f’kull sena kontra persuni u/jew sidien ta’ stabbilimenti li nqabdu jiksru l-liġi f’dan ir-rigward?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija jwettaq diversi spezzjonijiet regolari bil-għan li jiġi żgurat li jiġu osservati r-regolamenti applikabbli, inklużi dawk relatati mal-ksur tal-liġijiet dwar it-tipjip. Ninsab infurmat li, bejn is-sena 2022 u l-aħħar ta’ Settembru 2026, il-Korp tal-Pulizija rreġistra aktar minn tnejn u tletin elf (32,000) spezzjoni, fejn sussegwentement għal dawn l-ispezzjonijiet, bejn is-sena 2022 u l-aħħar ta’ Settembru 2026, inħarġu elf, tmien mija u sebgħa u erbgħin (1,847) kontravvenzjoni relatati ma’ ksur tal-liġi dwar it-tipjip. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-kontravenzjonijiet inħarġu minn membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li wħud inħarġu wkoll minn uffiċjali tal-LESA u uffiċjali tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.

Spazji miftuħa u żoni naturali ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħolqu spazji miftuħa u żoni naturali matul il-leġiżlatura li għaddiet li huma kompletament ġodda, jiġifieri spazji li nħolqu mill-ġdid f’żoni jew artijiet li qabel ma kinux miftuħa jew aċċessibbli għall-pubbliku bħala ġonna, parks jew żoni naturali? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u tindika f’liema lokalità jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 526.

OHSA – Setturi tax-xogħol b’riskju għal espożizzjoni għal materjali tossiċi – Miżuri ta’ prevenzjoni u infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tas-setturi ekonomiċi li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tqis bħala l-aktar esposti għar-riskju ta’ espożizzjoni għaċ-ċomb, komposti taċ-ċomb, carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic, u jindika b’mod ċar x’miżuri speċifiċi ta’ infurzar u prevenzjoni qegħdin jittieħdu f’kull wieħed minn dawn is-setturi individwali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol  wettqet spezzjonijiet f’diversi setturi ekonomiċi li jistgħu jinvolvu espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi salons tax-xagħar, kumpaniji farmaċewtiċi, ‘garden nurseries’ fejn jintużaw pestiċidi, garaxxijiet reġistrati li jwettqu xogħlijiet ta’ sprej, mastrudaxxi u pompi tal-petrol. Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-Awtorità vverifikat il-konformità mar-rekwiżiti legali relatati mal-użu, il-ħażna u l-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi, inklużi carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic fejn applikabbli. L-enfasi tqiegħdet fuq l-evalwazzjoni tar-riskju, il-miżuri ta’ kontroll, , il-ventilazzjoni fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ tal-ħaddiema u l-użu ta’ tagħmir protettiv personali adegwat u l-konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni u monitoraġġ. Fejn instabu nuqqasijiet, ittieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa skont il-każ, filwaqt li ngħataw ukoll rakkomandazzjonijiet sabiex jitjiebu l-miżuri preventivi u jitnaqqas ir-riskju għall-ħaddiema.