Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi ġodda qed jiġu introdotti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) kif ukoll San Vinċenz de Paule qed jaħdmu fuq diversi proġetti biex ikomplu joffru aktar opportunitajiet u servizzi lill-anzjani, li wħud minnhom diġà tħabbru u oħrajn se jitħabbru fiż-żmien li ġej.
L-AAKK diġà toffri diversi servizzi mmirati lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani, fosthom l-immaniġġjar tad-Dijabete fid-Dar, eżamijiet tal-għajnejn għall-membri taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u r-residenti fid-djar residenzjali, sessjonijiet tal-VR u taħriġ fit-teknoloġija fiċ-Ċentri, kif ukoll l-estensjoni tas-servizz Silver T. Fiċ-Ċentri qed isiru wkoll sessjonijiet ta’ għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ abbuż u fejn wieħed jista’ jfittex l-għajnuna.
F’San Vinċenz de Paule qed jiġu ntrodotti diversi servizzi u inizjattivi biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Fil-qasam dijanjostiku, se tiġi ntrodotta sistema ġdida tal-ultrasound li tikkumplimenta s-servizz eżistenti, wara l-inawgurazzjoni riċenti tal-MRI u, qabel, tas-CT Scan.
Qed jespandu wkoll is-servizzi kliniċi: infetħet klinika ġdida tad-dijaliżi tal-kliewi, se tinfetaħ klinika tal-ematoloġija u se jkomplu jissaħħu l-kliniċi speċjalizzati, inkluż dik tal-oftalmoloġija.
Fil-qasam tal-kura, infetħet sala ġdida għall-kura paljattiva, filwaqt li l-proġett pilota tal-kura intermedjarja ġie estiż minn 16 għal 40 sodda.
L-investiment fir-riżorsi umani jibqa’ prijorità, bir-reklutaġġ ta’ infermiera speċjalizzati u taħriġ kontinwu għall-ħaddiema, inkluż taħriġ riċenti dwar il-Gold Standards Framework (GSF). Fl-istess waqt, qed jingħataw ukoll opportunitajiet ta’ tagħlim lir-residenti.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Health and Safety Officers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx health and safety officer fil-ministeru tiegħu u jekk le, għaliex?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nfurmat li Health and Safety Officer impjegat full-time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madankollu, għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Rapporti ta’ fastidju sesswali – Sena 2024
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ fastidju sesswali f’kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu fl-2024?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi fis-sena 2024 ma kien hemm ebda rapport ta’ fastidju sesswali fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Rapporti ta’ fastidju sesswali – Sena 2024
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ fastidju sesswali fil-ministeru tiegħu fl-2024?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2024 ma kien hemm ebda rapport ta’ fastidju sesswali fil-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Rapporti ta’ fastidju sesswali – Sena 2025
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ fastidju sesswali f’kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu fl-2025?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2025 ma kien hemm ebda rapport ta’ fastidju sesswali fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Rapporti ta’ fastidju sesswali – Sena 2025
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ fastidju sesswali fil-ministeru tiegħu fl-2025?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2025 ma kien hemm ebda rapport ta’ fastidju sesswali fil-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Karozzi reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi rreġistrati mal-ministeru tiegħu u kemm hi l-ispiża annwali biex jinżammu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ karozzi reġistrati mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Riċerka u Innovazzjoni huwa ta’ tmienja (8), li jinkludu l-vetturi tas-servizz pubbliku.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Karozzi – Spiza annwali
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi l-ispiża annwali ta’ kull karozza (GM) fil-ministeru tiegħu u jekk dawn huma mixtrija, jista’ jgħid kemm kienu jiswew meta nxtraw?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 6908, li ngħatat fis-seduta tal-15 ta’ Marzu fil-Leġislatura li għaddiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti relatati ma’ għads irrappurtati bejn l-2020 u l-2026, u kemm minnhom kienu fatali għall-għaddasa? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-inċidenti kienu jinvolvu għaddasa akkumpanjati minn instructor u kemm minnhom kienu għaddasa qegħdin jgħodsu waħedhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-Awtorita’ tat-Turiżmu toħroġ liċenzja għal
Recreational Diving Centres
, mhijiex l-awtorita’ kompetenti biex tinvestiga inċidenti relatati ma’ għadds.
Jobsplus – Impjieg ta’ persuni b’diżabilità – Skemi u għajnuniet finanzjarji
Question
Jista' l-Ministru jelenka l-iskemi u għajnuniet finanzjarji kollha li Jobsplus joffru lill-employers sabiex jinkoraġġixxu l-impjieg ta' persuni b'diżabilità u għal kull waħda minnhom jindika:
i. id-data tat-tnedija tal-iskema jew miżura;
ii. l-għanijiet tagħha; u
iii. it-tip ta' għajnuna jew inċentiv offrut?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1742, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Jobsplus toffri għadd ta’ skemi u miżuri finanzjarji li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu lil min iħaddem jimpjega u jżomm fl-impjieg persuni b’diżabilità.
Bridging the Gap Scheme
– Din l-iskema ġiet imnedijja fl-1993.
L-Għan tal-iskema:
L-għan primarju hu li tassisti persuni b’diżabilità u dawk vulnerabbli jiksbu esperjenza prattika ta’ xogħol. L-għan aħħari huwa li persuni mmsemmija jiġu mpjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema.
Għajnuna lil min iħaddem:
Fil-perjodu mifthem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus jew/u l-Lino Spiteri Foundation.
Għajnuna lill-parteċipant:
Din l-iskema tiffaċilità t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni b’diżabilità u dawk vulnerabbli jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali.
Inċentiv Fiskali -
Din il-miżura ġiet imnedija fl-2015.
L-Għan tal-iskema:
L-għan ta’ din il-miżura hu li jiżdiedu, jinżammu u jitjiebu l-impjieg tal-persuni b’diżabilità.
Inċentiv lil min iħaddem
: Dawk li jħaddmu magħhom persuni b’ diżabilità jistgħu japplikaw biex jirċievu
inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali tal-persuna impjegata rregistrata b’diżabilità, sa massimu ta’ €4,500
, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja.
Biex jikkwalifikaw għal dan l-incentiv, min iħaddem irid ikun konformi mal-obbligu tal-2% kwota.
Benefiċċjarji mill-iskema tal-A2E jew skemi simili ma jkunux eligibbli għal dan l-inċentiv.
Eżenzjoni mill-ħlas ta’ Kontribuzjonijiet tas-Sigurta Socjali
-
Din ġiet imnedija fl-2015
L-Għan tal-iskema:
L-għan ta’ din il-miżura hu li jiżdiedu, jinżammu u jitjiebu l-impjieg tal- persuni b’diżabilità.
Inċentiv lil min iħaddem
: Employers privati li jimpjegaw persuni b’diżabilità jistgħu japplikaw ma’ Jobsplus biex jiġu eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità.
L-infurzar tat-2% kwota ta’ impjegati diżabbli
-
Dan beda jseħħ fl
-
2015 għal min iħaddem iktar minn 20 persuna
.
L-għan tal-miżura:
Jiżdiedu l-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Dawk il-kumpaniji li ma jikkonformawx ma’ din il-leġiżlazzjoni huma meħtiega iħallsu kontribuzzjoni annwali ta’
€2,400
għal kull persuna b’diżabilità li kellhom jimpjegaw sa massimu ta’
€10,000
għal kull kumpanija.
Għajnuna lil min iħaddem u lill-persuni b’diżabilità:
Jobsplus flimkien ma’ Lino Spiteri Foundation, li ukoll twaqqfet fl-2015, jaħdmu biex jgħinu kumpaniji jimpjegaw persuni b’ diżabilità. Dan isir billi jassistu fil-ħolqien t’opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’ diżabilità permezz ta’
“job carving
”. Matul l-impieg
is-servizz ta’ Job Coach
jingħata skont il-bżonn biex tassisti lil persuna b’diżabilità kif ukoll tkabbar l-għarfien mall-kollegi dwar il-bzonnijiet u l-ħiliet tal-impjegata b’diżabilità.
Nota
: Il-flus migbura mingħand min iħaddem li ma jkunux konformi mal-ligi tat-2%, qed jintużaw fl-għajnuniet imsemmija hawn fuq biex il-persuni b’diżabbilita’ isibu posthom u jibqgħu fid-dinja tax-xoghol.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2145 u ċjoè: B’referenza għall-billboards li ttellgħu minn Infrastructure Malta fix-xhur ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali illi jgħidu “1,000 triq fl-aħħar sentejn”, jista’ l-Ministru:
i. jipprovdi lista bl-ismijiet ta’ kull triq u l-lokalità; u
ii. jgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru f’kull triq, inkluż it-tul f’metri tal-istess xogħlijiet f’kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta twettaq diversi tipi ta’ xogħlijiet infrastrutturali madwar Malta. Dawn ivarjaw minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija meħtieġa biex tinżamm l-infrastruttura tat-toroq f’kundizzjoni tajba, għal interventi relatati mat-tqattigħ u r-reinstatement ta’ trinek sabiex jiġu installati jew imtejba servizzi u networks taħt l-art, kif ukoll xogħlijiet imwettqa b’kollaborazzjoni ma’ jew f’isem entitajiet oħra. Barra minn hekk, l-Aġenzija twettaq rikostruzzjonijiet sħaħ ta’ toroq, li jistgħu jinkludu s-sostituzzjoni jew it-tisħiħ tas-saffi tat-triq, bankini, sistemi tad-drenaġġ u infrastruttura oħra, kif ukoll proġetti infrastrutturali maġġuri li jinvolvu junctions, flyovers, underpasses, rotot ġodda u infrastruttura għal mezzi ta’ trasport alternattivi. Għaldaqstant, in-natura, il-kobor u l-ispiża tax-xogħlijiet ivarjaw konsiderevolment skont l-iskop u l-kumplessità tal-intervent meħtieġ.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza li permezz tagħha jintbagħtu twissijiet u struzzjonijiet direttament lill-apparati ċellulari kollha konnessi mal-istazzjonijiet bażi jew l-antenni tan-networks mobbli f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk is-sistema Reverse 112, li dwarha l-Gvern ħabbar fi Frar 2026 li kellha tibda topera sal-aħħar tas-sena, hijiex diġà operattiva u, jekk le:
(a) f’liema stadju tinsab l-implimentazzjoni tagħha;
(b) liema xogħol tekniku, testijiet jew proċessi ta’ interoperabbiltà għad iridu jitlestew;
(c) x’inhi d-data preċiża meta mistennija tibda topera; u
(d) x’inhu l-valur tal-kuntratt, lil min ingħata u x’inhuma l-istadji ewlenin tal-implimentazzjoni tiegħu?
Jista’ jispeċifika jekk is-sistema hijiex se tuża Cell Broadcast, location based SMS jew iż-żewġ teknoloġiji, u jekk hijiex se:
(a) tilħaq awtomatikament kull apparat kompatibbli konness ma’ stazzjon bażi Malti fiż-żona affettwata, irrispettivament minn jekk is-SIM card hijiex Maltija jew barranija;
(b) tilħaq persuni li jkunu qed jużaw roaming, inklużi turisti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti jew preżenti f’Malta;
(c) taħdem mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, mobile data jew konnessjoni mal-internet;
(d) tilħaq kemm smartphones kif ukoll cellular phones aktar antiki li jistgħu jirċievu SMS iżda mhux neċessarjament Cell Broadcast;
(e) tibgħat twissijiet bil-Malti, bl-Ingliż u, fejn meħtieġ, b’lingwi oħra li jinftiehmu minn persuni barranin preżenti f’Malta; u
(f) tipprovdi konferma teknika dwar kemm apparati u networks ikunu rċevew it-twissija?
Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva?
Jista’ jispeċifika:
(a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom;
(b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt;
(c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika;
(d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u
(e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?
Jista’ l-Ministru jgħid liema sistema ntużat sabiex il-pubbliku jiġi mwissi qabel u matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026? Jista’ jgħid għaliex ma ntbagħtitx twissija diretta lill-apparati ċellulari kollha konnessi man-networks mobbli Maltin? Kif ġew indirizzati persuni li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir jew il-paġni tal-Gvern fuq il-media soċjali, b’mod partikolari turisti, ħaddiema u residenti barranin? Jista’ jgħid ukoll jekk l-implimentazzjoni preżenti tissodisfax l-obbligi dwar it-twissijiet pubbliċi stabbiliti fl-Artikolu 110 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li kellhom jiġu implimentati sal-21 ta’ Ġunju 2022, u jekk Malta kinitx meqjusa konformi ma’ dawn l-obbligi bejn dik id-data u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112? Jekk iva, jista’ jidentifika s-sistema alternattiva li kienet fis-seħħ u jipprovdi l-valutazzjoni li turi li din kienet daqstant effettiva?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel u matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026, il-messaġġi u t-twissijiet lill-pubbliku ngħataw permezz tal-media soċjali u direttament lill-mezzi tax-xandir.
Fir-rigward ta’ twissijiet diretti fuq apparati ċellulari, is-sistema nazzjonali Public Warning (Reverse 112), ibbażata fuq it-teknoloġija Cell Broadcast, ma kinitx operattiva fiż-żmien tal-Maltempata Harry u għalhekk ma setgħetx tintuża sabiex tintbagħat twissija diretta lill-apparati ċellulari kollha konnessi man-networks mobbli Maltin.
Fir-rigward tal-Artikolu 110 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għandu jiġi nnutat li l-qafas Ewropew jipprevedi t-trażmissjoni ta’ twissijiet pubbliċi permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli, filwaqt li jippermetti wkoll, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, mezzi alternattivi li jkollhom effettività f’termini ta’ kopertura u kapaċità li jilħqu lill-utenti finali, inklużi persuni preżenti temporanjament fiż-żona affettwata.
Programm LEADER - GAL Majjistral, GAL Xlokk u GAL Għawdex - Fondi
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta s-somma ta’ fondi li ngħataw permezz tal-programm LEADER amministrat mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali: Gal Majjistral, Gal Xlokk u Gal Għawdex? Jista’ wkoll jagħti eżempji ta’ proġetti li bbenefikaw minn dawn il-fondi bil-għan li jissaħħu l-identità u l-kultura Maltija fil-komunitajiet tagħna?
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-għanijiet tal-qafas nazzjonali propost għall-aftercare ta’ tfal u żgħażagħ li jkunu f’kura alternattiva u x’appoġġ qed jiġi propost biex dawn iż-żgħażagħ jgħaddu għall-ħajja adulta u indipendenti? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-passi li jmiss wara l-konsultazzjoni pubblika?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, il-Politika ta’ Aftercare għat-Tfal fil-Kura Alternattiva għandha l-għan li tassigura tranżizzjoni ppjanata, gradwali u sostnuta għall-ħajja adulta u indipendenti. Din tirrikonoxxi li ż-żgħażagħ li joħorġu mill-kura alternattiva li jkunu għexu taħt Care Order jeħtieġu appoġġ kontinwu, lil hinn mill-età ta’ 18-il sena, sabiex ikollhom opportunitajiet reali fl-edukazzjoni, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u r-relazzjonijiet personali.
Il-politika tipproponi Aftercare Guarantee b’numru ta’ miżuri li jinkludu tħejjija għat-tranżizzjoni sa mill-età ta’ madwar 15-il sena, bl-għoti ta’ mentor skont ir-rieda u ċ-ċirkustanzi individwali taż-żagħżugħ. Sal-età ta’ 17-il sena jitfassal pjan individwali ta’ aftercare flimkien maż-żagħżugħ, il-mentor, il-ħaddiem soċjali ewlieni u partijiet oħra rilevanti.
Mill-età ta’ 18-il sena, iż-żgħażagħ li jitilqu mill-kura jkunu offruti opportunità ta’ taħriġ jew impjieg, appoġġ għal akkomodazzjoni assistita jew indipendenti, kif ukoll servizzi kontinwi ta’ saħħa fiżika u mentali. Il-qafas jinkludi wkoll għajnuna finanzjarja gradwali, appoġġ għar-rabtiet familjari u soċjali, servizzi ta’ drop-in, u mekkaniżmu ta’ intervent bikri għal persuni taħt it-23 sena li jirċievu ċerti benefiċċji soċjali jew benefiċċji tal-qgħad.
Barra minn hekk, qed jiġu proposti inċentivi għall-impjegaturi biex jimpjegaw u jżommu żgħażagħ li telqu mill-kura, skemi ta’ kreditu tat-taxxa, sussidji aħjar għall-akkomodazzjoni, starter packs għal min jibda jgħix b’mod semi-indipendenti jew indipendenti, u programmi li jqabblu lil dawn iż-żgħażagħ ma’ individwi jew familji li jistgħu joffru stabbiltà, gwida u ambjent ta’ sostenn.
Fir-rigward tal-passi li jmiss, bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar il-politika proposta, b’sottomissjonijiet mistennija sal-aħħar ta’ Ottubru 2026. Tħejjiet ukoll verżjoni adattata għat-tfal sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom permezz tal-Empowering Children App. Wara l-għeluq tal-konsultazzjoni, il-kontributi kollha jiġu analizzati biex il-politika tiġi ffinalizzata u jitfassal il-pjan għall-implimentazzjoni tagħha għall-perjodu 2026-2031.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw familji mit-titjib fl-Allowance tat-Tfal fl-2026, inkluż miż-żieda fil-limitu tad-dħul għall-ħlas ta’ rati ogħla? Jista’ wkoll jagħti t-total tal-ħlasijiet magħmula fl-2026 meta mqabbel ma’ dawk magħmula fl-2025?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment
ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Ħarba ta’ żewġ ċittadini Marokkini mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ ċittadini Marokkini, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li fl-1 ta’ Jannar 2025 ħarbu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li niżlu minn ajruplan tat-Turkish Airlines, instabux jew ġewx arrestati? Jekk iva, jista’ jgħid meta u fejn instabu, u x’passi ttieħdu fil-konfront tagħhom? Jekk le, jista’ jikkonferma jekk għadhomx imfittxija mill-awtoritajiet Maltin u jekk huwiex magħruf jekk għadhomx f’Malta jew jekk ħarġux mill-pajjiż?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Infurmat illi investigazzjoni għadha għaddeja, iżda mhux il-kompitu tiegħi bħala ministru li nkun naf id-dettalji tal-investigazzjoni li jsiru mill-pulizija kif tajt kelma lill-Poplu Malti u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi huma dawn l-individwi u kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ kull pajjiż?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati tal-PBS, kif ukoll preżentaturi jew produtturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti mxandra fuq il-PBS, li fl-istess waqt jokkupaw xi kariga jew rwol mal-Gvern, ma’ Ministeru jew Segretarjat Parlamentari, jew ma’ xi bord, kumitat, entità jew aġenzija tal-Gvern, inkluż bħala persons of trust, konsulenti jew advisors? Jekk iva, jista’ jagħti lista ta’ dawn il-persuni, l-irwol tagħhom mal-PBS jew fil-programm rispettiv, u r-rwol jew il-kariga l-oħra li għandhom mal-Gvern jew ma’ entità pubblika?