Legislature:
Category:
Reset
Active:

Użu tas-servizzi taċ-childcare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-livell ta’ użu tas-servizzi taċ-childcare min-nisa u mill-irġiel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta' childcare huwa provdut lil minuri u mhux lil nisa u rġiel. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onorevoli interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Childcare centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċentru ta’ childcare qed jopera bil-finanzjament tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 215 childcare centre li għandhom liċenzja. Għal aktar informazzjoni dwar finanzjament nitlob lill-Onorevoli interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom meta mqabbel mal-irġiel?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 624, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 kien hemm 19,666 nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali waqt li irġiel kien hemm 17,470. L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.

Nisa li jaħdmu part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time meta mqabbel mal-irġiel?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 623, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 in-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time (dawk li għandhom part-time bħala impjieg ewlieni tagħhom u dawk li għandhom part-time u għandhom impjieg ieħor full-time) kien jammonta għal 37,776 waqt li n-numru tal-irġiel kien jammonta għal 51,195. L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.

Diskriminazzjoni relatati mat-tqala jew il-maternità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ippreżentati rapporti ta’ diskriminazzjoni relatati mat-tqala jew il-maternità? Tista’ tgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn il-każijiet?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ġejt infurmata li minn Ġunju 2026 sal-lum, ġie ippreżentat każ wieħed (1) mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) relatat ma’ allegata diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tqala u/jew maternità. Dan il-każ għadu taħt investigazzjoni u għalhekk il-proċess għadu għaddej.

Kumpaniji multinazzjonali – Strutturi reġistrati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar kemm kumpaniji multinazzjonali għandhom strutturi reġistrati f’Malta mingħajr impjegati iżda li jirrappurtaw profitti sostanzjali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-Country-by-Country Reporting (DAC4), u mill-formoli tat-taxxa mibgħuta, jirriżulta li kien hemm 19-il grupp multinazzjonali distint li għandhom 23 entità kostitwenti reġistrata f'Malta li ma rrappurtaw ebda impjegat u ddikjaraw dħul taxxabbli f’Malta li jaqbeż l-€10 miljun. Għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana interpretat il-kliem "kumpaniji multinazzjonali" bħala li jirreferi għal gruppi multinazzjonali li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti ta' rappurtar Country-by-Country (DAC4), jiġifieri gruppi b'dħul konsolidat annwali ta' mill-inqas €750 miljun. Nixtieq nirrimarka li terminu użat fil-mistoqsija, “kumpaniji multinazzjonali”, tista’ tkun suġġetta għal tifsiriet differenti skont il-kuntest applikabbli. Għalhekk, ma jkunx opportun li minn indikaturi jew elementi iżolati jinġibdu konklużjonijiet dwar kategoriji partikolari ta’ entitajiet jew gruppi multinazzjonali. Għaldaqstant, il-Gvern iqis li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ din in-natura għandha ssir bil-prudenza meħtieġa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti, iċ-ċirkostanzi u l-kuntest rilevanti kollha, sabiex jiġu evitati konklużjonijiet jew inferenzi li jistgħu ma jkunux sostnuti mill-kuntest sħiħ tal-fatti.

Kumpaniji – Profitti sostanzjali f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kumpanija tistax tirreġistra profitti sostanzjali f’Malta permezz ta’ entità mingħajr impjegati jew attività ekonomika sostanzjali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tal-mistoqsija, kumpaniji jirreġistraw profitti fil-kontijiet tagħhom u għal finijiet fiskali, wieħed jistenna li jiġu ddikjarati profitti skont kif titlob il-liġi. Tajjeb li wieħed ifakkar li s-sistema fiskali Maltija hija bbażata fuq prinċipji ta’ trasparenza, konformità mal-liġi u allinjament mar-regoli tal-Unjoni Ewropea u dawk internazzjonali. F’dan il-kuntest, wieħed jistenna li l-profitti jiġu vvalutati u allokati skont fejn effettivament jitwettqu l-funzjonijiet rilevanti, fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet essenzjali u fejn ikun hemm livell adegwat ta’ sustanza ekonomika. Iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ u r-realtà ekonomika għandhom rilevanza f’dan kollu, u għaldaqstant, in-numru ta’ mpjegati u l-attività sostanzjali jistgħu jkunu fatturi rilevanti f’dan ir-rigward.

Kumpaniji Amerikani f’Malta – Sussidjarji reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kumpaniji Amerikani għandhomx jew kellhomx sussidjarji reġistrati f’Malta li ddikjaraw profitti globali minkejja li ma kellhomx impjegati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-Country-by-Country Reporting (DAC4), jirriżulta li kien hemm entitajiet reġistrati f’Malta li ddikjaraw profitt fil-formoli tat-taxxa tagħhom minkejja li ma rrappurtaw ebda impjegati. Nixtieq nirrimarka li termini użati fil-mistoqsija, inklużi “kumpaniji Amerikani”, “sussidjarji”, u “profitti globali” jistgħu jkunu suġġetti għal tifsiriet differenti skont il-kuntest applikabbli. Barra minn hekk, in-numru ta’ impjegati li entità tirrapporta  f’ġurisdizzjoni partikolari ma jippermettix, waħdu, sabiex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-funzjonijiet, l-attivitajiet jew il-pożizzjoni fiskali tagħha. Ma jkunx opportun, għalhekk, li minn indikaturi jew elementi iżolati jinġibdu riżultati dwar kategoriji partikolari ta’ entitajiet jew gruppi multinazzjonali. Għaldaqstant, il-Gvern iqis li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ din in-natura għandha ssir bil-prudenza meħtieġa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti, iċ-ċirkostanzi u l-kuntest rilevanti kollha, sabiex jiġu evitati konklużjonijiet jew inferenzi li jistgħu ma jkunux sostnuti mill-kuntest sħiħ tal-fatti.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Persunal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi internal assessment dwar il-livell ta’ persunal meħtieġ biex dawn iċ-ċentri ta’ detenzjoni joperaw b’mod effiċjenti u sigur?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-livell ta’ persunal meħtieġ f’kull blokka huwa definit permezz ta’ Minimum Safe Complement, li ġie wkoll maqbul mal-union tal-ħaddiema u nassiguraħ illi huwa suffiċjenti u sigur.

Ċentri ta’ Detenzjoni - Reklutaġġ jew espansjoni tas-servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal aktar reklutaġġ jew espansjoni tas-servizz fiċ-ċentri ta’ detenzjoni matul din is-sena?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ghaddej proċess ta’ reklutaġġ u jekk issirx espansjoni tas-servizz o meno ikun jiddependi minn fatturi diversi bħall-ammont ta’ persuni fiċ-centri.

Ċentri ta’ Detenzjoni -  Vacancies

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ vacancies approvati bħalissa għaċ-ċentri ta’ detenzjoni?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Napprezza jekk l-Onor Interpellant jippreċiża l-interpellanza tiegħu sabiex tkun tista’ tingħata risposta korretta.

Proġetti Ewropej li jindirizzaw l-ugwaljanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew konklużi proġetti Ewropej li jindirizzaw l-ugwaljanza b'suċċess matul l-aħħar ħames snin?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lil l-Onorevoli Interpellanta li, matul l-aħħar ħames snin, ġew konklużi ħmistax-il proġett li indirizzaw il-prinċipji tal-ugwaljanza.

Proġetti Ewropej relatati mal-ugwaljanza – Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jippubblikax evalwazzjoni tal-impatt tal-proġetti Ewropej relatati mal-ugwaljanza?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru jwettaq evalwazzjonijiet tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi Ewropej. Is-sommarji tal-evalwazzjonijiet jiġu ppubblikati fuq is-sit fondi.eu.

Policies tal-ugwaljanza – Konsultazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-policies tal-ugwaljanza matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kwistjonijiet ta’ ugwaljanza – Laqgħat mas-sħab soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati laqgħat mas-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza matul l-aħħar sentejn?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li saru erba’ laqgħat li kienu ffukati b’mod partikolari fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza, filwaqt li żewġ laqgħat oħra ndirizzaw temi marbuta mal-inklużjoni.

Promozzjonijiet tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol – Konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konsultazzjonijiet regolari mas-sħab soċjali dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza fuq il-postijiet tax-xogħol?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru W680.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Taħriġ għall-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza għall-impjegati tas-servizz pubbliku fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar ħames snin?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, matul l-aħħar ħames snin, il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur organizza sbatax-il sessjoni ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza.

Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2026?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2026?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għal-Kultura, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.