Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jikkunsidra l-Gvern sabiex jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, u jekk hemmx mekkaniżmu konkret fis-seħħ biex jiġi evitat li żidiet fil-prezzijiet internazzjonali jgħaddu direttament fuq il-konsumatur Malti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Gvern, kif diġà ilu jagħmel għal dawn l-aħħar 13-il sena u kif impenja ruħu li se jagħmel matul kampanja elettorali, se jibqa’ jżomm prezzijiet stabbli tal-elettriku u tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi. Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh. Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna.

Prezzijiet tal-fjuwil – Fondi/allokazzjonijiet finanzjarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx fondi jew allokazzjonijiet finanzjarji speċifiċi maħsuba sabiex il-Gvern ikun jista’ jżomm il-prezzijiet tal-fjuwil stabbli f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2473.

ERA – Ħatra tal-Membri tal-Bord – Proċess u kriterji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proċess u kriterji jintużaw mill-Gvern fl-għażla u l-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u jekk dan il-proċess jinkludix kriterji ta’ meritokrazija, kompetenza, esperjenza u kwalifiki relatati mal-protezzjoni tal-ambjent? Tista’ tgħid ukoll jekk, qabel ma jinħatar membru fuq dan il-Bord, issirx evalwazzjoni formali tal-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu, u jekk din l-informazzjoni tkunx disponibbli għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2470, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jinħatru skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). Fil-ħatra tagħhom jiġu kunsidrati l-kompetenza, l-esperjenza, il-kwalifiki u l-ħiliet rilevanti għall-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Bord u tal-Awtorità. L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku.

ERA – Membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha attwali tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-kwalifiki akkademiċi, esperjenza professjonali u kompetenza rilevanti tagħhom fil-qasam tal-ambjent, l-ippjanar, il-konservazzjoni jew l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx kriterji minimi ta’ kwalifika u kompetenza ambjentali li għandhom jiġu sodisfatti minn persuni maħtura fuq dan il-Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huwa kompost skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku. Il-membri attwali tal-Bord huma dawn: Chairperson Perit Vincent Cassar Deputy Chairperson Prof. Manuel [Emanuel] Sinagra Membri Prof. Stephanie Fabri Mr Martin Galea Degiovanni Ms Charmaine Mangion Dr Ing Christopher Ciantar Mr Clarence Pace Perit Kevin Fsadni Mr Kurt Farrugia Prof. Saviour Formosa Mr Issak Koroma Segretarja tal-Bord Ms Lorna Farrugia Fir-rigward tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-kompetenza tal-membri, il-liġi tipprovdi l-parametri li fuqhom għandha tkun ibbażata l-kompożizzjoni tal-Bord u tistabbilixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jinħatru fuq il-Bord, inklużi persuni b’esperjenza jew għarfien fil-qasam tal-attività tal-Awtorità u persuni bi kwalifiki jew esperjenza f’oqsma rilevanti, fosthom l-ambjent, ir-riżorsi, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni u oqsma regolatorji u professjonali oħra. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-Bord prevista fil-liġi tinkludi wkoll membri mis-servizz pubbliku li għandhom esperjenza jew kwalifiki f’materji li jolqtu l-ambjent, is-saħħa ambjentali, il-politika soċjali jew ir-riżorsi, flimkien mal-membri indipendenti, il-membru nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-membru li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet volontarji fis-settur tal-ambjent. L-Att ma jistabbilixxix kwalifika akkademika jew kompetenza speċifika li kull membru individwali għandu jkollu. Iċ-Chairperson tal-Bord jiġi approvat ukoll mill-Kumitat tal-Kamra għal Ħatriet Pubbliċi.

Ombudsman – Opinjoni finali dwar pensjoni tas-servizz ta’ grupp ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1610 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid x’azzjoni beħsiebu jieħu l-Gvern rigward l-opinjoni finali tal-Ombudsman dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jittratta diskriminazzjoni ma’ grupp ta’ għalliema fil-pensjoni tas-servizz, u li ngħataw raġun mill-Ombudsman, liema rapport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Onor. David Agius fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2023 (P.L. 02597)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Gvern jirrispetta l-opinjoni tal-Ombudsman, f’każi hekk il-Gvern dejjem jimxi mal-pariri legali li jkollu. Għal kuntrarju ta’ dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-parir legali li għandu l-Gvern huwa li ma saret ebda diskriminazzjoni f’dan il-każ.

Karozzi second hand u karozzi ġodda impurtati – Snin 2000 sa 2012

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1510 u jgħid kemm ġew impurtati u reġistrati karozzi second hand mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew impurtati karozzi ġodda fl-istess perjodu u ċjoè; mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Karozzi second hand u karozzi ġodda impurtati - Snin 2013 sa 2025

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1509 u jgħid kemm ġew impurtati u reġistrati karozzi second hand mill-2013 sal-2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impurtati karozzi ġodda fl-istess perjodu u ċjoè; mill-2013 sal-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 576 fl-intier tagħha u tagħti lista tal-lokalitajiet/reġjuni madwar Malta u Għawdex li bejn l-1 ta’ April 2026 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, esperjenzaw qtugħ ta’ dawl, u f’kull istanza tgħid kemm dam il-qtugħ tas-servizz u x’kienet il-kawża tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 576, ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.

Delimara - Impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1507 u tgħid kemm sewa l-impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza f’Delimara, kemm biex jinkera u kemm biex jopera, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntuża b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-impjant imsemmi ġie mikri b’investiment ta’ madwar €37 miljun. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21389 tal-Leġiżlatura XIV fejn ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-kumpanija, fejn hemm id-dettalji kollha. L-impjant inkera sabiex jikkonsolida l-prinċipju ta’ N-1 fis-sistema elettrika nazzjonali u b’hekk jiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku. Fost oħrajn, dan l-impjant intuża meta l-Floating Storage Unit (FSU) kien fi storm mooring jew waqt xogħlijiet essenzjali fuq l-impjanti tal-gass jew l-Interconnector.

Generators temporanji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1506 u tgħid kemm swew il-generators temporanji li qed jitqabbdu f’partijiet differenti tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kemm biex jinkrew u kemm biex joperaw, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntużaw b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.

Għar ta’ Calypso – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta’ Calypso fix-Xagħra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi xogħlijiet biex l-għar jiġi ppreservat u jekk iva, jindika x-xogħol li sar s’issa kif ukoll x’tip ta’ xogħlijiet huma maħsuba biex dan ma jkomplix jiġġarraf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender SPD3/2026/031 – Tender for the Commissioning of Geological Investigations at and around Calypso Cave within the Limits of Xagħra, Gozo ġie ppubblikat nhar it-30 ta’ Settembru 2026 u se jagħlaq nhar il-21 ta’ Ottubru 2026. Hekk kif jingħata dan it-tender u jitlestew l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, se jitkompla l-proċess għat-tħejjija u l-ħruġ tat-tender għax-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u stabbilizzazzjoni tal-Għar ta’ Calypso.

Ta’ Xħajma, Għawdex – Korsa taż-żwiemel – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fil-korsa taż-żwiemel f’Ta Xħajma matul l-aħħar snin? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux il-ħsieb li jinvesti f’din il- korsa fis-snin li ġejjin u jekk iva, jindika fiex se jkun jikkonsisti dan l-investiment?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti biex iżomm il-korsa taż-żwiemel fi stat tajjeb.  Ix-xogħol ta' żamma u manutenzjoni jsir mill-ħaddiema tal-Ministeru matul is-sena kollha.  Ftit tal-ġimgħat ilu ġie approvat il-permess għall-bini tal-istallel il-ġodda.  Il-proċess sabiex tinħareġ l-offerta għall-bini ta' dawn l-istallel mistenni li jibda matul din is-sena.

Gozo Indoor Sports Pavillion

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’reklamar sar fir-rigward tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku ta’ Għawdex minn meta dan beda jopera sabiex jattira aktar turisti? Kemm kien hemm turisti li għamlu użu minn dan il-Padiljun minn meta nfetaħ? Jista’ jgħid ukoll x’inhu mistenni li jsir biex aktar turisti sportivi jżuru Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa mill-ftuħ tiegħu, il-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) stabbilixxa ruħu bħala faċilità sportiva moderna li qed tattira utenti lokali u barranin. Infatti, sal-lum ġew irreġistrati 833 utent li kisbu Access Card permezz ta’ numru tal-passaport; indikazzjoni ċara ta’ kemm persuni barranin qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet li toffri l-GISAP. Fl-istess waqt, il-faċilità diġà ospitat numru ta’ avvenimenti sportivi ta’ livell internazzjonali. Fost dawn insemmi l-Spirit Combat Seminar u l-International Masters Water Polo Tournament li ttellgħu f’Novembru li għadda, u l-logħba internazzjonali tal-waterpolo bejn Malta u l-Portugall li saret f’Diċembru li għadda. Sussegwentament, f’April ta’ din is-sena ttella l-Malta Artistic Swimming National Championships, liema avveniment attira parteċipanti minn aktar minn 18-il pajjiż. Għal Novembru ta’ din is-sena, ġie kkonfermat li l-International Masters Water Polo Tournament ser jerġa’ jsir fil-GISAP fis-27, 28 u 29 ta’ Novembru 2026. Dawn l-avvenimenti jkomplu jikkonfermaw ir-reputazzjoni eċċellenti li kiseb il-GISAP anke barra minn xtutna.

Ix-Xewkija, Għawdex – Pjan għal Airfield

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li ssir airfield fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal dan il-proġett u meta huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

ITS – Għawdex – Studenti rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġew irreġistrati studenti fl-ITS ta’ Għawdex bejn l-2000 u l-2026, u jindika l-korsijiet li kienu qed isegwu, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li din l-iskola tissaħħaħ u permezz ta’ liema miżuri? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn il-miżuri jiġu implimentati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-snin akkademiċi 2000/1 sa 2025/6 l-ITS ta’ Għawdex kellha total ta’ 436 student irreġistrat li segwew wieħed mill-ħames korsijiet offruti. Il-Pjan Strateġiku tal-ITS 2026–2030 jipprevedi t-tisħiħ tal-Kampus ta' Għawdex permezz ta' għadd ta' miżuri komplementari: ·    L-iżvilupp ta' programmi speċjalizzati f'oqsma niċċa o    Il-Kampus ta' Għawdex ser ikompli jiddistingwi ruħu billi joffri programmi li jibnu fuq il-karatteristiċi uniċi tal-prodott turistiku ta' Għawdex, minflok jirreplika l-offerta akkademika tal-Kampus ta' Malta. o    Ser tingħata enfasi partikolari lil oqsma bħat-turiżmu sostenibbli, l-għadis, il-gastronomija, il-wirt kulturali, it-turiżmu rurali u edukazzjoni speċjalizzata marbuta mad-destinazzjoni, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjonament tal-Kampus tal-Qala. ·    Aktar kollaborazzjoni mal-industrija o    Ser jissaħħu s-sħubijiet mal-operaturi tat-turiżmu u ma' stakeholders oħra ewlenin sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol, internships u riċerka applikata, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tal-industrija turistika Għawdxija.

Għawdex – Turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati day-trippers f’Għawdex bejn l-2024 u l-2026, meta mqabbel mal-2012? Jista’ jgħid ukoll kemm turisti żaru Għawdex u qattgħu mill-inqas lejl wieħed f’Għawdex bejn l-2024 u l-2026, meta mqabbel mal-2012?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Maritime Decarbonisation – Strateġija nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux strateġija nazzjonali għall-Maritime Decarbonisation u meta se tiġi ppubblikata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, Malta qiegħda tipparteċipa b'mod attiv fid-diskussjonijiet dwar in- Net-Zero Framework u ssegwi mill-qrib l-iżviluppi mistennija fil-laqgħa tal-MEPC ta' Diċembru 2026.

Malta Maritime Forum – Rakkomandazzjonijiet implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Malta Maritime Forum lill-Gvern ġew implimentati matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema dokument jew rakkomandazzjonijiet qiegħed jirreferi sabiex tkun tista' tingħata tweġiba infurmata.

Is-Settur Marittimu – Investiment fit-taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm investa l-Gvern f’taħriġ marittimu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Is-Settur Marittimu – Karrieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ittieħdu biex jiżdied in-numru ta’ Maltin li jagħżlu karriera fis-settur marittimu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qegħda tkompli tippromwovi l-opportunitajiet ta’ karrieri fis-settur marittimu, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ li jkunu qegħdin jagħżlu l-perkors edukattiv u professjonali tagħhom. Ir-Reġistru Malti tal-Bastimenti jipparteċipa regolarment f’inizjattivi bħall- Careers Weeks organizzati mill-Università ta’ Malta, l-MCAST u istituzzjonijiet edukattivi privati, kif ukoll fil-fiera nazzjonali iChoose . Uffiċjali tekniċi tar-Reġistru ta spiss jagħtu preżentazzjonijiet speċjalizzati lill-istudenti tal-MCAST u jaqsmu magħhom l-esperjenza prattika tagħhom fis-settur. Ta' min isemmi li l- Merchant Shipping Directorate jinvesti b'mod sinifikanti fin-nies tiegħu sabiex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom u jispeċjalizzaw fl-oqsma differenti li titlob l-industrija. Bl-istess mod, jinvesti b'mod indirett fit-taħriġ ta’ studenti li jagħżlu karriera marittima f’entitajiet governattivi permezz ta’ eżenzjonijiet ( waivers ) minn ħlasijiet dovuti fuq servizzi relatati ma’ course reviews, course approvals, training centre audits u examination fees , fost l-oħrajn. Dawn l-inizjattivi huma kkumplimentati minn proġett ikkoordinat min- National Skills Council , bl-appoġġ tekniku tal-OECD u b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan il-proġett tfassal pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-professjonijiet marittimi u jissaħħu t-taħriġ speċjalizzat, l-aġġornament tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa mis-settur. Ta’ min isemmi wkoll il-kontribuzzjoni li l-Gvern jagħti kull sena lill-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali ( International Maritime Law Institute - IMLI ), li huwa istitut speċjalizzat taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). F’dan l-istitut jitħarrġu professjonisti mid-dinja kollha, fosthom Maltin, sabiex is-settur marittimu jkollu persuni tal-ogħla livell fit-tmexxija tiegħu.