Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Impjegati – Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità impjegati fid-dekasteru tiegħu?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1043.

Ministeru għat-Turiżmu – Impjegati – Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità impjegati fid-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1043.

INDIS – Proprjetajiet allokati għal kull żona industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet allokati għal kull żona industrijali amministrata minn INDIS, iżda li ilhom mhux operattivi għal aktar minn tnax-il xahar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li Malta Enterprise u INDIS jghamlu spezzjonijiet regolari sabiex jaraw li l-operaturi li jkunu inghataw art industrijali ikunu qieghdin jaderixxu ma l-obbligi u l-kundizzjonijiet emanenti mill-kuntratt rispettiv, fosthom li l-post ikun attiv. Fejn ikun il-kaz l-entita tibda’ proceduri biex il-propjeta industrijali tittiehed lura.

Malta Enterprise – Investimenti li ġew approvati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-investimenti li ġew approvati minn Malta Enterprise iżda li sussegwentement ġew irtirati jew ma twettqux, flimkien mar-raġunijiet rispettivi u għaliex ma twettqux?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta Enterprise tittratta informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata ma’ negozji u proġetti ta’ investiment u, skont l-Artikolu 21(5) tal-Malta Enterprise Act dwar il-kunfidenzjalità, hija marbuta li tħares il-kunfidenzjalità ta’ data li tirrigwarda l-operat tan-negozji u proġetti individwali. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ma tistax tipprovdi informazzjoni dwar proġetti individwali, inkluża kwalunkwe indikazzjoni jekk proġett partikolari ma twettaqx jew ġie rtirat, peress li tali informazzjoni tista’ tkun kummerċjalment sensittiva u tista’ taffettwa lill-intrapriżi involuti.

Malta Enterprise – Klawsoli ta’ clawback jew irkupru ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba Malta Enterprise eżerċitat il-klawsoli ta’ clawback jew irkuprat fondi mingħand benefiċjarji matul l-aħħar ħames snin?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta Enterprise ma tinkludix klawsoli ta’ clawback marbuta mal-kisba ta’ riżultati jew deliverables ekonomiċi bħala kundizzjoni tal-għoti tal-assistenza, kif xi drabi jkunu imposti fi proġetti kbar iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. L-iskemi tal-Korporazzjoni huma, ibbażati fuq nefqa eliġibbli li tkun effettivament imġarrba u vverifikata qabel ma tingħata l-għajnuna.

Malta Enterprise – Kumpaniji – Obbligi kuntrattwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija li bbenefikat minn għajnuna permezz ta’ Malta Enterprise matul l-aħħar ħames snin naqset milli twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha u x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, għandu jiġi ċċarat li l-iskemi ta’ Malta Enterprise huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, marbuta mal-implimentazzjoni effettiva tal-proġett approvat u ma’ nefqa eliġibbli li tkun ġiet effettivament imġarrba u mitluba mill-benefiċjarju. Għaldaqstant, meta proġett approvat ma jiġix implimentat, jew meta l-benefiċjarju ma jkunx ressaq talba għall-ħlas jew għall-kreditu relatat man-nefqa approvata, l-għajnuna ma tkunx effettivament ingħatat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, peress li l-proġett ma jkunx twettaq, Malta Enterprise ma tkunx żborżat fondi fir-rigward tiegħu. L-Ittra ta’ Approvazzjoni tiskadi skont it-termini tagħha u titlef l-effett tagħha, b’tali mod li ma jkunx hemm fondi x’jiġu rkuprati mill-Korporazzjoni.

Malta Business Wallet – KPIs

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, il-Key Performance Indicators (KPIs) stabbiliti għall-Malta Business Wallet, u jekk dawn intlaħqux sal-lum u jekk le, sa meta għandhom jintlaħqu? Jista’ jgħid ukoll il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ kull KPI sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Business Wallet ġie mniedi f'Mejju li għadda u dan kien akkumpanjat min emendi legali fil-Companies Act (Central Data Repository) Regulations, 2026 li ġew ippubblikati nhar il-15 ta’ Mejju 2026 permezz ta’ LN 151/2026 u ġew fis-seħħ fl-istess ġurnata permezz ta’ LN 152/2026.

Malta Business Wallet – Proċessi amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew eliminati jew issimplifikati proċessi amministrattivi permezz tal-Malta Business Wallet u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tagħhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li Il-Malta Business Wallet (MBW) naqset diversi proċessi amministrattivi fosthom: li l-MBW introduca l-principju ta’ “darba biss” (once-only principle), fejn: Sottomissjonijiet ripetuti tal-KYC Ezercizzji ripetuti ta’ due diligence Talbiet ripetuti għal informazzjoni dwar il-pussess tal-kumpanija Talbiet ripetuti għal informazzjoni dwar rappreżentanti awtorizzati Tlugħ ripetut ta’ dokumenti Skambji tal-email ripetuti ta’ dokumenti ta’ compliance Tħejjija ripetuta ta’ pakketti ta’ dokumentazzjoni relatati mal-integrazzjoni u l-konformità

Ugwaljanza bejn il-ġeneri – Promozzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-progress li sar matul l-aħħar ħames snin fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’Malta?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Matul il-perjodu 2021–2025, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), bħala parti mill-mandat tagħha, wettqet ħidma kontinwa fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Matul dawn il-ħames snin, ingħatat attenzjoni partikolari lil oqsma bħall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, id-diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, ir-responsabbiltajiet tal-kura u l-fastidju sesswali, fost oħrajn. Inżid ngħid li l-NCPE żammett komunikazzjoni kontinwa permezz tal-mezzi tax-xandir, u media soċjali. Fl-istess perjodu ta’ żmien, Malta għamlet progress notevoli ukoll kif jixhed il-Gender Equality Index, li qies progress li mis-26 post, Malta  telgħet għas-16-il post.

GREVIO – Rakkomandazzjonijiet dwar l-ugwaljanza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema rakkomandazzjonijiet mill-GREVIO dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadhom ma ġewx implimentati?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor Interpellanta illi l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tal-Kunsill tal-Ewropa, ippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tematika bit-titlu, Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice fis-17 ta’ Settembru 2026. Ir-rapport jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex tissaħħaħ il-protezzjoni, is-sapport u l-ġustizzja għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. L-istess rapport jinnota b’sodisfazzjoni l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) f’Malta, inkluż ir-riformi leġislattivi u istituzzjonali sinifikanti u l-implimentazzjoni tat-tliet Strateġiji Nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li huma allinjati mal-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Stqarrija tad-DOI li l-Ministeru li jien responsabbli minnu ħareġ b’reazzjoni għal dan ir-rapport (PR261509), ir-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti li l-Gvern għadda lill-GREVIO għal dan ir-rapport, li kollha jinsabu diġà disponibbli għall-konsum pubbliku.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri – Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi Ewropej ġew allokati għal proġetti relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri? Jista’ jgħid ukoll kemm-il proġett ġie implimentat bl-użu ta’ dawn il-fondi?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Fond Soċjali Ewropew plus, b’allokazzjoni ta’ aktar minn €204 miljun, fih innifsu huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-ugwaljanzja bejn il-ġeneri. Fil-preżent, hemm 32 proġett li l-attivitajiet tagħhom jipromwovu l-ugwaljanza u ma jiddiskriminawx bejn il-ġeneri.

Fastidju online bbażat fuq il-ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tittieħed kontra l-fastidju online bbażat fuq il-ġeneru?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li l-Pulizija, f’kull rapport ta’ fastidju online bbażat fuq il-ġeneru, twettaq l-investigazzjoni meħtieġa, tiġbor l-evidenza rilevanti, inkluża evidenza diġitali, u fejn ikun meħtieġ titlob l-assistenza tat-taqsimiet speċjalizzati fi ħdan il-Korp. Fejn jiġi identifikat is-suspettat u jkun hemm evidenza ta’ ksur tal-liġi, jittieħdu l-proċeduri legali meħtieġa.

Karigi ta’ sindki u viċi sindki - Nisa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-rappreżentanza tan-nisa meta mqabbla mal-irġiel f’karigi ta’ sindki u viċi sindki?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li fost it-68 Kunsill Lokali, hemm 23 mara u 113-il raġel li jokkupaw il-karigi ta’ Sindku jew Viċi Sindku.

Kumpaniji multinazzjonali – Studji/analiżi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull studju jew analiżi li saru mill-Ministeru tal-Finanzi dwar ir-riskju reputazzjonali għal Malta bħala ċentru finanzjarju minħabba l-arranġamenti fiskali għal kumpaniji multinazzjonali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar ebda studju jew analiżi dwar riskju reputazzjonali għal Malta bħala ċentru finanzjarju minħabba l-arranġamenti fiskali għal kumpaniji multinazzjonali.

Kumpaniji reġistrati f’Malta – Dħul/profitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija reġistrata f’Malta m’għandhomx impjegati iżda tirraporta dħul jew profitti ta’ aktar minn €10 miljun fis-sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-formoli tat-taxxa mibgħuta, jirriżulta li kien hemm 81 kumpannija reġistrata f’Malta li m’għandhiex impejgati u li ddikjarat dħul taxxabbli f’Malta li jaqbeż l-€10 miljun. Nixtieq nirrimarka li in-numru ta’ impjegati li entità tirrapporta  f’ġurisdizzjoni partikolari ma jippermettix, waħdu, sabiex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-funzjonijiet, l-attivitajiet jew il-pożizzjoni fiskali tagħha. Ma jkunx opportun, għalhekk, li minn indikaturi jew elementi iżolati jinġibdu riżultati dwar kategoriji partikolari ta’ entitajiet jew gruppi multinazzjonali. Għaldaqstant, il-Gvern iqis li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ din in-natura għandha ssir bil-prudenza meħtieġa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti, iċ-ċirkostanzi u l-kuntest rilevanti kollha, sabiex jiġu evitati konklużjonijiet jew inferenzi li jistgħu ma jkunux sostnuti mill-kuntest sħiħ tal-fatti.

Liġijiet fiskali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jemenda jew isaħħaħ il-liġijiet fiskali sabiex jipprevjeni l-użu ta’ kumpaniji “letterbox” jew entitajiet mingħajr attività ekonomika reali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern jibqa’ impenjat b’mod kostanti li jiżgura li l-qafas fiskali u regolatorju ta’ pajjiżna jkun robust, trasparenti u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li Malta diġà implimentat numru ta’ miżuri, kemm fil-qasam tat-taxxa kif ukoll f’dak regolatorju, li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ entitajiet mingħajr sostanza ekonomika reali. Dawn il-miżuri jinkludu, fost oħrajn, regoli relatati mal-beneficial Ownership, rekwiżiti ta’ rapportar u obbligi ta’ konformità skont direttivi Ewropej u standards tal-OECD. Il-Gvern qed ikompli jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fuq livell Ewropew u internazzjonali, inklużi inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tar-regoli kontra l-użu ħażin ta’ strutturi legali. F’dan is-sens, il-pożizzjoni tal-Gvern hija li jkompli jtejjeb u jaġġorna l-qafas leġiżlattiv fejn meħtieġ, filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm bilanċ xieraq bejn l-integrità tas-sistema fiskali u l-kompetittività tas-settur ekonomiku. Għalhekk, kull proposta għal emendi ulterjuri f’dan il-qasam tiġi evalwata bir-reqqa fuq bażi kontinwa, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali ta’ Malta u fl-interess li jiġi mħares l-użu ġust u trasparenti tas-sistema fiskali