Legislature:
Category:
Reset
Active:

Manteniment tat-tfal – Ħlas mill-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra mudell fejn l-Istat iħallas il-manteniment lit-tfal minnufih u mbagħad jirkupra s-somma mingħand il-ġenitur responsabbli, kif isir f'pajjiżi bħall-Iżvezja u d-Danimarka? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx xi studju dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż ta' sistema bħal din f'Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kura, manteniment u kustodja tat-tfal hija r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tagħhom.

Manteniment tat-tfal – Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm każijiet ta' manteniment tat-tfal jinsabu pendenti quddiem il-Qorti bħalissa? Jista’ jgħid ukoll x'kienu l-itwal u l-iqsar perjodu ta’ stennija matul l-aħħar ħames snin, sakemm ingħatat deċiżjoni f’każijiet ta’ dan it-tip?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lil Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema kawżi ta’ manteniment qed jirreferi. Jekk hux dawk quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jew quddiem il-Qorti tal-Familja.

Pakketti ta’ ikel provduti mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna rċeviet pakkett ta’ ikel provdut mill-Gvern mill-Fond Konsolidat, matul is-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Akkomodazzjoni soċjali – Kuntratti ffirmati qabel l-2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li kienu ffirmaw kuntratt biex jidħlu f’unit t’akkomodazzjoni soċjali f’April 2022, u li sa ftit tal-jiem ilu kienu għadhom jistennew appartament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mill-applikanti li ġew allokati unit t’ akkomodazzjoni soċjali f’April 2022, 11-il applikant esprimew ix-xewqa li jiġu kkunsidrati għal allokazzjoni f’lokalità oħra.

Persuni li jgħixu fi djar perikolużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex informazzjoni ta’ persuni li qegħdin jgħixu fi djar mimlija perikli u jekk iva, kemm hu l-ammont?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkwilini huma obbligati jirrappurtaw lill-Awtorità tad-Djar kwalunkwè ħsara strutturali jew kundizzjoni li tista’ toħloq periklu fil-proprjetà li jgħixu fiha. Ir-rapporti jistgħu jsiru permezz tas-servizz tal-Customer Care tal-Awtorità kif ukoll permezz tas-servizzi online disponibbli għal dan il-għan. L-Awtorità tad-Djar għandha proċedura stabbilita biex tirċievi, tivvaluta u tinvestiga dawn ir-rapporti, u tieħu l-azzjoni meħtieġa skont in-natura u l-gravità tal-każ, inkluż, fejn ikun meħtieġ, it-twettiq ta’ xogħlijiet urġenti jew ta’ emerġenza. Sa fejn huwa magħruf lill-Awtorità, ma hemm l-ebda każ fejn residenti jkunu tħallew jibqgħu jgħixu f’proprjetà identifikata bħala strutturalment perikoluża mingħajr ma ttieħdet l-azzjoni meħtieġa, inkluż it-twettiq ta’ xogħlijiet urġenti jew ta’ emerġenza fejn dawn ikunu meħtieġa. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu għarfien ta’ każijiet partikolari fejn hemm persuni li qed jgħixu f’kundizzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu u li dawn il-każijiet għadhom ma ġewx miġjuba għall-attenzjoni tal-Awtorità tad-Djar, ikun apprezzat jekk jingħataw id-dettalji rilevanti lill-Awtorità sabiex tkun tista’ tieħu l-passi meħtieġa mingħajr dewmien.

ESP - Professjonisti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm professjonisti impjegati mal-Employee Support Programme (ESP), maqsuma skont il-professjoni tagħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li hemm Psikologa, 2 Counsellors, 2 Psikoterapisti, 4 Social Workers, Koordinatriċi tal-Bord Mediku (Infermiera) u  Psychology Assistant.

ESP - Impjegati tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tas-Servizz Pubbliku għamlu użu mis-servizzi tal-Employee Support Programme (ESP) mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat kif ġej: 2023 – 430 klijent li ammontaw għal 3196 sessjoni 2024 – 447 klijent li ammontaw għal 4008 sessjoni 2025 – 464 klijent li ammontaw għal 5533 sessjoni 2026 – 351 (sa 23/10/2026) li ammonaw għal 5600 sessjoni (sa 28/10/2026)

ESP - Servizzi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi li joffri l-Employee Support Programme (ESP) u min hu eliġibbli biex jagħmel użu minnu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) jipprovdi sezzjonijiet ta’ sapport psikoloġiku professjonali u kunfidenzjali. Jipprovdi ukoll sapport lid-dipartimenti li jkunu esperjenzaw sitwazzjonijiet kritiċi jew trawmatiċi fuq il-post tax-xogħol. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-ESP jipprovdi kemm sapport lill-individwi u lit-tim wara l-avveniment.  Hemm ukoll is-servizz tal-Bord Mediku, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-P&SD, u li għandu l-mira li jħeġġeġ lill-impjegati tas-servizz pubbliku biex jibqgħu jaħdmu u r-rwol primarju tiegħu huwa li jipprovdi gwida u sapport professjonali lill-impjegati f’termini ta’ saħħa fuq ix-xogħol.  L-impjegati pubbliċi kollha jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. L-ESP Unit torganizza ukoll inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-benessri tal-impjegati u saħħa mentali aħjar. Is-sessjonijiet ta’ għarfien isiru kemm għall-maniġment, kif ukoll għall-impjegati fuq talba tad-dipartiment.

ESP

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf l-Employee Support Programme (ESP) u x’kienu r-raġunijiet ewlenin li wasslu għat-twaqqif ta’ dan is-servizz?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) beda bħala proġett pilota permezz ta’ fondi tal-UE fl-2011 u sar parti mis-Servizz Pubbliku fil-2013. Twaqqaf bl-għan li jipprovdi sapport psikoloġiku u professjonali lill-impjegati pubbliċi li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet fuq ix-xogħol u/jew fil-ħajja tagħhom, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol u l-benessri tagħhom.

Persuni b’diżabilità – Applikazzjonijiet għal parking bay riservat approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal parking bays riservati għal persuni b'diżabilità li ġew approvati iżda li sal-lum għadhom ma ġewx implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li sal-31 t’Ottubru 2026 kien għad hemm erbgħa u tletin (34) parkeġġ riservat għall persuni b’diżabilita’ li huma approvati u qegħdin fil proċess li jkunu implimentati. Tajjeb li nfakkar li wara li applikazzjoni tkun rakkomandata minn Aġenzija Sapport li l-persuna tkun eleġibbli għall parkeġġ personaliżżat, l-Awtorità tkompli bil-proċess permezz ta’ spezzjoni u identifikar tal-post fejn ikun jista’ jsir il-parkeġġ riservat. Wara li jsir dan il-proċess jinħareġ avviż lill kuntrattur sabiex tinżebah l-art u titqiegħed it-tabella fil-post indikat.

Persuni b’diżabilità – Għotjiet ta’ parking bays riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li jiġi segwit wara li tiġi approvata mill-Bord applikazzjoni għall-għoti ta' parking bay riservat lil persuni b'diżabilità, inkluż kif tiġi pproċessata t-talba sal-installazzjoni tal-parkeġġ? Jista’ jgħid ukoll x'inhuma l-perjodi ta' żmien previsti għal kull stadju?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-applikazzjoni tiġi rakkomandata mill-Aġenzija Sapport wara li jsir ezami mediku, uffiċjali tal-Awtorità jagħmlu spezzjoni fuq il-post fil-preżenza tal-applikant sabiex jiġi identifikat l-aktar post adattat. Wara l-approvazzjoni, tinħareġ ordni lill-kuntrattur sabiex issir is-sinjaletika meħtieġa. F’ċirkostanzi normali, ix-xogħol jitlesta fi żmien tliet ġimgħat mill-ħruġ tal-ordni. Dan il-perjodu jista’ jvarja jekk jinqalgħu diffikultajiet biex jinstab post adattat, peress li mhux dejjem ikun possibbli li l-parkeġġ isir quddiem ir-residenza tal-applikant.

KM Malta Airlines – Pjan tan-negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tan-negozju ta’ KM Malta Airlines għat-tliet snin li ġejjin sabiex il-kumpanija ssir finanzjarjament sostenibbli mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar injezzjonijiet ta’ fondi pubbliċi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

KM Malta Airlines – Konsulenti esterni

Question

Jekk ġew ingaġġati konsulenti esterni biex jagħtu pariri dwar ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet tal-impjieg jew il-ġestjoni tal-ħaddiema ta’ KM Malta Airlines, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawn il-konsulenti u kemm tħallsu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

KM Malta Airlines – Konsulenti esterni – Ristrutturar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati konsulenti esterni biex jagħtu pariri dwar ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet tal-impjieg jew il-ġestjoni tal-ħaddiema ta’ KM Malta Airlines?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

KM Malta Airlines – Kundizzjonijiet ta’ xogħol u remunerazzjoni – Ezerċizzju

Question

Jekk il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u remunerazzjoni offruti minn KM Malta Airlines ġew ikkomparati ma’ dawk offruti minn linji tal-ajru oħra Ewropej, jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

KM Malta Airlines – Kundizzjonijiet ta’ xogħol u remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u remunerazzjoni offruti minn KM Malta Airlines ġewx ikkomparati ma’ dawk offruti minn linji tal-ajru oħra Ewropej li jikkompetu għall-istess piloti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

KM Malta Airlines – Retention strategy – Miżuri ewlenin

Question

Jekk KM Malta Airlines għandha retention strategy, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri ewlenin li qed jiġu implimentati sabiex jinżammu l-ħaddiema b’esperjenza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4057.

Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Lulju 2026?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.