Legislature:
Category:
Reset
Active:

Allied Health Professionals – Ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ⁠kemm kien it-tul ta’ żmien bejn is-sejħa għax-xogħol u l-ingaġġ ta’ Allied Health Professionals, maqsuma skont il-professjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-perjodu li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant huma indikat fil-Manual on Industrial Relations and the Selection and Appointment Process under Delegated Authority in the Malta Public Service. Jiġri wkoll li jkun hemm ċirkostanzi li jtawwlu l-proċess. F’dan il-każ tkun segwita l-proċedura applikabbli minn l-istess manwal.

L-Isptar Mater Dei – SAMOC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ⁠hemmx pjanijiet biex Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC) jiġi akkreditat mill-Organisation of European Cancer Institute (OECI) u b’hekk Malta tingħaqad mal-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, f’liema stadju qegħdin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Isptar Mater Dei, li jinkorpora ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, mhux se jidħol fi proċess ta’ akkreditazzjoni mal-Organisation of European Cancer Institutes (OECI) peress li għażel li jsegwi l-proċess alternattiv tal-Joint Action EUnetCCC.

Comprehensive Cancer Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex iċ-Ċentru tal-Onkoloġija jsir Comprehensive Cancer Centre u jekk iva, meta huwa t-target biex dan iseħħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diġà nbeda proġett pilota f’dan ir-rigward u ġie stabbilit core working group sabiex jibda jaħdem fuq dan il-proċess. Dan huwa proċess kumpless li jinvolvi żviluppi kliniċi, organizzattivi, ta’ riċerka u edukazzjoni, u għalhekk jitwettaq fuq perjodu ta’ żmien. It-targets jiġu stabbiliti skont il-progress miksub u r-riżorsi disponibbli. Bħala gvern, hemm impenn ċar sabiex is-servizzi onkoloġiċi f’Malta jkomplu jiġu żviluppati b’mod integrat u skont l-aqwa standards internazzjonali. F’dan il-kuntest, qed isiru evalwazzjonijiet u xogħol preparatorju sabiex Malta tavvanza lejn mudell ta’ Comprehensive Cancer Centre. L-Isptar Mater Dei, li jinkorpora ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, daħal bħala ċentru pilota fil-Joint Action (JA) EUnetCCC sabiex jibda l-proċess preparatorju meħtieġ biex eventwalment jidħol fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni bħala Comprehensive Cancer Centre. Infurmat li l-fażi pilota hija mistennija ddum bejn 12 u 18-il xahar.

Assistenzi għal Diżabilità - Ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas fis-sena għal kull waħda mill-Assistenza għal Diżabilità, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Assistenza għal Diżabilità Severa (separatament għal kull benefiċċju)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Assistenzi għal Diżabilità jitħallsu b’rata fissa fil-ġimgħa u l-pagamenti jitħallsu kull erba’  ġimgħat bil-quddiem. Ir-rati pagabbli fil-ġimgħa taħt l-artikolu 27 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap318) tal-Liġijiet ta’ Malta, huma skont it-tabella li ssegwi. Tajjeb jiġi nnutat illi skont l-emendi li saru fl-aħħar snin bis-saħħa ta’ diversi budgets, dawn l-assistenzi m’għadhomx means tested ,u ħlief għal l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa li hija ekwivalenti għall-Paga Minima Nazzjonali netta, min jirċevihom jista’ jkun qed jaħdem ukoll. Dawn l-assistenzi jiżdiedu bl-ammont sħiħ tal-għoli tal-ħajja waqt li l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa tiżdied b’90% taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, liema żieda ma tkunx anqas mill-COLA. Barra minn hekk dawn il-benefiċċjarji huma ntitolati wkoll għal ħlas ta’ bonus addizzjonali ta’ €3.12 fil-ġimgħa u bonus ta’ €135.10 kull sitt xhur. Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa €206.50 Assistenza għal Diżabilità Severa u għal Persuna b’Vista Batuta €134.56 Assistenza għal Diżabilità €107.28 Benefiċċju għal Diżabilità €80.46

Assistenzi għal Diżabilità - Kriterji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kriterji li wieħed irid jissodisfa sabiex ikun eleġibbli għal Assistenza għal Diżabilità, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Assistenza għal Diżabilità Severa, separatament għal kull benefiċċju? Jista' jgħid ukoll kif jiġi deċiż għal liema assistenza wieħed ikun intitolat għaliha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, illi persuna b’diżabilità tista tibbenefika minn Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, Assistenza għal Diżabilità Severa jew Assistenza għal Diżabilità, skont is-severità tal-kundizzjoni tagħha. U issa, b’effett minn Jannar 2026, bis-saħħa ta’ miżura tal-Budget ġie ntrodott ukoll il-Benefiċċju għal Diżabilità bħala r-raba’ livell ta’ għajnuna..  Dan minbarra l-Assistenza għal Viżta Batuta. Infakkar li permezz ta’ miżura tal-Budget 2024, ġie emendat l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), prinċiparjament l-Artikolu 106 (g) li permezz tiegħu ġie kompost bord inter-professjonali sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet għall-Assistenzi (jew Benefiċċju) ta’ Diżabilità hawn fuq imsemmija. Il-bord inter-professjonali jibbaża l-evalwazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet fuq il-mudell tal-World Health Organisation International Classification of Functioning, Disability, and Health (ICF). Hawn taħt qed nipprovdi tabella bil-persentaġġi ta’ non-funzjonalità li jagħtu eliġibilità skont s-severità tal-kundizzjoni: Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa Mhux anqas minn 75% Assistenza għal Diżabilità Severa Minn 60% sa 74.99% Assistenza għal Diżabilità Minn 45% sa 59.99% Benefiċċju għal Diżabilità Minn 30% sa 44.99% Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta Mhux anqas minn 50%

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex - Helipad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk pazjent li jkun ser jiġi trasportat għall-kura f’Malta, hux se jkun meħtieġ li jittieħed f’ambulanza mill-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-post fejn ser ikun hemm il-helipad?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu ppjanat li d-dipartiment tal-emerġenza ser ikun l-aktar qrib possibbli tal-helipad.  Kif żgur jifhem l-Interpellant, għas-siġurtà u bħala miiżura biex tiġi mħarsa l-kundizzjoni medika tal-istess pazjent, ikun meħtieġ li jiġi trasportat permezz ta’ ambulanza mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sal-post fejn ser ikun hemm il-helipad.

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – Helipad –Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra ser tinqala’ mill-post fejn hu proġettat li jsir il-helipad tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-helipad il-ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jeħtieġ interventi limitati fuq il-veġetazzjoni eżistenti sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti operattivi, ta’ sigurtà u ta’ konformità mal-istandards tal-avjazzjoni u tas-saħħa. B’kollox, 36 siġra jinsabu fil-footprint tal-proġett jew fiż-żoni ta’ sigurtà relatati mal-operazzjoni tal-helipad. Minn dawn: ·    21 siġra huma ppjanati li jiġu rilokati, skont il-pariri tekniċi rilevanti; ·    10 siġar ma jistgħux jiġu rilokati għax skont pariri tekniċi, hemm rata baxxa li relokazjoni ssir b’suċċess; ·    il-bqija huma siġar jew veġetazzjoni li jistgħu jiġu ntegrati fis-sit finali. Dan l-intervent qed jsir b`kollaborazjoni mal-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar qed isir b’attenzjoni sabiex l-impatt ambjentali jiġi minimizzat kemm jista’ jkun.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Ċentru Amministrattiv – Fire Drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru fire drills fiċ-Ċentru Amministrattiv magħruf bħala l-Isptar il-Qadim fir-Rabat Għawdex, li fih jinkludi l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, matul l-2024 u l-2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba x-xogħlijiet li kienu għaddejjin, inkluz ta’ retrofitting, fiċ-Ċentru Amministrattiv - sa Diċembru tal-2025 ma sarux fire drills. Madankollu, bħalissa għaddejjin il-preparamenti li għandhom jwassalu biex il-fire drills jibdew isiru b’mod regolari.

Kumitat tekniku dwar miżuri marbuta mal-Midja Soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-membri tal-kumitat tekniku appuntat biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet lill-Gvern fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-kuntest tal-midja soċjali, l-aktar fejn din hi ta’ impatt fuq il-minuri?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li dan l-bord huwa kompost minn Chairperson u ħames membri.

Taċ-Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33185 u jgħid jekk l-appartamenti tal-proġett ta’ housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar f’Taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw u jagħti d-data ta’ meta ġew allokati?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-allokazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali saru lill-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali mill-Bord tal-Allokazzjonijiet matul il-perjodu ta’ Mejju sa Novembru 2025

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32491 u 32920 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li huma: i.    Applikanti single; ii.   Applikanti ’l fuq minn 60 sena; u iii.  Applikanti akkumpanjati bi tfal minuri magħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Akkomodazzjoni soċjali - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32490 u 32875 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tad-Djar għandha 1926 applikazzjoni fuq il-lista ta’ stennija.

Certified Public Accountants – Warrants

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta tqassmu l-aħħar warrants lis-Certified Public Accountants mill-Ministeru tiegħu, wara li ngħata parir biex jagħmel dan mill-Bord of Accountancy? Peress li għaddew numru ta’ snin minn meta tqassmu ċ-ċertifikati ta’ dawn il-warrants bir-riżultat li l-accountants għadhom ma rċevewx tali ċertifikati skont il-prassi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-accountants jirċievu ċ-ċertifikati tagħhom fil-futur qarib?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar darba li tqassmu l-warrants tas-Certified Public Accountants kien f’Novembru 2024. Qed isiru t-tħejjijiet sabiex fil-ġimgħat li ġejjin tiġi organizzata ċerimonja oħra ta’ tqassim tal-warrants.