Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Seduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm inżammu seduti fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li s-seduti tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jissejħu u jinżammu b’mod regolari, skont il-ħtiġijiet operattivi u n-natura tal-każijiet pendenti quddiem kull Diviżjoni. Ninsab ukoll infurmat li numru ta’ deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu tressqu mill-appellant u mill-entità kkonċernata.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm ġew deċiżi appelli fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-bidu tas-sena 2025 sat-18 ta’ Frar 2026, il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni ħareġ total ta’ 3,889 deċiżjoni ta’ appell.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm hemm appelli pendenti quddiem kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li is-sena li għaddiet, il-Gvern daħħal emendi legali biex itejjeb l-effiċjenza tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni. Ġiet istitwita diviżjoni ġdida, immexxija minn Chairperson impenjat fuq bażi full-time, u l-liġi issa tipprovdi proċedura aktar ċara u effiċjenti għas-sottomissjonijiet bil-miktub. Mill-ħruġ ta’ dawn l-emendi f-Awwissu 2025, diġà rajna tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ appelli pendenti, u fejn aktar minn nofs l-appelli pendenti ġew sottomessi fl-2025 u fl-2026. Dan l-impatt inizjali juri li r-riformi qed iġibu riżultati tanġibbli u jikkonferma l-effettività tal-bidliet strutturali u proċedurali introdotti.Dan hekk ninsab infurmat li, sat-18 ta’ Frar 2026, hemm total ta’ 4,446 appell pendenti quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni, li dan jirrizulta tnaqqis fuq l-ammont ta’ 5,027 ta’ Lulju tas-sena 2025.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-remunerazzjoni finanzjarja ta’ kull persuna li tpoġġi fuq kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li  ċ-Chairpersons u Membri tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jirċievu remunerazzjoni skont kif deċiż mill-Amministrazzjoni Pubblika.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Kompożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma komposti l-erba’ bordijiet tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè, Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4? Jista' jgħid ukoll min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta' kull Bord?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-kompożizzjoni ta’ dawn id-diviżjonijiet huma kif ippubblikati fil-gazzetta tal-Gvern, li qed npoġġi wkoll fuq il-mejda tal-kamra.

Il-Belt, Valletta - Installazzjoni artistika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-installazzjoni li twaqqfet int u dieħel il-Belt Valletta?  Jista’ jgħid ukoll: i.    min kien l-uffiċjal inkarigat mill-valutazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li din l-istruttura tiġi meqjusa bħala “installazzjoni artistika”; ii.    jekk din il-persuna kellhiex il-kompetenzi meħtieġa u jekk kinetx debitament awtorizzata sabiex toħroġ deċiżjoni ta’ “ebda oġġezzjoni”; iii.    liema dokumentazzjoni ġiet sottomessa u kkunsidrata bħala parti minn dan il-proċess ta’ valutazzjoni u jekk hemm, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra; iv.    min kien/u l-perit/i jew l-uffiċċju/i ta' periti responsabbli għad-disinn ta' din l-istruttura u għall-installazzjoni tagħha; u v.    jekk l-għażla tal-perit jew tal-uffiċċju ta' periti saritx permezz ta’ direct order jew proċedura oħra ta’ akkwist?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

Il-Belt, Valletta - Installazzjoni artistika

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar l-installazzjoni li twaqqfet int u dieħel il-Belt Valletta?  Jista’ jgħid ukoll: i.    min kien l-uffiċjal inkarigat mill-valutazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li din l-istruttura tiġi meqjusa bħala “installazzjoni artistika”; ii.    jekk din il-persuna kellhiex il-kompetenzi meħtieġa u jekk kinetx debitament awtorizzata sabiex toħroġ deċiżjoni ta’ “ebda oġġezzjoni”; iii.    liema dokumentazzjoni ġiet sottomessa u kkunsidrata bħala parti minn dan il-proċess ta’ valutazzjoni u jekk hemm, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra; iv.    min kien/u l-perit/i jew l-uffiċċju/i ta' periti responsabbli għad-disinn ta' din l-istruttura u għall-installazzjoni tagħha; u v.    jekk l-għażla tal-perit jew tal-uffiċċju ta' periti saritx permezz ta’ direct order jew proċedura oħra ta’ akkwist?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill Onorevoli interpellanta għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 34206. Id-disinn u l-installazzjoni tal-istruttura kienu taħt ir-responsabbilita tad-ditta tal-periti li kienet ingaġġata skont il-proċeduri tal-akkwisti.

Ħal Qormi - Mitħna tar-Riħ - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-mitħna tar-riħ li tinsab f’Ħal Qormi u li hija saħansitra eqdem mill-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq, isirilha r-restawr meħtieġ qabel ma tkompli tiddeterjora?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li din il-mitħna hi devoluta lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Informat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li nkisbu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-għan.

Ħal Qormi - Flyover - Problema tal-konġestjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li ssir flyover f’Ħal Qormi bħalma saru fil-Marsa, fl-Imsida u bnadi oħra, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku li ta’ kuljum tiġi esperjenzata f’Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi affarijiet li qegħdin jiġu ikkunsidrati.

Ħal Qormi - Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-Master Plan għal-lokalità ta’ Ħal Qormi li għalih għamel referenza f’mistoqsija parlamentari preċedenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija waħda mid-diskussjonijiet li qegħdin nagħmlu u li kull masterplan jieħu l-perkors tiegħu.

MVPA – Sala – Rapport tal-periti

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-periti li jiċċertifika li s-sala fl-Iskola tal-Malta Visual and Performing Arts (MVPA) hija sigura biex tkun utilizzata mill-istudenti li jattendu din l-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Malta - Fabbriki - Heavy Fuel Oil

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn fabbriki f'pajjiżna li għadhom jużaw il-Heavy Fuel Oil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-duħħan mill-użu ta’ fjuwil klassifikat bħala żejt kurburanti tqil huwa regolat mill-Att dwar l-Arja Pura (KAP200) u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 200.01 Regolamenti dwar Perjodi Permessi għal Duħħan Sewdieni. L-użu ta’ żjut karburanti tqal, li l-kontenut ta’ kubrit tagħhom jeċċedi l-1% skont il-massa huwa projbit f’Malta. Ninsab infurmata li hemm 15-il kumpanija li jew għandhom awtorizzazzjoni jew applikazzjoni għaddejja għall-ħażna ta’ dan it-tip ta’ fjuwil.

Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Ċaqliq fil-bini - Azzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet kellmux lir-residenti milquta miċ-ċaqliq tal-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, f’Santa Venera?  Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet fil-konfront ta’ kull min kien jew huwa fil-periklu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 34344 fejn intqal li l-Awtorità għal Bini u Kostruzzjoni għamlet laqgħat mar-residenti tat-toroq msemmija kif ukoll mal-periti tal-proġett u s-Sindku ta’ Santa Venera. F’din il-laqgħa ġie spjegat li s-sitwazzjoni se tibqa’ tiġi assesjata u li se jsir iżjed xogħol ta’ prekawzjoni. Qed  jiġu assessjati l-proprjetajiet li minnhom ġew evakwati familji biex jiġi determinat jekk dawn jistgħux jitħallew jidħlu lura b’mod sigur. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li l-uffiċjali tal- Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol ukoll kellmu r-residenti waqt li kienu fuq is-sit dakinhar li ġie rappurtat il-każ u saret l-ewwel spezzjoni.  L-uffiċjali ta’ l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol għamlu żjarat oħra sabiex jaċċertaw li l-ordnijiet qed jiġu esegwiti, u ma hemm l-ebda periklu relatat mas-sit imsemmi.  L-ordnijiet li nħarġu mill- Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol għadhom effettivi sakemm id-dokumentazzjoni mitluba tintbagħat kif ordnata u tiġi evalwata.   Spezzjonijiet ta’segwietu ser jibqgħu issiru sakemm l-istess Awtorità tassigura li sit huwa sigur.

Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini - Familji li ġew evakwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja nħarġet minn darha għal raġunijiet ta’ sigurtà wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026 u kemm minnhom irritornaw? Jista’ jgħid ukoll meta l-familji l-oħrajn se jiġu assigurati li jistgħu jidħlu lura fi djarhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li b’kollox ġew evakwati sitt familji li ser jibqgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa mill-BCA u se jibqgħu f’akkomodazzjoni alternattiva sakemm il-proprjetajiet tagħhom ikunu dikjarati li ma hemmx periklu. Il-BCA flimkien mal-OHSA, bħal ma dejjem għamlu, se jibqgħu f’kuntatt kontinwu mal-partijiet kollha u jkunu qed jaraw li jiġu salvagwardjati l-interessi u d-drittijiet tat-terzi affettwati u kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha involuti. Ġa la darba l-proprjetajiet tagħhom jiġu dikjarati siguri mill-Perit tal-proġett u kif ukoll minn periti oħrajn, dawn il-familji jkunu jistgħu jirritornaw lura lejn djarhom.

Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini - Pjan ta’ azzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan ta’ azzjoni hemm fis-seħħ wara li numru ta’ familji kellhom jiġu evakwati minn darhom għal raġunijiet ta’ sigurtà, wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-għada tal-każ imsemmi, u ċioe’ nhar it-Tnejn 9 ta’ Frar, saret laqgħa bejn il-BCA, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera, ir-residenti affettwati miċ-ċaqliq tal-bini fi Triq Misraħ il-Barrieri u Triq is-Soll flimkien ma’ resident oħra fl-imsemmija toroq. Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-kuntrattur u l-iżvilupattur tal-proġett. Il-laqgħa kienet indirizzata mis-Sindku ta’ Santa Venera, s-Sur Gian Luca Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, l-Perit Roderick Bonnici, u l-Perit tal-proġett, Anthony Robinson. Fil-laqgħa ntqal li s-sitwazzjoni se tibqa’ tiġi assessjata u li aktar xogħol ta’ prekawzjoni kien se jitkompla, fil-fatt qed jiġu assesjati wkoll il-proprjetajiet li minnhom ġew evakwati l-familji biex jiġi determinat jekk dawn jistgħux jitħallew jidħlu lura b’mod sigur. Sadanittant il-BCA se tibqa’ tipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lil dawn il-familji affettwati. Ix-xogħlijiet kollha, fuq is-sit ta’ kostruzzjoni, huma mwaqqfa u l-BCA u l-Kunsill Lokali se jkunu qed jevalwaw il-permessi kollha approvati fiż-żona minħabba l-possibbiltà ta’ proprjetajiet oħrajn mibnija fuq fondazzjonijiet fraġli fl-istess żona. F’dan il-proċess se jkunu qegħdin jiġu notifikati l-periti u l-iżviluppaturi biex jintlaħaq ftehim ta’ metodu ta’ xogħol qabel jibdew ix-xogħlijiet. Ninforma lill-Onor Interpellant ukoll li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol ħarġet “Stop Order” lil kuntrattur, “Stop Order” lis-sid tal-binja u “Stop Order” lil Project Supervisor, fejn intalab li x-xogħol jieqaf u jsir biss xogħol ta’ rimedju sabiex is-sit ikun sigur.  Intalab ukoll evalwazzjoni tar-riski inkluż kif ser issir ix-xogħol ta’ rimedju.

Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prekawzjonijiet li ttieħdu wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Awtoritá tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) kienet qed issegwi s-sit inkwistjoni u l-bini ta’ madwaru għal madwar xahar, fosthom permezz ta’ crack monitors. Mall-ewwel moviment fil-bini, nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar filgħodu, il-BCA intervjenit minnufih u saru l-evakwazzjonijiet meħtieġa bħala prekawzjoni. Dawk il-familji li nħarġu minn djarhom ġew provduti b’akkomodazzjoni alternattiva sakemm il-bini rispettiv tagħhom jiġi dikjarat sigur. Dakinhar stess, tal-Ħadd 8 ta’ Frar, filgħaxija sar xogħol ta’ prekawzjoni b’emerġenza f’waħda mill-proprjetajiet biswit is-sit ta’ kostruzzjoni. Ix-xogħlijiet saru kollha mill-iżvilupattur tal-proġett taħt is-superviżjoni tal-perit tal-proġett u l-periti tat-terzi u kienu jikkonsistu fl-irfid tal-binja fost oħrajn.

Ħal Tarxien - Triq San Tumas - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32618, jista’ l-Ministru jgħid meta se terġa’ tinfetaħ Triq San Tumas, f’Ħal Tarxien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Triq San Tumas tinsab miftuħa f’direzzjoni waħda. It-triq tinfetaħ mill-ġdid fiż-żewg direzzjonijiet meta jitlestew ix-xogħlijiet neċessarji.

Ħaż-Żabbar - St. Peter’s Area - Bus stop ‘Marżebb’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32017, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ix-xogħol fil-bus stop ‘Marżebb’ f’St. Peter’s Area, f’Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar hemm ħsieb li jsir intervent fil-bus stop ‘Marżebb’ biex ikun iktar komdu għar-residenti.