Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riċerka u innovazzjoni - Baġit allokat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31732, fejn ġie mwieġeb “Tul il-perjodu 2020 sa 2025, l-Università ta’ Malta rċeviet finanzjament totali ta’ €7,576,012.14 mid-diversi line votes relatati mar-riċerka, imqassma fuq oqsma ewlenin bħas-saħħa, is-soċjali, it-teknoloġija u l-edukazzjoni.”, jista’ l-Ministru jagħti “break down” ta’ fuq liema oqsma dawn is-€7.5 miljun intefqu fuq riċerka?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Statementing Board – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jagħti n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-istatementing biex tiġi deċiża l-għajnuna meħtieġa minn LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.

Malta – Kontibut lill-ESA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-kontribut ta’ Malta lill-European Space Agency (ESA), li tmexxi riċerka u programmi spazjali, mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li bejn l-2018 u l-2023 kien hemm investiment ta’ €400,000 fis-sena, fi skema imsejjħa ‘ Space Research Fund ’, dedikata speċifikament għar-riċerka u t-tisħieħ tal-kompetenzi lokali fil-qasam ta’ l-iSpazju. Filwaqt li fl-2024 ġie nvestit €1,649,128.54 u fl-2025 ġie investit €1,688,707.63.

Università ta’ Malta – Senior canteen section – Kmamar tad-WCs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-kmamar tad-WCs fis-senior canteen section tal-Università ta’ Malta jiġu upgraded?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-pjan hu li l-kmamar tad-WCs fis-senior canteen section tal-Università ta’ Malta jiġu upgraded fis-sajf li ġej.

L-Awtorità tad-Djar – Housing estates – Rapporti dwar fallimenti ta’ lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilmenti jew rapporti ta’ falliment ta’ lift irċeviet l-Awtorità tad-Djar (Housing Authority) fl-aħħar tliet snin?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li li programm sistematiku m’hemmx, iżda kull każ jiġi studjat individwalment u skont il-kuntratt tal-manutenzjoni tal-lift.

Housing Estates – Kuntratti tal-lifts – Evalwazzjoni tal-valur provdut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni dwar jekk il-kuntratti preżenti għal-lifts fil-housing estates hux qed jipprovdu valur adegwat għall-flus tal-kontribwenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li kull każ jiġi studjat individwalment u skont il-kuntratt tal-manutenzjoni tal-lift.

Housing Estates – Kuntratti tal-lifts – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlet l-ispiża tal-manutenzjoni tal-lifts fil-housing estates fl-aħħar għaxar snin? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm xi kuntratt partikolari li kkawża żieda sostanzjali fl-infiq?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li matul l-aħħar tliet snin, saret dsatax-il sostituzzjoni ta’ lift lir-residenti permezz tal-iskema LFT, wara li l-Awtorità tad-Djar tkun ingħatat konferma permezz ta’ inġinier li l-lift pre-eżistenti ma kienx ekonomikament vijabbli li jiġi rranġat. Bħalissa qed tipproċessa applikazzjonijiet għal disa’ liftijiet oħra.

Housing Estates – Kuntratti tal-lifts – Kumpaniji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk xi kumpanija li ngħatat kuntratt għal-lifts fil-housing estates qattx kienet investigata, sospiża jew sanzjonata mill-awtoritajiet kompetenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li ssir verifika għall-blacklisting skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Il-Kalkara – Xatt ta’ Rinella – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34411 dwar x’xogħol sar fix-Xatt tar-Rinella l-Kalkara wara l-ħsarat li ġew ikkawżati fil-maltempata ta’ Jannar li għadda, fejn ġie mwieġeb li “B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u Infrastructure Malta, qed jitfasslu pjanti ġodda sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibdew ix-xogħlijiet u t-tiswijiet neċessarji.”, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol wara li jitlestew dawn il-pjanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lil Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lil ministru kkonċernat.

Il-Belt Valletta - Triq il-Merkanti - Telephone box

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar u fiex wasal il-proċess tat-telephone box li tkissret fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta fil-25 ta’ Ġunju tal-2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ preċedenti 34933 u nikkonferma li x-xogħlijiet ta’ restawr waslu fi stadju avvanzat.

Santa Venera - Triq Reġjonali - Tisqif tal-mini - Studji

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha li saru dwar it-tisqif tal-mini ta’ Triq Reġjonali, f’Santa Venera li saru f’din il-leġislatura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32139.

Korp tal-Pulizija - Rhibs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar żewġ Rhibs li nxtraw mill-Korp tal-Pulizija u li waslu f’Malta fl-2023? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus s’issa sabiex issir tiswija fuqhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, fir-rigward taż-żewġ Rhibs li nxtraw mill-Korp tal-Pulizija b’fondi tal-Unjoni Ewropea u li waslu Malta fl-2023, s’issa ma sar l-ebda nefqa mill-fondi tal-Korp sabiex jitwettqu tiswijiet neċessarji meta dawn kienu meħtieġa.

Fire blankets - Supplier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif saret l-għażla tas-supplier għat-tqassim tal-fire blankets, u jekk kienet direct order jgħid lil min ingħatat u kemm kienet l-ispiża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda spiża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dwar fire blankets li ser jitqassmu bla ħlas f' kull dar Maltija u Għawdxija hekk kif dawn ġew offruti b'donazzjoni. F'pass konkret lejn soċjetà Maltija u Għawdxija aktar preparata u sigura flimkien ma’ din il-fireblanket kull familja ser tirċievi wkoll manwal ta' emerġenza. Gwida prattika li tinkludi informazzjoni dwar il-prevenzjoni tan-nirien, l-ewwel għajnuna u kif wieħed għandu jaġixxi f'każ ta' emerġenzi, inklużi dawk naturali. Fl-istess waqt, kull familja ser tirċievi din il-fire blanket bħala strument essenzjali għas-sigurtà fid-dar.

Burmarrad – Kappella ta’ San Pawl Milqi – Xogħol ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33965 dwar il-Kappella ta' San Pawl Milqi f’Burmarrad u fid-dawl li din l-istess kappella għandha partijiet sostanzjali taż-żebgħa tagħha li nqalgħet, jista’ l-Ministru jikkunsidra li din il-kappella tiġi restawrata minn ġewwa wkoll?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-restawr intern tal-Kappella ta’ San Pawl Milqi mhuwiex wieħed mill-proġetti inklużi fil-pjan ta’ Heritage Malta għal din is-sena. Madankollu, dan huwa proġett li l-istess aġenzija qed tikkunsidra li tinkludih fil-lista ta' proġetti li jmiss.

Postijiet ta’ Wirt Storiku – Skemi ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33964, fejn intqal li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni ma joħroġ l-ebda skema ta' restawr fil-privat, jista' l-Ministru jgħid jekk dan jeskludix ukoll ir-restawr ta' proprjetajiet li għandhom funzjoni reliġjuża li mhumiex tal-istat? Jekk iva, jista' jgħid taħt liema skemi jistgħu jiġu restawrati tali binjiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li proprjetajiet li għandhom funzjoni reliġjuża li mhumiex tal-istat jistgħu jkunu eliġibbli taħt l-iskema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali maħruġa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, sakemm il-proposti mressqa mill-Kunsilli Lokali jsegwu l-Linji Gwida ta’ eliġibiltà li jinħarġu mal-istess Skema.

Liċenzji tas-sewqan – Sena 2025

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34035, fejn ġejt riferuta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32119, jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni li ma kinitx laħqet inġabret għas-sena 2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Il-Qawra/Buġibba – Rotot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibbiltà li numru ta' rotot tal-karozzi tal-linja li jitilqu mil-venda tal-Qawra, fil-fatt jiġu studjati, biex jiġi assigurat li r-residenti tal-Qawra (ħruġ minn Dawret il-Qawra u Triq il-Wileġ), ikunu moqdija aħjar? Jista' jikkunsidra din it-talba, fid-dawl li fl-aħħar xhur numru ta' rotot biddlu d-direzzjoni tagħhom peress li ma setgħux jgħaddu mill-Pjazza ta' Buġibba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ħadet nota ta dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.

Ix-Xemxija - Triq Telgħet ix-Xemxija - Xogħlijiet fuq is-sistema tal-ilma tax-xorb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35171 dwar xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ u fuq is-sistema tal-ilma fi Triq Telgħet ix-Xemxija fix-Xemxija, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) hux ser tkun qiegħda twettaq ukoll xogħlijiet fuq is-sistema tal-ilma tax-xorb għall-istess inħawi, biex is-sistema tiġi upgraded jew mibdula kompletament?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 35171, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kontinwament għaddejja bl-evalwazzjoni u bl-ippjanar tagħha dwar proġetti relatati mal-ilma u d-drenaġġ.