Legislature:
Category:
Reset
Active:

ARUC – Rapport Annwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 34136 u 34263 dwar ir-rapport annwali tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), fejn ġie mwieġeb li “r-rapport operattiv annwali ġie mħejji mill-Awtorità skont kif previst fil-Kap. 628 tal-Liġijiet ta’ Malta.”, jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport annwali tal-istess Awtorità, u li jinkludi wkoll il-baġit allokat mill-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 34263.

ARUC - Nefqa għal riklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34138, 34296 u 34475 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull informazzjoni relatata man-nefqa għal riklamar fuq gazzetti, televiżjoni u midja soċjali mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) bejn Jannar 2024 u Jannar 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħal Qormi – Masterplans

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jsir masterplan wieħed jew jekk hux qiegħed jikkunsidra masterplans speċifiċi għal diversi żoni f'Ħal Qormi bħalma huma l-Wied ta' Ħal Qormi, ir-roundabout ta' fejn l-Imgħallaq u r-roundabout ta' fejn Pavi/Greens/Lidl?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376.

Ħal Qormi - Flyover - Problema tal-konġestjoni tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34377, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-opzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati biex issir flyover f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi studji u meta se jkun hemm deċiżjoni dwar it-triq 'il quddiem?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji għadhom għaddejjin.

Ħal Qormi - Masterplan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju eżatt jinsab il-proċess tal-masterplan għal-lokalità ta’ Ħal Qormi? Jista’ jagħti skeda ċara dwar meta se jiġi ppreżentat jew ippubblikat dan il-masterplan, fid-dawl li s-sitwazzjoni ta' diversi toroq f'Ħal Qormi, bħal Triq San Bastjan, huma fi stat ħażin u se jkomplu jiddeterjoraw?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (Hon. CLIFTON GRIMA)

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34113, 34261 u 34428 u ċjoè: Fid-dawl li l-istudenti li jattendu l-Iskola tal-Malta Visual and Performing Arts (MVPA) (li jinkludu studenti tad-drama, mużika u żfin), iridu jmorru kulleġġ ieħor biex jesebixxu l-arti tagħhom; jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jitlesta x-xogħol fuq l-auditorium għall-istudenti li jattendu din l-istess skola? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi diskussjonijiet biex jinġieb investiment għal dan l-auditorium u jekk hemmx żmien stipulat għal meta jibdew ix-xogħlijiet, f’każ li hemm qbil fuq dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION – Offerenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33751, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (Bidders) issottomettew li ser jużaw fit-tender submissions tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33751, ninsab infurmata li l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (bidders) issottomettew kienu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi hekk kif ippubblikati fis-sejħa għall-offerti.

Sistema tas-servizz tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid, jekk qabel jitwaħħal servizz ta' drenaġġ, jiġix verifikat li r-run-off tal-ilma tax-xita ma jkunx imqabbad mad-drenaġġ? Jekk iva, tista' tgħid min jagħmel din il-verifika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema tal-ilma tax-xita tiġi verifikata waqt il-proċess tal-compliance fuq il-permess tal-iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Jekk ma jingħatax il-green light mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dan il-compliance ma joħroġx.

Ħruġ ta’ Compliance Certificates

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli biex jivverifika li jinħareġ compliance certificate qabel jingħata servizz tad-dawl jew tal-ilma? Tista’ tgħid jekk hijiex l-ARMS, jew l-entità konċernata, jiġifieri l-Enemalta jew il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mal-applikazzjoni għas-servizz tad-dawl u l-ilma, ARMS titlob kopja tal-compliance certificate li jkun applika għalih l-applikant mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Membri tal-Forzi Armati fuq bażi part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jissejħu biex jaħdmu fuq bażi part-time fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex kwistjoni ta’ sigurtà, problema fl-ingaġġ ta’ uffiċjali korrettivi, il-popolazzjoni fil-ħabs jew xi raġuni oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi tejbet il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħha u baqgħet tissaħħaħ b’diversi reklutaġġi ġodda. Minn naħa l-oħra din l-opportunità lil persuni b’esperjenza f’Korpi Dixxiplinati oħra tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, li qed isiru wkoll f’kuntest fejn is-servizzi mogħtija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi qed jibqgħu jkunu dejjem imsaħħa.

Ħad-Dingli - Interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tispjega r-raġunijiet għalfejn matul l-aħħar ftit ġimgħat il-provvista tal-elettriku ġiet interrotta b’mod frekwenti fil-lokalità ta’ Ħad-Dingli, jew partijiet minnha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar ġimgħat kien hemm ħsara waħda fuq is-sistema ta’ ‘low voltage’ li affettwat parti żgħira ħafna minn Ħad Dingli. Kien hemm tliet istanzi fejn kellu jsir xogħol ta’ manutenzjoni pjanat u l-konsumaturi ġew infurmati minn qabel.

ERA - Batteriji tal-vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tiżgura li l-batteriji tal-vetturi elettriċi qegħdin jinħażnu u eventwalment jintremew jew jiġu riċiklati skont ir-regolamenti tas-sigurtà u dawk ambjentali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ir-rwol regolatorju tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huwa inkwantu ta’ skart u faċilitajiet li jimmaniġġjaw l-iskart, fejn ġiet adottata l-prassi li fil-faċilitajiet ta’ vetturi fi tmiem żmienhom li jinkludu vetturi elettriċi, jkun hemm risk assessment  u fire plan minn professjonist fil-qasam tan-nirien u sigurtà, fejn anke riċentement, l-ERA qed titlob lil applikanti clearance mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq dawn id-dokumenti peress li dan id-Dipartiment huwa first responder f’każ ta’ inċident. Hemm ukoll ir-rwol tal-ERA inkwantu tal-Extended Producer Responsability fejn produtturi ta’ batteriji għandhom obbligu li jirreġistraw ma’ skema u f’konformitá mal-EU Batteries Regulation (Regulation (EU) 2023/1542) inħoloq l-obbligu ta’ take back system minn dawn il-produtturi. L-ERA qed tassigura li jkun hemm konformità ma’ dan ir-regolament. Fejn jidħlu regolamenti ta’ sigurtà dawn huma regolati minn entitajiet oħrajn u mhux mill-ERA.

White Rocks - Eżerċizzju ta’ tindif - Spiża

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tammonta l-ispiża totali għall-eżerċizzju ta’ tindif fiż-żona tal-White Rocks?  Tista’ tgħid ukoll: i.     minn liema line item fl-estimi finanzjarji tal-Baġit qegħdin jintefqu dawn il-fondi; ii.     liema entità hija responsabbli; iii.    min qed jagħmel ix-xogħol; u iv.    kif saret l-għażla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fil-White Rocks ħadna d-deċiżjoni li minflok bini, kif kien maħsub għal bosta snin, ikun hemm park nazzjonali. Din hi deċiżjoni li se jgawdu minnha ċ-ċittadini llum, u l-ġenerazzjonijiet futuri. Filwaqt li għaddejja konsultazzjoni li tiġbor l-ideat tan-nies dwar x’għandu jkun fih dan il-park, b’mod immedjat tlaqna bix-xogħol li jista’ jsir mingħajr dewmien fosthom tindif taż-żona u anke żbir ta’ ċertu siġar fiż-żona. Ix-xogħol ta’ tindif qed ikun ikkordinat mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni li tuża kemm inġenji tagħha, kif ukoll inġenji ta’ kuntratturi privati skont il-ħtieġa u skont proċeduri stabbiliti. Wara li nkiseb il-permess tal-ERA, beda wkoll xogħol mill-ħaddiema ta’ Project Green ta’ żbir tas-siġar, tindif tal-main ring road u qtugħ tal-ħaxix biex it-triq tkun aktar sigura għal min jużaha. B’kollox sar xogħol fuq madwar 20,000 metru kwadru ta’ ħaxix u siġar eżistenti. Bħal dejjem aħna kommessi li nibqgħu ninfurmaw lill-pubbliku kemm bil-konsultazzjoni pubblika biex jipaprteċipa, kif ukoll b’dak li jkun għaddej u se jgawdi minnu.

Ħaż-Żebbuġ - Triq l-Isqof A. Buttigieg - Proġett

Question

Fid-dawl li fl-2024 ġie mwiegħed li l-spazju fi Triq l-Isqof A. Buttigieg f’Ħaż-Żebbuġ kellu l-ewwel jinbidel f’parkeġġ temporanju u eventwalment f’parkeġġ taħt l-art b’park fuqu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti aġġornament dwar dan il-proġett ġaladarba minn dak iż-żmien ’l hawn jidher li ma sar ebda avvanz? Jista’ wkoll jipprovdi timeline dettaljata u aġġornata li tindika meta huwa mistenni li jitlesta dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li ħadd mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ma kellu talba għal tali proġett.

Ħaż-Żebbuġ - Triq l-Isqof A. Buttigieg - Proġett

Question

Fid-dawl li fl-2024 ġie mwiegħed li l-ispazju fi Triq l-Isqof A. Buttigieg f’Ħaż-Żebbuġ kellu l-ewwel jinbidel f’parkeġġ temporanju u eventwalment f’parkeġġ taħt l-art b’park fuqu, tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar dan il-proġett ġaladarba minn dak iż-żmien ’l hawn jidher li ma sar ebda avvanz?  Tista’ wkoll tipprovdi timeline dettaljata u aġġornata li tindika meta huwa mistenni li jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ħadd mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ma kellu talba għal tali proġett.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Riżenji

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm support workers (full-time jew part-time) fl-Aġenzija Sapport irriżenjaw tul dawn l-aħħar ħames snin skont in-numru ta’ snin ta’ esperjenza li kellhom fl-istess Aġenzija: i.    0 – 5 snin; ii.    6 – 10 snin; iii.    11 – 15-il sena; iv.    16 – 20 sena; u v.    20+ sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

TWEĠIBA Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt. 0-5 snin 6-10 snin 11-15 -il sena 16-20 sena 20+ sena Minnhom Senior Support/Care Workers 2021 9 2 1 1 0 1 2022 10 2 1 0 1 0 2023 9 3 3 2 0 2 2024 12 9 2 1 0 0 2025 18 8 2 1 0 3 Barra minn hekk, nixtieq ninforma lill-Onorevoli li dawk kollha li rriżenjaw ġew sostitwiti b'impjegati ġodda.

Aġenzija Sapport – Part-time Support Workers – Riżenji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw part-time support workers minn Aġenzija Sapport f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Sena Riżenji 2021 12 2022 17 2023 11 2024 15 2025 14

Aġenzija Sapport – Full-time Support Workers – Riżenji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw full-time support workers minn Aġenzija Sapport f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Sena Riżenji 2021 18 2022 13 2023 33 2024 25 2025 33

Persuni b’diżabilità intellettwali severa – Strateġija tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-istrateġija tal-gvern għal persuni b’diżabilità intellettwali severa u li servizz tal-komunità (mhux residenzjali) mhux biżżejjed biex jgħixu ħajja independenti?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, rratifikata u ffirmata fl-2012, kull persuna b’diżabilità għandha dritt tgħix fil-komunità bl-assistenza neċessarja.

Residenzi ta’ Aġenzija Sapport – Lista ta’ stennija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx lista ta’ stennija ta’ persuni b’diżabilità biex jidħlu f’residenzi ta’ Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istrateġija tal-Istat tmur lil hinn mill-għoti ta’ residenza għal persuni b’diżabilità, sabiex tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-deistituzzjonalizzazzjoni u tiġi mħarsa il-UNCRPD. F’dan il-kuntest, qed inkomplu nsaħħu u nespandu s-Servizz tal-Personal Assistant bil-għan li aktar persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u b’dinjità fil-komunità. Fil-preżent hemm madwar 600 benefiċjarju mqassmin fuq żewġ skemi differenti.